Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,57 Mb.
səhifə1/7
tarix24.12.2017
ölçüsü0,57 Mb.
#17531
  1   2   3   4   5   6   7

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 124


It-Tnejn, 20 ta' Ottubru, 1997

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 124


It-Tnejn, 20 ta' Ottubru, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-9.04 a.m.

Talba

SEDUTA NRU. 124
It-Tnejn, 20 ta' Ottubru, 1997


WERREJ

MINUTI 149

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 149

KONDOLJANZI 156

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 157

MOZZJONIJIET 158

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IL-FORZI TAL-PULIZIJA TA' MALTA 158

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 159

ESTIMI TAD-DĦUL U NFIQ TAL-KORPORAZZJONI ENEMALTA 1997/1998 (KONTINWAZZJONI) 159

AĠĠORNAMENT 185

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 188



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 215



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 123 li saret fil-15 ta' Ottubru, 1997 ġew konfermati.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Ninforma lill-Kamra li għar-rigward tal-punt imqajjem mill-Onor. Francis Zammit Dimech fis-seduta Nru. 119 tat-13 ta' Ottubru, 1997 mill-istħarriġ li sar ma jirriżultax li l-mistoqsija parlamentari Nru 8171 saret bi ksur ta' l-Ordni Permanenti Nru. 27(9). Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, jiena naċċetta l-investigazzjoni li għamlet is-Sedja u ngħid li fil-ħajja m'hemm ebda diżunur li tammetti li tkun żbaljat. Jiena kelli l-impressjoni li dik il-mistoqsija parlamentari kont diġa' qrajtha għax kelli ħafna bħalhom u niskuża ruħi mall-kollega tiegħi u jekk kemm-il darba forsi dejjaqtu bil-kummenti tiegħi jiena nirtirahom.
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, napprezza l-ispjega tal-Viċi Prim Ministru.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI




BORDIJIET GOVERNATTIVI - NISA

5215. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jagħti tagħrif dwar in-numru ta' nisa li huma membri f'kull bord governattiv jew parastatali?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, safejn dan għandu x'jaqsam ma' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

BORDIJIET GOVERNATTIVI - NISA

7481. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' nisa illi kienu jifformaw parti minn bordijiet tal-gvern, sena b'sena mill-1987 'il hawn?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, safejn dan għandu x'jaqsam ma' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

KUMPANNIJI - ĦLASIJIET

8512. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas minn Novembru 1996 sal-lum u kemm għad baqagħlu jitħallas lill-kumpanniji Virtual Trends Ltd, Velprint Ltd u Plus Advertising Ltd mill-ministeru, dipartimenti, korpi statutorji, korporazzjonijiet, enti parastatali u kumpanniji li għalihom hu responsabbli u jgħid għal xiex saru jew iridu jsiru l-ħlasijiet?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Minn Novembru 1996 sal-lum saru dawn il-pagamenti lill-kumpanniji msemmija mill-Onor. Interpellant kif murija hawn taħt:






WSC

Ministeru

Virtual Trends Ltd

Xejn

Xejn

Velprint Ltd

Lm2.748.12

Xejn

Plus Advert. Ltd

Xejn

Lm1795.15

Ma fadal l-ebda ħlasijiet xi jsiru lil dawn it-tliet kumpanniji.


MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, il-Ministru għandu informazzjoni dwar x’kien il-ħlas li sar mill-Water Services Corporation lil Velprint Ltd?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Mill-file li għandi hawnhekk ma jirriżultax dan it-tagħrif, pero’ jekk l-Onor. Interpelleant jinsisti għal din l-informazzjoni jiena lest li niċċekkjalu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, jirriżultalu l-Ministru meta sar dan il-ħlas jew meta sar dan ix-xogħol minn Velprint Ltd.?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Le, Madam Speaker, ma jirriżultalix.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, il-Ministru jaf li Velprint Ltd. hija kumpannija li x-shareholders tagħha huma l-familja taċ-Chairman tal-Water Services Corporation u jista' jkun ukoll - din subject to correction - li ċ-Chairman tal-Water Services Corporation għandu shareholding fiha?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Jista' jagħti l-kas li x-shareholders ta' Velprint Ltd. huma l-familja Vella, pero' onestament ma nafx jekk iċ-Chairman tal-Water Services Corporation għandux xi shares f’din il-kumpannija. Jien ma naħsibx li familja li tinzerta tkun familja ta’ xi chairman ta' kumpannija jew korporazzjoni għandha tiġi eskluża milli tagħmel ċertu xogħol.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Billi ftit ta' żmien ilu meta kien hemm ħu ministru Nazzjonalista li kien jagħmel ċertu xogħol fuq kuntratt li ma kellu x'jaqsam xejn fih il-ministru spiċċa biex iċċappas hu, ħuh, familtu u l-Partit Nazzjonalista, jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li ma ntużat ebda influwenza biex Velprint Ltd. tieħu dan il-kuntratt?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, jiena jidhirli - m'iniex ċert - li x-xogħlijiet saru qabel ma s-Sur Vella kien chairman.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, il-Ministru l-ewwel qalli li ma kellux d-data ta meta saru x-xogħlijiet, allura kif issa jista' jgħid li x-xogħlijiet saru qabel ma s-Sur Vella kien chairman?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, veru li qed nitkellem mill-memorja, pero' jidhirli li l-uniku xogħol li sar minn din il-kumpannija għall-Water Services Corporation kien il-printing tal-policy document ta’ l-istess korporazzjoni u nista' ngħid li dak kien ħareġ qabel ma s-Sur Vella kien chairman.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, il-Ministru l-ewwel qalli li ma kienx jaf għalxiex inhu x-xogħol u issa qed jgħidli li dan kien il-printing tal-policy document u qalli wkoll li ma kienx jaf iż-żmien meta sar ix-xogħol u issa qed jgħid li ż-żmien relattiv kien qabel ma ġie maħtur is-Sur Vella bħala chairman. Jidhirlu l-Ministru li f'daqqa waħda din hija verzjoni totalment differenti minn dik li qalli ħames minuti ilu?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Le, ma jidhirlix.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, in vista tal-possibbli konflitt ta' interess - almenu mill-karti hekk qiegħed jidher - jista' l-Ministru jagħti kelma li jinvestiga iktar dan il-każ?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, jekk l-Onor. Interpellant jixtieq xi informazzjoni preċiża, jista’ jagħmilli domanda bil-miktub u nassigurah li nirrispondih.


ILMA - MOSTA - TRIQ ĠUŻEPPI HYZLER

8700. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Peress li skond ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 702 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha tagħmel programm ta' xogħol biex każijiet bħal ta' Triq Ġużeppi Hyzler li għada bla servizz ta' l-ilma jkunu solvuti, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-programm ta' ħidma sarx u x'toroq jinkludi?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tikkonferma li Triq Ġużeppi Hyzler hi nkluża fil-programm ta' xogħlijiet ta' estensjoni ta' mejnijiet u servizzi ġodda. L-istess programm jinkludi Triq l-Aħwa Galea, Triq iċ-Ċinju u partijiet oħra ta' madwarhom.
Il-korporazzjoni għadha qed tinsisti mad-dipartiment tat-toroq sabiex il-formazzjoni tal-wiċċ tat-triq titlesta. Immedjatament kif dan iseħħ il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tinstalla s-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma fi żmien qasir.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Vassallo, mistoqsija supplimentari.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, in vista ta' dak kollu li ntqal mill-Ministru, meta għadna kemm qed ngħidu li d-dipartiment tat-toroq qed jiġi kkontatjat mill-Water Services Corporation u meta aħna konxji wkoll li l-istess żewġ dipartimenti li qed nitkellmu dwarhom jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-istess ministeru, jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex qed issir xi ħaġa sabiex dan id-dewmien jinqata' u jista' jara li jkun hemm iktar kordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ dipartimenti?
ONOR. CHARLES BUHGAIAR: Iva, qed isir ħafna. Fil-fatt fi ħdan il-ministeru taħt id-dipartiment tat-toroq, hemm unit ta' kordinament li twaqqaf appuntu sabiex jagħmel dak li staqsa dwaru l-Onor. Edwin Vassallo, jiġifieri li jara li meta jsiru x-xogħlijiet ta' infrastruttura fit-toroq dawn isiru b'tali mod u manjiera li t-triq ma jkollhiex għalfejn terġa' tinqala'. Dan il-unit ta' kordinament jitlob laqgħa ma' l-entijiet kollha konċernati, jiġifieri, l-Water Services Corporation, id-drainage section, l-Enemalta Corporation, il-Melita Cable Televison, Telemalta Corporation, kif ukoll, jekk ikun il-każ, jekk ikun hemm xi problemi ta' flooding jara din il-problema wkoll sabiex qabel ma ssir triq ġdida jikkordina s-servizzi kollha li jgħaddu minn din it-triq.

Hawnhekk irrid nirringrazzja l-entijiet kollha kkonċernati li jikkoperaw bis-sħiħ mad-dipartiment tagħna sabiex ix-xogħol isir u jsir sewwa. Naturalment din hija xi ħaġa li minħabba li qed issir b'ċerta serjeta' forsi qed tieħu ftit aktar fit-tul milli kieku ma ssirx b'tant serjeta'.


Wieħed irid jgħid li dan is-servizz li jagħti l-unit ta' kordinameant huwa mfittex ħafna, tant li anke l-kunsilli lokali jirrikorru għamlu. Meta l-kunsilli lokali jiġu biex jagħmlu resurfacing ta' xi triq, dawn jikkordinaw ma' dan id-dipartiment sabiex qabel ma jagħmlu r-resurfacing jaraw li s-servizzi li jkun hemm ikunu fi stat tajjeb. Jiġifieri s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi implimentat u nittamaw li aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma jingranaw f'dan ix-xogħol, ċerti delays li hemm bħalissa - u wieħed jistenna li jkun hemm peress li qed nitkellmu fuq entijiet li jkollhom prioritajiet differenti - jingħelbu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija suppliemtari.
ONOR. JOE CASSAR: Billi qed jingħad li qed isiru konsultazzjonijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mal-kunsilli lokali, jista' l-Ministru jgħid min jagħżel it-toroq li, per eżempju, jkollhom bżonn li jinbidlulhom il-kanen? Jista' jgħid ukoll jekk il-konsumatur huwiex iħallas għat-tali xogħol? Per eżempju, fi Triq il-Knisja f'Ħal Tarxien naf li se jsiru xi kanen ġodda tal-plastic u milli jidher in-nies qegħdin iħallsu għalihom. Jista' l-Ministru jikkonferma u jagħti tagħrif dwar dan?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Waħda mill-korporazzjonijiet involuti f'din il-ħaġa hija l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Meta jkun se jsir restructuring ta' toroq permezz tal-fondi tal-kunsilli - ħafna drabi mill-ispecial funds - dawn jirrikorru għand dan il-unit ta' kordinament. F'dak l-istadju li jiġri huwa li dan il-unit jiċċekkja flimkien mad-dipartimenti u mal-korporazzjoni biex jara f'liema stat huma s-servizzi li għaddejjin minn taħt il-wiċċ tat-triq. Fil-każ ta' l-ilma nista' ngħid li jekk ma jkunx hemm kanen mgħoddijin, isir ftehim bejn id-dipartiment tat-toroq, il-kunsilli lokali u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jinbidlu l-mains.
Wieħed irid jiftakar li meta jkollok pipe tal-ħadid għaddej minn taħt it-triq, dan għandu lifetime ta' bejn 12 u 15-il sena. Fil-każ ta' pipe tal-plastic, il-lifetime hija ta' 50 sena. Allura wieħed jaqbillu li jekk ikun se jagħmel triq ġdida juża pipes tal-plastic, anke jekk it-triq tkun diġa' lesta u tkun se tiġi ristrutturata. Meta jsiru pipes tal-plastic, safejn naf jiena, dawn isiru a spejjeż tal-korporazzjoni, imma l-kont ta' l-earth electrode jintbagħat lis-sid tad-dar. Aħna nafu li jekk l-earth electrode isir mill-kuntrattur din tiġi tiswa bejn Lm22 u Lm25. Id-dipartiment tal-manifattura, fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi, qed jagħmel dan ix-xogħol ukoll u qed joffrih lin-nies bi prezz ta' Lm16. Pero' minn kalkolu ta' malajr wieħed jinduna li jekk ma jagħmilx replacement tal-house connection minħabba li ma jkunx irid jagħmel l-earth electrode, dan ix-xogħol xorta se jkollu jagħmlu ftit ta' snin wara u l-ispiża tiġih ħafna iktar. Kulħadd jaf kemm tqum biex tbiddel house connection meta jkollok il-ħsara u fil-fatt ħafna drabi din tiġi tqum iktar minn Lm100.
S'issa, safejn naf jien, kienu ftit ħafna l-problemi li kellna ta' consumers li ma xtaqux ibiddlu s-sistema tagħhom u jagħmlu l-earth electrode. GĦalhekk b'mod ġenerali nista' ngħid li din ħadmet kullimkien.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, meta l-Ministru semma s-somma ta' Lm16, għandi nifhem li din hi s-somma li trid tħallas kull dar?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Iva.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, il-ministeru qiegħed jikkonsidra li fil-postijiet fejn jibdlu s-sistema tal-pajpijiet isiru trinek li fihom jiġu mqiegħda pajpijiet u servizzi oħrajn, bħalma ġara fil-parti l-ġdida ta' l-Imtarfa?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Li qed nipprovaw nagħmlu huwa li meta jinbidlu servizzi f'toroq arterjarji jew distributorji, ngħaddu d-dual mains kullimkien ħalli meta niġu biex nirranġaw il-ħsarat ma jkollniex għalfejn naqilgħu t-triq u b'konsegwenza ta’ dan inħarbtu s-sistema tat-traffiku. L-Onor. Interpellant għamel suġġeriment tajjeb meta qal li jistgħu jsiru culverts u ngħaddu s-servizzi kollha minnhom, pero' ġejt informat mit-Telemalta u mill-Enemalta li hemm xi diffikultajiet tekniċi sabiex jgħaddu l-cables mill-istess kanal. Din is-sistema qed tiġi studjata u nittamaw li nkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa fuq il-linja msemmija.


SAN ĠWANN/NAXXAR - KNATEN

8794. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Michael Angelo Refalo) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li min hu responsabbli jneħħi l-knaten li riċentement waqgħu fit-triq bejn San Ġwann u n-Naxxar b'riżultat tal-maltemp? Minħabba n-nuqqas ta' dawl li hemm fl-inħawi dawn jistgħu jkunu ta' periklu għas-sewwieqa.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-knaten li qed jirriferi għalihom l-Onor. Membru tneħħew mit-triq sabiex jiġi evitat kull periklu, filwaqt li t-tiswijiet meħtieġa għandhom isiru aktar tard.


SAN ĠILJAN/SAN ĠWANN - ĦSARAT

8795. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Michael Angelo Refalo) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li l-ħsara li saret bil-maltemp ta' dan l-aħħar fid-daħla ta' Triq Birkirkara, bejn San Ġiljan u San Ġwann fejn imbagħad jagħti għal Triq Reġjonali tissewwa? Dan għaliex apparti milli tagħti dehra ta' telqa tista' tikkostitwixxi periklu għas-sewqan speċjalment għal min ma jkunx mill-inħawi.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Peress li r-responsabbilta' ta' din it-triq hija tal-kunsill lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-ministru kkonċernat.


WSC - GĦAWDEX

8796. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Anton Tabone) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-Vot ta' Lm233,000 li ngħata lill-Water Services Corporation għal Għawdex sa l-aħħar ta' Settembru, 1997? Fhiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet koperti mis-somma ndikata u f'liema lokalita' saru?

ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Mill-Vot ta' Lm233,000 tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għal Għawdex għas-sena kurrenti li tagħlaq fl-aħħar ta' Settembru li għadda ntnefqu Lm221,464. Dawn ġew minfuqa fuq xogħol ta' estensjonijiet u tiġdid tas-sistema ta' distribuzzjoni mqassma fuq dawn il-lokalitajiet:-


Xagħra

Lm59,334

Xewkija

27,683

Sannat

3,410

Għasri

39,060

Żebbuġ

16,678

Victoria

38,223

Xlendi

13,020

Gozo Heliport

2,046

Ta' Pinu

14,663

Marsalforn

7,347

SINGLE PARENT FAMILIES

8089. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid minn liema bliet u rħula huma dawk is-single parent families li qed jirċievu allowance tat-tfal fil-kategoriji li se nsemmi: divorced; single fathers; separated mothers; widows u widowers?
ONOR. EDWIN S. GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): L-Onor. Interpellant hu ġentilment mitlub jirriferi għall-mistoqsija parlamentari Nru 7480 fejn għandu jsib informazzjoni relatata li tista' tkun ta' għajnuna għalih.
Peress li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali bħalissa jinsab għaddej b'xogħol relatat mal-ħruġ ta' allowances tat-tfal, l-informazzjoni mitluba għadha m'hijiex kompluta. Għaldaqstant din se tingħata f'xi seduta aktar 'il quddiem.


PULIZIJA - CRIMINAL OFFENDERS

8090. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema bliet u rħula kienu dawk il-persuni li nstabu convicted of a criminal offences is-sena l-oħra u din is-sena?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, qed nifhem sew li dawn iċ-ċifri jirriferu sew għal delitti kif ukoll għal kontravvenzjonijiet? Id-domanda kienet dwar criminal offence, pero’ jien qed nassumi li l-kontravvenzjonijiet huma nklużi wkoll.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, l-informazzjoni li għandi hija fis-sens ta' persuni li nstabu ħatja ta' offiża kriminali u safejn naf jien kontravvenzjoni taqa' taħt din il-kategorija.


PULIZIJA - TFAL IMRESSQA L-QORTI

8091. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema bliet u rħula huma dawk it-tfal taħt is-16-il sena li ġew imressqa l-qorti mill-1996 'l hawn?
ONOR. ALFRED SANT: Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub.


SKEJJEL - STUDENTI TQAL

8092. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid minn liema bliet u rħula huma dawk it-tfal li ħarġu tqal waqt li kienu jattendu l-iskola f'dawn l-aħħar 10 snin?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Se ngħaddi t-tagħrif mitlub lill-Onor. Interpellant b'mod konfidenzjali.

PULIZIJA - PERSUNI MTELLA' L-QORTI

8165. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti s-sena l-oħra u din is-sena fuq abbużi ta' l-ischool attendance laws?

ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, jiġifieri lill-ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali.


PULIZIJA - PERSUNI MTELLA' L-QORTI

8173. L-ONOR. CARMELO ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti talli kissru l-Litter Act is-sena l-oħra u din is-sena?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi n-numru ta' persuni li ttellgħu l-qorti fuq ksur ta' l-Att dwar Żibel u Skart fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija kien kif ġej:-
1996 45

1997 (sal-25 ta' Lulju) 34



PULIZIJA - FTUĦ TA' ĦWIENET

8537. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet mal-Pulizija sabiex jinfetħu ħwienet f'Awissu, 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li f'Awissu, 1997 kien hemm 30 applikazzjoni lill-Pulizija għal ftuħ ta' ħwienet.


PROPRJETA' - TRASFERIMENTI

8538. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kuntratti ta' trasferimenti ta' proprjeta' inter vivos u causa mortis mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni matul Awissu, 1997?

ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): In-numru ta' kuntratti li ġew reġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni matul Awissu, 1997 jammontaw għal 957 inter vivos u 143 causa mortis.

QRATI - MULTI

8539. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' multi mposti mill-qrati li kien għad baqa' jinġabru fl-aħħar ta' Lulju, 1997?
ONOR. CHARLES MANGION (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): L-ammont ta' multi mħallsa sa l-aħħar ta' Lulju, 1997 kien kif indikat hawn taħt :


Traffiku u Edukazzjoni

Lm1,490,615

Notarili

423

Qorti Kriminali

494,188

Qorti Pulizija Gudizzjarja

908,654

Total

Lm2,928,760


MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, jista' il-Ministru, flimkien mal-ministeru ta' l-intern, jikkonsidra li l-ħlas ta' ċerti multi, speċjalment dawk li għandhom x'jaqsmu mat-traffiku, jitħallsu fl-għases tal-pulizija? Jien jidhirli li bħalissa s-sitwazzjoni hija li f'każ ta' sentenzi diġa' maqtugħa trid tħallashom il-Belt u jekk tmur biex tħallas multa tat-traffiku l-għassa, jibagħtuk id-Depot tal-Pulizija. Huwa veru li jkollok problemi ta' ħafna cash points f'għases differenti imma jekk l-individwu jkun jista' jħallas il-multa b'cheque fl-għassa tal-pulizija tad-distrett, din tkun tista’ tgħin fil-ġbir tal-multi. Forsi l-Ministru jista' jikkonsidra dan is-suġġeriment.
ONOR. CHARLES MANGION: Is-suġġeriment huwa validu u wieħed għandu jikkonsidrah pero' l-isfortuna hi li ftit issib min ikun dispost iħallas il-multa li jkun weħel!
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Kondoljanzi. Il-Viċi Prim Ministru.


Yüklə 0,57 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə