Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 95,21 Kb.
səhifə2/5
tarix28.07.2018
ölçüsü95,21 Kb.
#59302
1   2   3   4   5

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IŻ-ŻWIEĠ U LIĠIJIET OĦRAJN




MARRIAGE ACT AND OTHER LAWS (AMENDMENT) BILL



L-ISPEAKER: Skont ftehim milħuq, il-ħin ta’ din is-seduta se jinqasam indaqs bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. Għaldaqstant nitlob lill-Ministru Helena Dalli biex, jekk jogħġobha, tressaq it-Tieni Qari.
ONOR. HELENA DALLI: Sur President, nipproponi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att sabiex jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u liġijiet oħrajn b’konnessjoni mal-introduzzjoni taż-żwieġ indaqs u biex jipprovdi dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu magħhom jew huma anċillari għalihom” jiġi moqri t-Tieni Darba.
L-ISPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Nissekonda.
L-ISPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Dalli.
ONOR. HELENA DALLI: Sur President, huwa ta’ pjaċir kbir ħafna għalija bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza li wara li nhar is-Sibt li għadda, mal-ftuħ tat-13-il Leġiżlatura ta’ dan il-Parlament, ippreżentajt l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att tal-2017 li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn”, illejla fit-tieni seduta ta’ din il-Leġiżlatura qiegħda nipproponi t-Tieni Qari tiegħu.
Sur President, ikkampanjajna għal qabża liberali ’l quddiem għal dan il-pajjiż u għal din is-soċjetà tagħna, u l-poplu wieġeb għal din is-sejħa. Għalhekk jiena rrid nibda billi nirringrazzja minn qalbi lill-Prim Ministru l-Onor. Joseph Muscat talli ta lil din il-proposta ta’ liġi l-importanza li ħaqqha. Nirringrazzja wkoll lil sħabi kollha tal-grupp parlamentari Laburista għas-sostenn tagħhom biex flimkien immexxu din il-proposta bħala parti mill-aġenda progressiva u komuni tagħna. Hawnhekk irrid intenni li l-prinċipji li jifformaw l-aġenda tagħna huma dawk tal-ugwaljanza u tal-ġustizzja filwaqt li l-iskop tagħna hu li ma’ kull pass li nagħmlu nimxu dejjem iżjed lejn soċjetà miftuħa u ħanina għal kull wieħed u waħda minna.
Nixtieq nagħmel enfasi partikolari fuq soċjetà ħanina għax din hija l-bażi ta’ Partit Laburista jew inkella ta’ Partit Soċjalista; il-ħniena lejn kull persuna li tista’ tinsab f’sitwazzjoni fejn ma tistax timxi ’l quddiem fil-ħajja tagħha minħabba li s-soċjetà tkun qed iżżommha lura milli tagħmel dan. Irridu ngħidu wkoll li filwaqt li l-konċett tal-ħniena huwa importanti għax biex tinduna li persuna qiegħda f’sitwazzjoni ħażina trid tkun taf tħoss u tħenn għall-oħrajn bħal dik l-omm jew bħal dak il-missier li jkun qed jara lil ibnu jew lil bintu qiegħda tbati, id-drittijiet li aħna bħala leġiżlaturi għandna nagħtu mhumiex xi att ta’ karità. Huwa importanti li nagħmlu din id-distinzjoni. Biex tinduna li persuna qiegħda tbati inti trid tkun persuna umana, trid tkun taf tħoss u trid tkun taf tħenn.
Madankollu, imbagħad id-drittijiet huma drittijiet. Aħna, bħala leġiżlaturi għandu jkollna jdejna fuq il-polz tal-poplu u nkunu ta’ sostenn għal kull persuna li tgħix f’dan il-pajjiż biex naraw li din tilħaq il-potenzjal kollu tagħha filwaqt li ħadd ma jibqa’ lura. Bħala leġiżlaturi, f’dan il-pajjiż ma nistgħux naċċettaw sitwazzjonijiet ta’ persuni li ma jkunux jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom proprju minħabba li jkunu ġew iddiskriminati, u għalhekk huwa ta’ unur għalina li l-ewwel proposta mressqa għad-diskussjoni fit-tnedija ta’ din il-Leġiżlatura qed tindirizza d-drittijiet tal-minoranzi kif ukoll timmodernizza istituzzjoni ċentrali għall-funzjonament tas-soċjetà tagħna bħalma hi dik taż-żwieġ.
Kif nafu, iż-żwieġ jgħin lis-soċjetà tiffunzjona aħjar, u allura aħna rridu nkomplu nimmodernizzaw lil din l-istituzzjoni skont il-bżonnijiet u r-realtajiet ta’ llum. Fil-fatt, fil-qasam tal-ugwaljanza, bħal f’oqsma oħrajn, dan il-Gvern għandu programm ambizzjuż li se jkun qed jiġi mplimentat mingħajr dewmien żejjed, u jiena nista’ niżgura li bit-twettiq ta’ dan il-programm se nkomplu niksbu wkoll dik il-qabża liberali fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej. Fiha nnifisha din il-proposta tiċċelebra l-progress li ksibna matul dawn l-aħħar snin.
Din turi biċ-ċar kemm aħna, bħala Gvern, ninsabu kommessi li nibqgħu ninsistu biex niżguraw li quddiem il-liġi kull wieħed u kull waħda minna jkun meqjus b’mod indaqs mingħajr l-ebda distinzjoni. Il-bidliet li wettaqna permezz ta’ liġijiet fil-qasam tal-LGBTIQ - fosthom dawk tal-unjoni ċivili, tal-identità tal-ġeneru u l-liġi kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni - wasslu sabiex illum il-komunità LGBTIQ tgħix aktar b’mod miftuħ mingħajr ħabi, bla mistħija u b’anqas ċans li tiġi bullied jew saħansitra diskriminata. Fi ftit kliem dawn il-liġijiet qed jgħinu sabiex dawn il-persuni jgħixu aktar viċin dik il-ħajja li aħna nieħdu for granted.
Fil-fatt, Sur President, huwa għalhekk li jiena ngħid li m’għandhiex issir distinzjoni bejn persuna u oħra minħabba l-mod kif twieldet. Ħadd ma jagħżel kif jitwieled, u allura aħna min aħna biex niddistingwu jew saħansitra niddiskriminaw bejn min f’għajnejna narawh li twieled differenti? Jiena nistieden lil kull min qed jismagħni biex jitkellem mal-ġenituri ta’ tfal LGBTIQ ħalli jaraw jekk iħobbux lil dawn l-ulied daqs uliedhom l-oħra li aħna nqisuhom bħala mainstream! Dawn huma l-affarijiet li aħna, bħala leġiżlaturi, irridu nħarsu lejhom u nkunu sensittivi għalihom. Aħna hawnhekk m’aħniex robots li nipproduċu l-liġijiet, imma qed inressqu l-liġijiet f’dan il-Parlament proprju għax qegħdin nifhmu r-realtajiet u t-tbatijiet li qegħdin jgħixu dawn in-nies. Huwa għalhekk li aħna kkampanjajna b’imħabba, b’imħabba lejn il-familji tagħna u lejn il-pajjiż tagħna li rridu nagħmluh l-aqwa fejn l-ebda persuna ma tibqa’ lura.
Illum din il-komunità hija ċċelebrata bħala parti importanti mid-diversità ta’ pajjiżna. Meta nagħrfu napprezzaw id-diversità nsibu li din mhijiex xi ħaġa li għandna nagħtuha daharna, anzi lhija xi ħaġa li tagħmilna aktar rikki. Hawn ta’ min isemmi wkoll il-fatt li permezz ta’ dan il-progress ibbenefikaw ukoll il-familjari u l-ħbieb tal-membri ta’ din il-komunità minħabba li l-istigma li kellhom naqset ħafna. Meta għaddejna l-liġi dwar l-identità tal-ġeneru kien hemm 70 persuna li marru biex jibdlu l-identità tal-ġeneru tagħhom mal-ewwel, però jien ngħid li dawn ma kinux 70 persuna imma 70 familja għax dawk il-persuni li marru jagħmlu l-kuntratt għand in-nutar għandhom familja, u llum dawn il-familji qed jaraw lil oħthom, lil ħuhom, lil binhom jew lil binthom jgħixu ħajja aktar trankwilla, aktar serena u aktar kuntenta. Dawn huma l-bidliet li aħna qed inġibu fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u tal-familji konċernati.

Hawnhekk irrid inżid ngħid li aħna bbenefikajna wkoll minn dawn il-liġijiet għax permezz tagħhom illum il-persuni LGBTIQ jistgħu joffru iżjed lis-soċjetà tagħna, u dan minħabba li naqsilhom ħafna mix-xkiel li kienu jiffaċċjaw f’affarijiet li għal ħaddieħor huma sempliċi. Huwa biżżejjed li nerġa’ nġib l-eżempju ta’ dik l-omm li ġiet tkellimni u qaltli li qed tibża’ toħroġ għax-xogħol li ma tmurx meta tiġi lura ssib li bintha tkun wettqet suwiċidju. Kif tista’ tibqa’ ċass meta tisma’ dawn l-istejjer umani, li għal uħud huma l-ħajja tagħhom ta’ kuljum?! L-istess nistgħu ngħidu għall-każ ta’ Joanne Cassar fejn l-Oppożizzjoni ta’ llum, li dak iż-żmien kienet fil-gvern, mhux biss ċaħditilha d-drittijiet tagħha mal-ewwel, imma meta Joanne Cassar rebħet il-każijiet fil-qorti, appellat fil-Qorti Kostituzzjonali u rebħet darbtejn, din xorta baqgħet ma tathiex id-drittijiet li kienet rebħet tant li spiċċat kellha tmur quddiem il-Qorti Ewropea.


Sur President, dawn huma r-realtajiet. Din hija l-bidla fil-kwalità li saret għan-nies tagħna f’dan il-pajjiż, bidla li qabel dawn ħutna lanqas biss kienu joħolmuha għax mhux talli ma kellhomx lil min jgħinhom imma talli kellhom lil min ikasbarhom u lil min iżommhom lura milli jimxu ‘l quddiem. Tant hu hekk li, kif spjegajt diġà, meta dawn rebħu d-drittijiet tagħhom ċaħduhomlhom xorta u kellhom jitilqu barra minn Malta biex jieħdu d-drittijiet tagħhom. Aktar kmieni din is-sena għat-tieni sena konsekuttiva pajjiżna kien iddikjarat bħala l-aħjar pajjiż fl-Ewropa fejn jidħlu dawn id-drittijiet. Jiena niftakar li meta sentejn ilu konna ġejna fl-ewwel post u avżajt lill-Prim Ministru b’dan, l-ewwel ħaġa li qalli ma kenitx “prosit” imma “ara li nibqgħu nżommu dan il-post”! Fil-fatt illum, sentejn wara, aħna rnexxielna nibqgħu hemmhekk u qed inkomplu naħdmu biex nibqgħu hemmhekk.
Aħna ninsabu konxji tal-fatt li meta tkun fuq nett, inti ma tistax titla’ aktar ’il fuq u l-probabbiltà tkun illi tinżel ’l isfel, però aħna se nagħmlu minn kollox biex nibqgħu nżommu dan il-post, u din id-darba erġajna saħansitra tejjibna l-pożizzjoni tagħna fil-quċċata permezz ta’ distakk akbar minn dawk li ġew warajna. Fil-fatt din il-liġi se tkompli ssaħħaħ proprju dan il-post billi tneħħi d-diskriminazzjoni istituzzjonalizzata li għadha teżisti fiż-żwieġ. Tajjeb infakkar li sa ftit snin ilu l-affarijiet fil-qasam tal-libertajiet ċivili u l-ugwaljanza kienu ferm differenti minn hekk. Diġà rriferejt għall-każ ta’ Joanne Cassar, u nista’ ngħid ukoll li kien biss fis-sena 2011 li l-Gvern Nazzjonalista wassal lil pajjiżna għal referendum biex sempliċement iddaħħal id-dritt tad-divorzju f’dan il-pajjiż, dritt bażiku li kien jeżisti fil-pajjiżi l-oħrajn kollha ta’ madwar id-dinja, u huwa għamel dan biss biex iżomm l-istatus quo intatt.
Hawn wieħed ma jistax ma jfakkarx ukoll li minkejja li permezz ta’ dak ir-referendum il-poplu kien bagħat messaġġ ċar ħafna li jrid illi d-dritt tad-divorzju jkun parti mil-liġijiet tagħna, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien sabha bi tqila biex jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu tant li kien hemm min saħansitra qal illi r-referendum kien biss wieħed konsultattiv u allura ma kienx hemm obbligu li jkun rispettat. Fil-fatt ilkoll niftakru lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien jivvota kontra r-rieda tal-poplu. Issa hawnhekk qed nitkellmu fuq is-sena 2011, jiġifieri mhux fuq xi 100 sena ilu, u għalhekk meta wieħed iqis x’sar f’dan il-qasam matul dawn l-aħħar ftit snin jirrealizza kemm il-poplu tagħna għamel qabża fil-kwalità tal-ħajja tiegħu.
Kuntrarjament għal dak il-konservattiviżmu li kien jaħkem lil kull settur tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, il-Manifest Elettorali tagħna taħt l-għajta ta’ dak iż-żmien “Malta Tagħna Lkoll” kien għamilha ċara li hekk kif nirbħu l-elezzjoni konna se niftħu l-bieb għall-progress soċjali f’Malta, inkluż fil-qasam tal-libertajiet ċivili u tal-ugwaljanza. Kien hawn min kien ra dan bħala żball tattiku min-naħa tagħna u ddefenda l-pożizzjoni konservattiva tiegħu billi qal li l-poplu ma kienx lest għal dawn il-bidliet, però jiddispjaċini ngħid li meta nisma’ lil min jitkellem b’dan it-ton patronizzanti ... Għax fl-aħħar mill-aħħar jekk lill-poplu tagħtih direzzjoni u leadership tajjeb, il-poplu jifhem li dak li qed tagħmel, qed tagħmlu biex ittejjiblu ħajtu u biex tmexxi l-pajjiż ’il quddiem. Għalhekk jien ma naċċettax lil min jiġi jgħid li l-poplu mhuwiex lest għat-tali ħaġa jew għall-oħra. Lill-poplu ipprovah; fiehmu u għidlu x’se tagħmel. Fil-fatt meta aħna għedna li se nagħtu l-leadership fuq din l-area ta’ policy, il-poplu mhux biss fehem dak li għamilna matul il-Leġiżlatura preċedenti imma fehem ukoll dak li rridu nagħmlu f’din il-Leġiżlatura li għadna kif bdejna.
Madankollu l-iżball li wettaq fir-rigward tal-liġi tad-divorzju ma kienx biżżejjed għall-Partit Nazzjonalista għax meta mbagħad aħna, bħala Gvern, ipproponejna l-liġi dwar l-unjoni ċivili, huwa talabna biex qabel ma nintroduċu l-liġi nagħmlu saħansitra studju dwar l-impatt soċjali li kienet se tħalli din il-liġi, liema studju nafu li kien jirrikjedi s-snin biex isir, u dan mingħajr ma kien se jagħtina l-ebda riżultat konklużiv. Fi ftit kliem, dan l-istudju ma kien se jsir għal xejn aktar ħlief għall-ħela ta’ ħin! Naturalment huma kienu qed jaħsbu li għadna fi żmien gvern Nazzjonalista fejn minkejja li l-liġi tal-koabitazzjoni kienet tiġi proposta f’kull kampanja elettorali, din kienet tibqa’ ma titwettaq qatt!
Fil-fatt jekk tħarsu lejn il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-1998 taraw il-wegħda tal-liġi tal-koabitazzjoni, u dik il-wegħda baqgħet issir fil-programm elettorali ta’ kull elezzjoni ġenerali ta’ wara, però kellu jkun Gvern Laburista li jdaħħal din il-liġi. Hawnhekk wieħed jista’ jara l-prokrastinazzjoni min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista fejn jidħlu dawn id-drittijiet. Anke meta ġejna biex indaħħlu l-liġi tal-unjoni ċivili, qalulna li rridu nagħmlu studju fuq hekk, li rridu nagħmlu studju fuq hekk ... Ma ninsewx li hawnhekk qed nitkellmu fuq il-ħajjiet tan-nies, u qed nitkellmu fuq il-ħajjiet ta’ nies li qegħdin ibatu. Biżżejjed ngħid li hawnhekk qed nitkellmu fuq nies li sa ftit ilu kienu second-class citizens! Allura wara dan iż-żmien kollu kif nistgħu nibqgħu ngħidulhom li se nagħmlu “hekk” u se nagħmlu “hekk” u nibqgħu ma nagħmlu xejn?!
Nerġa’ ngħid, Sur President, li meta l-poplu tagħna vvota favur id-divorzju, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ipprova jargumenta li dak kien biss referendum konsultattiv tant li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien ivvota kontra r-rieda tal-poplu! L-istess nistgħu ngħidu fir-rigward tal-liġi tal-koabitazzjoni, għax minkejja li kienu ilhom iwegħduha, baqgħu ma għamluhiex u kellu jkun dan il-Gvern progressiv li għamel din il-qabża liberali ‘l quddiem. Naturalment aħna hekk se nkomplu nagħmlu għax il-poplu reġa’ vvota għal bidla oħra. Però l-Membri tal-Oppożizzjoni li kienu qed jitolbuna dawk l-istudji fuq l-unjoni ċivili u li astjenew waqt il-vot dwar il-liġi tal-unjoni ċivili llum qegħdin jirrealizzaw li l-poplu qed jagħtihom risposta wara l-oħra.

Fl-2013 il-poplu vvota għall-pakkett li konna qegħdin nippreżentaw aħna biex jikkonsolida dak li kiseb matul il-Leġiżlatura preċedenti u b’hekk inkomplu nimxu ’l quddiem, jiġifieri bil-vot tiegħu l-poplu Malti u Għawdxi qed jagħti risposta lill-Partit Nazzjonalista u qed jgħidlu: “Move on! Ejjew inkomplu mexjin f’din it-triq, ejjew inkomplu nagħtu dawn id-drittijiet, ejjew inkomplu nirrikonoxxu lil kull persuna li għandna f’dan il-pajjiż għax kull tarbija li titwieled għandha dritt tilħaq il-potenzjal kollu tagħha mingħajr l-ebda diskriminazzjoni!” Fil-fatt irrid ngħid li mad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-unjoni ċivili, madwar 200 koppja li qabel kienu esklużi mir-rikonoxximent soċjali u legali ta’ pajjiżna żżewġu billi daħlu f’unjoni ċivili. Kellna wkoll l-ewwel addozzjoni, u fil-preżent għaddej proċess ieħor biex jaddottaw ħames koppji oħra.


Dan kollu sar mingħajr ma kellna l-ebda tempesti, l-ebda terremoti u l-ebda disgrazzji naturali, anzi kull ma kellna kienu familji aktar ferħanin li qed jgħixu ħajjithom b’dinjità mingħajr ma jħossu li huma xi ċittadini tat-tieni klassi. Dan hu s-sabiħ ta’ dawn il-liġijiet li qegħdin immexxu ‘l quddiem, u min kien qed ibeżża’ lin-nies li kif jidħlu dawn il-liġijiet kienet se taqa’ s-sema, illum irrealizza li huwa kien qed jagħmel hekk għax ried jibqa’ marbut fil-ktajjen tal-konservattiżmu, liema ktajjen il-Partit Laburista beda jaqtagħhom hekk kif tela’ fil-Gvern għax huwa jemmen li għandu jirrispetta l-libertà ta’ kull bniedem dment li dan ikun qed jgħix skont il-liġijiet tal-pajjiż. Il-Gvern Laburista jemmen li huwa b’hekk biss li bniedem jista’ jilħaq il-potenzjal massimu tiegħu fil-ħajja tiegħu jew tagħha.
Għall-kuntrarju ta’ dak li kienu qegħdin ibassru l-prophets of doom, il-poplu Malti wera kemm hu matur u laqa’ dawn il-bidliet b’idejh miftuħa. Fil-fatt il-poplu tagħna tant jgħożż dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza li qed navvanzaw fih bħala Gvern li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet irritornalna rebħa elettorali saħansitra akbar minn dik tas-sena 2013, li diġà kienet waħda storika. Għalhekk dawk li kienu qegħdin jgħidu li l-poplu ma kienx lest għal dawn il-bidliet ... Il-poplu kien lest ħafna għal dawn il-bidliet, u tant kien lest għal dawn il-bidliet li qalilna biex nagħmlu leġiżlatura oħra nkomplu naħdmu fl-istess direzzjoni li ħdimna fiha matul il-Leġiżlatura li għaddiet. Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet jien kont nieħu gost nara li għal kull mass meeting li organizza l-Partit Laburista flimkien mal-bnadar ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea kien ikun hemm ukoll diversi bnadar tal-qawsalla, li jissimbolizzaw l-aspirazzjonijiet għall-ugwaljanza u għad-diversità.
Kont tieħu pjaċir tara din id-diversità anke fl-attivitajiet politiċi li konna qegħdin nagħmlu fi żmien il-kampanja elettorali. Permezz tal-kampanja elettorali tagħna, li kienet ibbażata fuq l-imħabba u fuq l-ugwaljanza, aħna tajna ħafna tama, u l-poplu ta risposta wkoll. Huwa ma riedx kampanja ta’ mibegħda u ta’ tgħajjir imma għażel il-kampanja tagħna tal-imħabba u tal-ugwaljanza. Huwa laqa’ għandu dak li kien qed jgħid il-Prim Ministru f’kull mass meeting meta kien qed jitkellem fuq din il-qabża liberali ‘l quddiem. Jiena nieħu gost insemmi wkoll lil dawk il-ġenituri u n-nanniet li kienu jiġu fuqna waqt l-attivitajiet li konna norganizzaw fi żmien il-kampanja elettorali u jirringrazzjawna minħabba li issa l-familja tagħhom sabet il-paċi għax bil-liġijiet li għaddejna hemm aktar serenità u inqas mistħija bejn il-membri tal-familja tagħhom.
Iva, qabel lil dawn il-persuni kienu jġegħluhom jistħu għax dawn kienu jaħsbu li m’għandhomx dritt li jgħixu ħajjithom bħal ħaddieħor. Għalhekk jekk qabel ma għaddew dawn il-liġijiet kien hemm xi diskiminazzjoni fil-familja sforz il-preġudizzji li kellna qabel, almenu llum din ittaffiet. Qed nuża l-kelma “ittaffiet” għax jiena ma ngħidx li llum din id-diskriminazzjoni spiċċat għal kollox. Minkejja li ngħaddu l-liġijiet mill-Parlament, biex tbiddel l-attitudnijiet u tbiddel il-kultura teħtieġ ħafna edukazzjoni. Fil-fatt issa wasalna f’dik il-fażi li nkomplu nedukaw u nitkellmu fuq dawn ir-realtajiet ħalli mhux biss intaffu dawn il-preġudizzji imma nneħħuhom għal kollox.
Sur President, illum il-poplu fehem mingħajr il-bżonn ta’ ħafna spjegazzjoni li l-libertà ta’ ħuthom iċ-ċittadini LGBTIQ, li sa ftit ilu kienu meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi, ma kienet qed teħdilhom xejn minn tagħhom. Illum il-poplu nduna li l-fatt li tajna drittijiet lil sezzjoni tas-soċjetà tagħna li sa llum ma kellhiex drittijiet ma weġġagħhomx u ma ħadilhom xejn mid-drittijiet tagħhom. Wara kollox, billi inti tirrikonoxxi lil xi ħadd li ma kienx rikonoxxut, dan mhu se jneħħilek xejn mid-drittijiet tiegħek. Dan b’liema argument inti tista’ tiddeċiedi li lit-tali sezzjoni tal-popolazzjoni tagħtiha d-drittijiet filwaqt li lit-tali sezzjoni le?! Mhux hekk għandhom ikunu l-politiċi u l-leġiżlaturi! Mhux talli hekk, talli ma’ kull pass li għamilna lejn iżjed ftuħ fis-soċjetà Maltija, il-poplu ċċelebra magħna u tana l-go-ahead biex inkomplu din il-ħidma. Issa jien ilni f’dan il-Parlament daqsek, Sur President, 21 sena, u allura kont kemm fl-Oppożizzjoni kif ukoll fil-Gvern.
Din l-esperjenza fil-Parlament għallmitni li inti mill-Oppożizzjoni tista’ tipproponi. Fil-fatt aħna meta konna fl-Oppożizzjoni dejjem konna nagħmlu dawn it-tip ta’ proposti, u jien dejjem nafni nikkritika l-fatt illi ċertu staġnar ma jistax imexxi lill-pajjiż ’il quddiem. Sur President, inti tiftakar ukoll kemm kien ikollna dibattiti fuq dawn l-issues, imma ovvjament meta ma tkunx fil-Gvern huwa diffiċli li tressaq ’il quddiem ... Pereżempju, jiena niftakar lill-Ministru Bartolo jressaq abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru bħala private members bill fiż-żmien li aħna konna fl-Oppożizzjoni, imma l-Gvern ta’ dak iż-żmien ma kienx jagħmel bħalma għamilna aħna fl-aħħar Leġiżlatura fejn kif ikun hemm private member’s bill dan jitressaq mal-ewwel, u sfortunatament dan il-private member’s bill tħalla jiġbor it-trab. Għalhekk l-esperjenza tiegħi f’dan il-Parlament għallmitni ħafna, fosthom x’għandi nistenna mill-Oppożizzjoni.
Ngħaddi issa biex niddiskuti ftit il-kontenut tal-Abbozz ta’ Liġi filwaqt li nikkummenta fuq it-titlu u l-format tal-proposta tal-liġi, anke għaliex skont rapporti li ħarġu fuq il-gazzetti lbieraħ jidher li numru ta’ esponenti tal-grupp parlamentari Nazzjonalista tnaffru hekk kif raw dan l-Abbozz ta’ Liġi u qegħdin jitolbu saħansitra lill-Whip tagħhom biex ikollhom vot ħieles fuq din il-proposta ta’ liġi. Jiena ngħid bla ekwivoku li permezz ta’ din il-liġi aħna se nkunu qegħdin inwessgħu d-definizzjonijiet li hemm fl-Att dwar iż-Żwieġ tal-1975 biex jinkludu lill-koppji tal-istess sess fl-ambitù taż-żwieġ ċivili.
Dan kien neċessarju li jsir għax kien l-uniku mezz li jassigura l-ugwaljanza. Jekk fhimt sew minn dak li qrajt, dawn l-esponenti tal-grupp parlamentari Nazzjonalista qed joġġezzjonaw għall-fatt li issa l-koppji tal-istess sess se jkunu jistgħu jiżżewġu taħt l-istess liġi li tirregola ż-żwieġ għal koppji eterosesswali. Jekk inhu hekk, jiena naħseb li dawn l-istess esponenti għandhom bżonn li jmorru lura fl-iskola tan-nuna fejn tidħol l-ugwaljanza għax minkejja li ilna erba’ snin nitkellmu dwar dawn l-issues, huma għadhom ma fehmu xejn! Matul il-leġiżlatura li għaddiet emendajna l-artiklu tan-non-diskriminazzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra, u dan għamilnieh sabiex nipproteġu lil kulħadd kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u tal-identità tal-ġeneru.
Dan kien pass għaqli, importanti u bżonnjuż, però dan ifisser ukoll li issa l-Gvern mhux biss għandu l-mandat imma anke l-obbligu li jemenda kull liġi li tiddiskrimina direttament jew indirettament sabiex inkunu nistgħu ngħidu li dan il-prinċipju jkun qed jiġi verament onorat. Għalhekk jekk xi Membru Parlamentari ħaseb li aħna konna se nipproponu xi liġi ta’ żwieġ ġdida li tapplika biss għall-koppji tal-istess sess sejjer żball. Lanqas biss nistgħu nagħmlu hekk għax qed ngħidu fil-Kostituzzjoni stess li ma nistgħux nagħmlu diskriminazzjoni! Allura issa dawn kif qed jgħidulna li jrid ikollna liġi taż-żwieġ għall-persuni eterosesswali u liġi taż-żwieġ oħra għall-persuni tal-istess sess?! Aħna qatt mhu se nagħmlu dan għax irridu ugwaljanza sħiħa u mhux taparsi ugwaljanza jew biċċa ugwaljanza!
Kif għedt diġà, lanqas il-Kostituzzjoni tagħna stess ma tippermettilna li nagħmlu dak li qed jipproponu li nagħmlu l-Membri tal-Oppożizzjoni! Tant hu hekk li meta konna pproponejna l-liġi tal-unjoni ċivili, konna għamilnieha tapplika għall-koppji kollha, jiġifieri kemm għall-koppji tal-istess sess kif ukoll għal dawk ta’ sess differenti, u dan minkejja li koppji eterosesswali diġà kellhom aċċess għaż-żwieġ. Meta għamilna l-liġi tal-unjoni ċivili, din aħna għamilnieha għal kulħadd. Ma qagħdniex ngħidu li din hija għall-koppji tal-istess sess biss, imma ftaħnieha għal kulħadd, u fil-fatt nafu anke b’koppji eterosesswali li daħlu f’unjoni ċivili. L-istess qegħdin nagħmlu b’din il-proposta ta’ liġi li qegħdin niddiskutu llum.
La fit-titlu u lanqas fl-Abbozz ta’ Liġi m’intom se ssibu riferenza waħda għal xi tip ta’ familja jew oħra għax il-koppji kollha għandhom l-istess validità għalina, irrispettivament mis-sesswalità jew mill-ġeneru tagħhom. Dan huwa l-punt prinċipali tiegħi, Sur President. Nerġa’ nenfasizza li għalina kull koppja għandha l-istess validità ġaladarba l-għażla tal-koppja hija li jgħixu flimkien u li jirregolarizzaw din ir-relazzjoni, u aħna m’aħna se nindaħlu lil ħadd dwar min għandhom ikunu l-komponenti ta’ dik il-koppja. Għalhekk għalina koppja eterosesswali hija koppja normali - għalkemm kif għedt kemm-il darba f’din il-Kamra, jiena ma nafx x’inhu normali, imma ħalli nużaw il-kelma “normali”! - daqs koppja tal-istess sess għax huma għażlu li jkunu flimkien.
Fl-aħħar mill-aħħar jien min jien biex ngħid lil koppja li ma tistax tidħol f’relazzjoni mat-tali persuna jew mal-persuna l-oħra?! Dan assolutament m’għandux ikun għax aħna rridu l-kuntentizza u l-hena għan-nies tagħna, u allura nemmnu li dawn għandhom jgħixu ma’ min jagħżlu li jgħixu huma. Il-liġi għandha tkun għamja u tapplika l-istess għal kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni. Għalina dan huwa prinċipju kardinali għax aħna nemmnu li l-liġi m’għandhiex tagħmel riferenza għal xi grupp jew ieħor imma għandha tapplika l-istess għal kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni.
Apparti għal-liġi dwar l-unjoni ċivili, wieħed isib dan l-istess raġunar ukoll fil-liġi tal-koabitazzjoni. Kif diġà semmejt, fil-21 sena li ilni f’dan il-Parlament jien kont ilni ħafna nisma’ lill-Gvern ta’ dak iż-żmien jgħid li se jagħmel din il-liġi, imma konna aħna li addottajna din il-liġi lejn tmiem il-leġiżlatura li għaddiet, u l-istess, din il-liġi hija mifuħa kemm għal koppji tal-istess sess kif ukoll għal dawk eterosesswali mingħajr l-ebda distinzjoni. Mela allura għandna l-liġi tal-unjoni ċivili, li hija miftuħa għal kulħadd, għandna l-liġi tal-koabitazzjoni, li hija miftuħa għal kulħadd ukoll, u issa qegħdin ngħidu li anke l-liġi taż-żwieġ se tkun miftuħa għal kulħadd.
Dan jispjega wkoll għalfejn fost l-emendi li qegħdin inressqu qed inneħħu d-diversi riferenzi li hemm għal raġel u għal mara u minflok qed nissostitwixxuhom bil-kelma newtrali ta’ “konjuġi”. B’dan il-mod kemm jekk il-koppja tkun kostitwita minn raġel u mara, kemm jekk il-koppja tkun kostitwita minn żewġ irġiel kif ukoll jekk il-koppja tkun kostitwita minn żewġ nisa, din tkun biss kwestjoni personali tal-koppja u ma jkun hemm bżonn lil ħadd illi jinterpreta jekk xi proviżjoni jew oħra tapplikax ukoll għal koppji tal-istess sess. Wara kollox x’hemm isbaħ milli l-affarijiet ikunu ċari għal kulħadd mill-bidu nett? Dan huwa in essence dak li qegħdin ngħidu hawnhekk. L-affarijiet għandhom ikunu ċari mal-ewwel ħalli kulħadd ikun jaf għal xiex dieħel u r-regoli li japplikaw għar-relazzjoni tagħhom, huma min huma u huma x’inhuma.
Sur President, jien nistaqsi wkoll x’hemm isbaħ mill-inklużjoni. Issa kemm il-liġi tal-unjoni ċivili, kemm il-liġi tal-koabitazzjoni kif ukoll il-liġi taż-żwieġ se jkunu miftuħin għan-nies mingħajr l-ebda distinzjoni u diskriminazzjoni, kif kellna qabel. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax mhux biss lill-Gvern imma anke lill-komunità LGBTIQ u lill-kunsill konsultattiv li jien kont waqqaft fil-bidu tal-leġiżlatura preċedenti. Jien ngħid li fadlilna ħafna x’nagħmlu sabiex nilħqu ugwaljanza sħiħa u flimkien irridu niġġieldu l-eterosessiżmu bħalma niġġieldu s-sessiżmu. Fl-aħħar mill-aħħar jiena ngħid li din hija l-istess ġlieda għax ugwaljanza sħiħa tirrikjedi li din tkun riflessa kemm f’dak li huwa sostantiv, jiġifieri dak li jwassal għad-drittijiet u għall-obbligi, kif ukoll f’dak li huwa simboliku, li f’dan il-każ jirriferi għal dak li m’għandux impatt dirett fuq id-drittijiet u l-obbligi iżda jservi sabiex jinforma lis-soċjetà b’dak li huwa meqjus “normali” u inqas “normali”.
Jekk nibqgħu nekwiparaw ir-rabta taż-żwieġ ma’ koppja kostitwita minn mara u minn raġel u neskludu l-formazzjoni tal-istess rabta bejn iż-żwieġ u koppji kostitwiti minn raġel u raġel jew minn mara u mara nkunu eterosessisti. Il-kelma “konjuġi” mhi se tkun qed tieħu xejn lil ħadd, imma se tfisser ħafna għal dawk li sa llum kienu esklużi. Issa hawnhekk irridu ngħidu l-affarijiet kif inhuma. L-irġiel se jibqgħu jkunu jafu li huma rġiel u n-nisa se jibqgħu jkunu jafu li huma nisa, u mhu se jkollhom bżonn l-ebda formola jew ċertifikat maħruġ mill-gvern sabiex huma jkunu jafu dan. Kulħadd se jibqa’ jkun jaf jekk żewġu jew martu humiex nisa u rġiel.
Din tidher li hija xi ħaġa ovvja, però minn dak li qrajt ilbieraħ fil-gazzetti jidher li għal uħud din mhijiex daqshekk ovvja! Hawnhekk jiena nistaqsi: Meta inti tmur tiċċekkja xi ħaġa, inti tmur tiċċekkja biex tkun taf jekk intix miżżewweġ ma’ raġel jew ma’ mara? Ma naħsibx li jsir hekk! Ngħid għalija, jiena din qatt ma għamiltha, u naħseb li m’hemm ħadd li qatt għamel xi ħaġa bħal din! Għalhekk jiena nistaqsi wkoll għaliex jidher li tant sar kjass dwar dan il-punt illi lbieraħ The Sunday Times of Malta ġabet artiklu fuq il-faċċata dwar kemm dawn l-esponenti ħaduha bi kbira għax qed indaħħlu l-prinċipju tal-ugwaljanza fiż-żwieġ?!

L-istess artiklu jattribwixxi lil dawn l-istess Membri Parlamentari Nazzjonalisti li, skont huma, aħna m’għandniex mandat sabiex nemendaw l-Att dwar iż-Żwieġ tal-1975. Jiena ngħidilhom li anke hawnhekk huma żbaljati. Ħalli naqra silta minn paġna 157 tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista “L-Aqwa Żmien għal Pajjiżna” biex inneħħilhom kull dubju li jista’ għandhom:


AKTAR DRITTIJIET, KIF JIXRAQ


  1. Gvern Ġdid immexxi minn Joseph Muscat jagħti d-dritt taż-żwieġ lill-koppji tal-istess sess. Iż-żwieġ ma jkunx bl-ebda mod inferjuri għal dak bejn koppji oħrajn. Dan huwa pass naturali fil-mixja tagħna biex nagħtu aktar drittijiet ċivili lil kulħadd.”.

Fuq dan ivvota l-poplu Malti, Sur President! Ilkoll nafu b’kemm saħħa tkellem il-poplu fit-3 ta’ Ġunju li għadda, u aħna se nkunu qegħdin inwettqu din il-wegħda fl-ispirtu kollu tagħha.


Fuq nota oħra, is-sors mill-Partit Nazzjonalista li tkellem mal-ġurnal The Sunday Times of Malta qal hekk, u se nikkwotah direttament bl-Ingliż ħalli ma jgħidux li dawwart xi kelma fit-traduzzjoni:
Contrary to what Helena Dalli stated, this move is not about changing civil unions into gay marriage. If it were just in a name there would have been no need to introduce a new Act of 37 pages ...”.
Tajba wkoll din! Allura dan min hu jew din min hi kienu qed jistennew li nħallu lil koppji tal-istess sess ikunu umiljati b’formoli fejn isejħu lil wieħed minnhom bħala raġel u lill-ieħor bħala mara?! Min tkellem mal-ġurnal The Sunday Times of Malta għandu jwieġeb dawn il-mistoqsijiet billi jekk irid jumilja lil dawn in-nies, jgħidilhom biex fil-formoli li jimlew wieħed minnhom jissejjaħ raġel u l-oħra tissejjaħ mara. Għandu jgħidilna wkoll jekk, pereżempju, kienx jistenna li wieħed mill-missirijiet gay jissejjaħ “omm” jew li l-omm lesbjana tissejjaħ “missier”. Possibbli li aħna rridu dawn l-affarijiet?!
Irrikonoxxu li dan huwa eterosessiżmu, u li l-eterosessiżmu hu ikrah u ħażin daqs is-sessiżmu u r-razziżmu! Sur President, hawnhekk qed nuża kliem iebes apposta, għax mhuwiex aċċettabbli li nittrattaw lil ħutna, li huma nies bħalna, b’dan il-mod. Dan huwa dak li qed jgħidu l-Membri tan-naħa l-oħra, u b’dan il-mod qed titkellem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’din id-diskriminazzjoni lejn ħutna! Aħna ma naċċettawx dawn il-kummenti u dan id-diskors għax aħna rridu l-ugwaljanza. Irridu soċjetà fejn verament tirrenja l-ġustizzja għal kull persuna, irridu soċjetà fejn ħadd ma jkun umiljat u rridu soċjetà fejn kull persuna tgħix b’dinjità.
Sur President, jiena qattajt ħajti fil-politika. Biżżejjed ngħid li ilni 38 sena fil-Partit Laburista naħdem man-nies u nisma’ t-tbatijiet tan-nies. Qattajt 21 sena f’dan il-Parlament nipprova nagħmel ċerti bidliet ħalli ntaffu dawn il-weġgħat tan-nies. Għalhekk wara li ilni dan iż-żmien kollu nimmilita fil-Partit Laburista u nimmilita f’dan il-Parlament, issa mhux se jiġi xi ħadd min-naħa l-oħra jgħidli li ma nistax nagħti dawn id-drittijiet kollha imma nista’ nagħti minnhom ftit biss u jmur jgħid lill-ġurnal The Sunday Times of Malta li l-Onor. Helena Dalli qed tmur oltre minn dak li suppost qed tagħmel! Aħna veru mmorru oltre, imma nimxu ma’ dak li wegħedna. Dak huwa li wegħedna fil-Manifest Elettorali tagħna, u dak huwa li se nagħtu.
Aħna m’aħniex se nagħmlu bħall-Oppożizzjoni meta kienet fil-Gvern fejn kienet tidħak bin-nies għax minkejja li f’elezzjoni ġenerali wara l-oħra kienet twegħidhom li se ddaħħal il-liġi tal-koabitazzjoni, tibqa’ ma ddaħħalhiex! Dan iridu jaraw l-Oppożizzjoni, u dan irid jara l-Partit Nazzjonalista! Aħna m’aħniex bħall-Partit Nazzjonalista, li nibagħtu persuna titturufna ruħha fil-Qorti Ewropea għax minkejja li l-qrati Maltin tawha raġun, ma tawhiex il-mezzi biex tieħu dak ir-raġun u bagħtuha quddiem il-Qorti Ewropea biex tieħu r-raġun tagħha! (Onor. Membri: Hear, hear) Kif tlajna fil-Gvern aħna, jien ressaqt dan il-każ fl-ewwel laqgħat li kellna tal-Kabinett u għedtilhom li aħna ma nistgħux nittolleraw din l-inġustizzja kbira li kienet qed issir ma’ waħda minn ħutna!
Fil-fatt l-ewwel qbil li kellna fil-Kabinett kien dak illi nilħqu ftehim ma’ Joanne Cassar, inġibuha hawnhekk u tieħu dak li ħaqqha. Allura llum dawn iridu jitkellmu u jmorru jgħidu lill-ġurnal The Sunday Times of Malta li l-Onor. Helena Dalli qed tmur oltre?! Iva, jekk dan ikun ifisser li xi ħadd se jgħix ħajtu aħjar ... Jien għalhekk għext ħajti fil-politika, biex intejjeb il-ħajja tan-nies! Dik dejjem kienet il-missjoni tiegħi, u mhu se jiġi l-ebda Nazzjonalist hawn ġew u jgħidli li qed immur oltre mir-remit tiegħi! Wara kollox m’iniex qed immur oltre mir-remit tiegħi għax dik hija wegħda li għamilnieha fil-Manifest Elettorali.
Irrid ngħid ukoll, Sur President, li huwa minnu li l-proposta tal-liġi li għandna quddiemna hija twila, iżda jiena nistaqsi: Minn meta ’l hawn dan il-Parlament sar jieħu qatgħa minħabba t-tul ta’ xi abbozz ta’ liġi? Ħafna mit-text ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed hemm sabiex jirranġa t-terminoloġija u jġibha inklużiva. Tant hu hekk li biss biss 14-il faċċata huma ddedikati għall-formoli li qed jiġu mibdula u ħafna mill-bqija tat-text qed jibdel il-kliem “ir-raġel” jew “il-mara” f’”konjuġi”. Nixtieq ngħid xi ħaġa wkoll fuq dak li se jkun qed jagħmel dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Aħna qegħdin nagħtu l-possibbiltà lil aktar minn 200 koppja li daħlu f’unjoni ċivili biex, jekk jixtiequ, jikkonvertu l-unjoni ċivili tagħhom fi żwieġ. Dan qed isir għax meta ddaħħlet il-liġi tal-unjoni ċivili, diversi koppji tal-istess sess li daħlu f’din l-unjoni ma kellhomx għażla oħra għajr li jagħmlu dan, jiġifieri ma setgħux jidħlu fi żwieġ imma setgħu jidħlu biss f’unjoni ċivili, u allura issa qed ikollhom l-opportunità li jidħlu fi żwieġ. Din il-konverżjoni se tkun waħda faċli, però hawnhekk irrid nagħmilha ċara li aħna m’aħniex se nkunu qegħdin niftħu l-bieb għall-konverżjonijiet ta’ żwiġijiet f’unjonijiet ċivili jew viċiversa. Aħna se nżommu tliet għażliet għall-koppji kollha; l-għażla taż-żwieġ, l-għażla ta’ unjoni ċivili jew l-għażla ta’ koabitazzjoni, iżda tali istituzzjonijiet se jkunu distinti minn xulxin.
Sur President, huwa interessanti wkoll li l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna ma jikkonċernax biss lill-koppji tal-istess sess, u għalhekk permezz ta’ din il-proposta l-Gvern se jkun qed jimmodernizza aspetti tal-liġi taż-żwieġ li sa llum għadhom tradizzjonali. Fil-fatt bidla importanti oħra li qed issir permezz ta’ din il-proposta ta’ liġi ma tirrigwardax lil koppji tal-istess sess iżda tirrigwarda lil dawk eterosesswali. Pereżempju, għal snin twal aħna n-nisa ma kellniex għażla oħra ħlief li nieħdu kunjom żewġna, però maż-żmien dan inbidel u beda jkun permess li n-nisa jżommu kunjomhom u jpoġġu kunjom żewġhom qabel jew wara dak tagħhom.
Illum in-nisa għandhom għażla akbar f’dawk li huma kunjomijiet, iżda jiena ngħid li din l-għażla tibqa’ diskriminatorja u għandha l-għeruq tagħha fil-prinċipju tal-pater familias. Għalhekk jekk verament irridu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, irridu nindirizzaw il-patrijarkija fil-kunjomijiet. Fil-fatt permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, jiena qed inressaq emenda għal artiklu 4 tal-Kodiċi Ċivili fis-sens illi meta japplikaw għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet, il-konjuġi li jiżżewġu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att ikunu jistgħu jagħżlu jew li jieħdu kunjom ta’ xi wieħed mill-partijiet fiż-żwieġ, jew li jieħdu l-kunjomijiet tagħhom it-tnejn fl-ordni li jagħżlu huma jew inkella li jżommu kunjomhom. B’hekk minn dan l-aspett se nġibu parità bejn l-irġiel u n-nisa fiż-żwieġ.
Ħsibna wkoll dwar kif din il-bidla se taffettwa lill-ulied. Għaldaqstant xi ħaġa li qegħdin nintroduċu permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi tirrigwarda l-isem tal-familja. Fil-fatt wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-proposta ta’ liġi, kull koppja se tkun mistennija li tiddikjara l-isem tal-familja, jiġifieri liema kunjom jgħaddi awtomatikament lill-ulied li jista’ jkollha l-koppja. Din hija proposta li jiena kont ħabbartha fit-8 ta’ Marzu ta’ din is-sena proprjament fil-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa, u issa se nkunu qegħdin nattwawha permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi. Hawnhekk ta’ min iżid jgħid li din il-bidla ma ġġibx aktar drittijiet u ugwaljanza lin-nisa biss għax se jibbenefikaw minnha wkoll dawk l-irġiel li sa llum ma kinux jitħallew jassumu kunjom marthom, anke jekk kienu jixtiequ li dan isir. Fil-fatt lili jiktbuli rġiel fejn jgħiduli li għalkemm jiena dejjem nitkellem fuq l-ugwaljanza, huma m’għandhomx din l-għażla, allavolja jista’ jkun illi fl-aħħar mill-aħħar huma jagħżlu li ma jassumux kunjom marthom.
Lil min din jaraha xi ftit stramba, jiena ngħidlu li din diġà hija possibbli permezz tal-liġi tal-unjoni ċivili, u fil-fatt diġà hemm xi koppji eterosesswali li ppreferew jidħlu f’unjoni ċivili sabiex jibbenefikaw minn dan id-dritt. Għalhekk hi sabiħa l-libertà sakemm wieħed ikun qed juża dik il-libertà għalih, għall-kuntentizza tiegħu, għall-ferħ tiegħu u għas-serenità tal-familja tiegħu u mhux biex inaqqas xi dritt lil ħaddieħor għax ovvjament f’dak il-każ il-libertà tispiċċa. Meta mbagħad inti tipprova tuża dik il-libertà biex tweġġa’ lil ħaddieħor jew biex tnaqqar xi dritt ta’ ħaddieħor, ovvjament hemmhekk tidħol il-konfini tal-liġi għax inti m’għandek l-ebda dritt jew il-libertà li tnaqqar jew tipprova tieħu d-drittijiet ta’ ħaddieħor. Permezz ta’ din il-libertà li qed nagħtu, huma ċ-ċittadini li jiddeterminaw l-identità tagħhom u mhux l-Istat jew tradizzjonijiet li mhuwiex lokhom f’soċjetà miftuħa, ugwali u moderna. Sfortunatament għad għandna ħafna baggage patrijarkali li rridu nneħħuh.
Possibbiltà oħra li qed tiddaħħal permezz tal-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna tirrigwarda l-format taċ-ċelebrazzjoni ta’ żwieġ ċivili. Minn hawn nixtieq insellem il-memorja ta’ Ramon Casha, l-eks President tal-Malta Humanist Association li miet ftit tax-xhur ilu b’mod traġiku, għax din hija issue li jiena kont iddiskutejtha miegħu fit-tul, u hu min-naħa tiegħu kien esprima x-xewqa li lil koppji li jiżżewġu biċ-ċivil tingħatalhom flessibbilità fir-rigward ta’ kif jistgħu jibdew jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom. Fil-fatt aħna ’l hemmhekk mexjin, u għaldaqstant nixtieq niddedika din il-bidla għall-memorja ta’ Ramon Casha u għall-ħafna sigħat li qattajna flimkien niddiskutu dawn l-affarijiet. Aħna bħala umani rridu nifhmu r-realtajiet ta’ xulxin u nipprovaw nipprovdu wkoll soluzzjonijiet wara li nifhmu d-dwejjaq, l-uġigħ, il-problemi u d-diskriminazzjoni li tkun għaddejja minnhom persuna. F’dawn il-każijiet inti għandek tuża l-poter politiku u leġiżlattiv li għandek biex ittejjeb il-ħajja ta’ dawn in-nies.
Issa, Sur President, li spjegajt xi bidliet li se tkun qed iġġib magħha din il-proposta ta’ liġi, se nispjega wkoll dak li din il-proposta ta’ liġi mhijiex se tkun qed tagħmel. Bħal fil-każ tal-liġijiet tal-unjoni ċivili u tal-koabitazzjoni, il-bidliet li qed ikunu proposti fir-rigward ta’ żwieġ indaqs għall-koppji tal-istess sess m’għandhom bl-ebda mod jimpattaw prattiċi reliġjużi. Sabiex dan ikun ċar għal kulħadd, aħna qed nipproponu li minnufih wara artiklu 32 tal-Att dwar iż-Żwieġ għandu jiżdied artiklu ġdid 32A li jitkellem fuq protezzjoni reliġjuża. Ġaladarba dan l-Abbozz ta’ Liġi jsir att, l-ebda parti minnu m’għandha tinftiehem li qed jobbliga uffiċjal ta’ entità reliġjuża sabiex iwettaq xi forma partikolari ta’ żwieġ li mhuwiex rikonoxxut mill-entità reliġjuża li uffiċjal ikun membru tagħha.
Ovvjament f’din il-proposta ta’ liġi m’hemm xejn milli jwaqqaf lil dawk ir-reliġjonijiet li jkunu jridu jibdew jiċċelebraw żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess milli jiċċelebraw tali żwiġijiet, però huma mhumiex obbligati li jagħmlu dan. Xi ħaġa oħra li dan l-Abbozz ta’ Liġi mhuwiex qed jagħmel huwa li b’xi mod ibiddel xi element mil-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni. Mhux għax dan mhuwiex neċessarju li jsir, speċjalment minħabba l-mod espliċitu li bih dik il-liġi teskludi lill-koppji nisa b’mod diskriminatorju għall-aħħar minn kull aċċess għall-fertilizzazzjoni assistita, imma għax jinħass li kwalunkwe bidla f’dak il-qasam għandha ssir permezz ta’ proposta speċifika u mhux permezz ta’ din il-proposta ta’ liġi li qed tkun diskussa llum. Lil dawk il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti li qed jgħidu li aħna qed inqarrqu b’din il-proposta li qegħdin niddiskutu llum għax irridu nemendaw din il-liġi indirettament, aħna ngħidulhom li dan mhuwiex minnu.
Jekk hemm xi qerq involut, allura dan huwa ġej min-naħa tal-Oppożizzjoni għax qegħdin jipprovaw ibeżżgħu mill-ġdid billi qed jipprovaw jiggranfaw ma’ kull argument possibbli sabiex idaħħlu suspett fl-intenzjoni tagħna. Sur President, nixtieq nirripeti li din il-proposta ta’ liġi tagħna hija waħda ta’ ugwaljanza u ta’ dinjità u ta’ xejn iżjed. Din hija proposta ta’ liġi li qed iġġib ġustizzja ma’ faxxa mis-soċjetà tagħna li għadha qed tbati minn omofobija u transfobija fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fl-aċċess għas-servizzi u fil-ħajja soċjali tagħha għall-ebda raġuni ħlief minħabba l-mod diskriminatorju li bih diversi membri tas-soċjetà tagħhom għadhom iħarsu lejn persuni LGBTIQ.
Issa li spjegajt bl-aktar mod ċar li stajt l-intenzjoni tal-Gvern wara dan l-Abbozz ta’ Liġi kif ukoll it-teknikalitajiet ta’ din il-proposta, nixtieq ngħaddi biex ngħid xi ħaġa fuq il-proċess li jmiss qabel ma din il-proposta ssir liġi. Jiena nħares ’il quddiem għal dan id-dibattitu li se jsegwi fil-Parlament illum u anke għad-diskussjoni li jiena naħseb li se ssir permezz tal-mezzi tax-xandir. Nista’ ngħid bil-quddiem illi l-Gvern se jkun qed jilqa’ kwalunkwe proposta li hija valida. Aħna dejjem ħadna pjaċir b’kull suġġeriment li sar, u se nibqgħu nieħdu pjaċir b’kull suġġeriment li jista’ jsir sabiex inkomplu ntejbu dak li diġà kien tajjeb għaċ-ċittadini kollha.

Dan huwa xogħol ta’ Gvern li jisma’. Diġà konna “Gvern li Jisma’” għal erba’ snin sħaħ, u se nkomplu nkunu “Gvern li Jisma’”, però rrid nagħmilha ċara li ma narax lok għall-proposti li jafu l-oriġini tagħhom fl-omofobija, fit-transfobija jew fis-sessiżmu. Min jagħmel dawk it-tip ta’ proposti se jkun jaf li mhux se jkunu milqugħin għax aħna rridu naraw li dawn l-affarijiet ma jkunux jeżistu f’pajjiżna, u allura żgur li m’aħniex se ndaħħluhom fil-liġijiet tal-pajjiż. Jiena nappella lil sħabi l-Membri Parlamentari kollha sabiex ngħaddu flimkien messaġġ ieħor favur l-ugwaljanza u naddottaw din il-proposta ta’ liġi għal soċjetà aħjar, aktar ugwali u aktar ġusta.


Fl-aħħar nett nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzja lill-kunsill konsultattiv għall-pariri siewja tiegħu u lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza għax-xogħol li għamlet sabiex wasalna għal din il-proposta ta’ liġi. Jiena nittama li nkomplu naħdmu kif ħdimna matul il-leġiżlatura li għaddiet flimkien mal-Kunsill Konsultattiv, mal-Kummissjoni u fuq kollox mas-soċjetà inġenerali għax jiena kburija b’dawn il-liġijiet li ressaqna proprju għax dawn ġew mingħand in-nies li qegħdin iġarrbu. Fl-aħħar mill-aħħar, min aktar minn dawn in-nies imġarrbin jista’ jgħid x’inhuma r-realtajiet tagħhom u x’soluzzjonijiet jaraw?
Ħafna drabi s-soluzzjonijiet jagħtihomlok min ikun għaddej mill-problema għax dan jiġik b’ħafna mistoqsijiet bħal, pereżempju: Għax ma tagħmlux it-tali ħaġa? Għaliex aħna m’għandniex dan id-dritt? Għalfejn il-liġi żżommni milli nieħu t-tali triq? Dan il-Gvern qed jisma’ kontinwament il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies għax jemmen li aħna għalhekk qegħdin f’dan il-Parlament, biex aħna, bħala rappreżentanti tal-poplu, infasslu l-liġijiet biex bihom nagħtu s-soluzzjonijiet lin-nies vulnerabbli li qed ibatu. B’hekk ikollna aktar familji li qed jgħixu f’serenità, li qed jgħixu b’dinjità u li qed jgħixu fil-kuntentizza. Ma rridux inkunu aħna li nnaqqsulhom din is-serenità, din id-dinjità u din il-kuntentizza, anzi rridu nżidu dawn il-kwalitajiet pożittivi għall-familji kollha tagħna, huma min huma u huma kif inhuma komposti.
Sur President, aħna ma nagħmlux differenza lanqas bejn dawk il-familji li ġejjin min-naħa ta’ fuq ta’ Malta u bejn dawk il-familji li ġejjin min-naħa t’isfel ta’ Malta. Aħna ma nagħmlu label lil ħadd għax qabel ma tagħmel label fuq xi ħadd, inti għandek tkun taf x’inhuma d-diffikultajiet li qed tiltaqa’ magħhom dik is-single mother jew dik il-persuna bi bżonnijiet speċjali. Aħna lanqas ma naqsmu l-problemi soċjali ta’ pajjiżna ġeografikament. Għalina kull persuna hija importanti, kemm jekk ġejja minn Għawdex kif ukoll jekk ġejja minn Wied il-Għajn. Għalina dan ma jagħmel l-ebda differenza, u jiena ngħid li kien għalhekk li l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ tana mandat aktar b’saħħtu minn dak tal-2013, għax aħna konna mal-poplu u għax aħna ħabbejna lill-poplu. Aħna nħobbuh lil dan il-pajjiż u rridu l-ġid ta’ kull ċittadin u ta’ kull ċittadina f’pajjiżna. Aħna qatt m’għajjarna lil ħadd, anzi nerġa’ ngħid li għamilna kampanja elettorali b’imħabba, imma l-poplu ħabbna wkoll tant li reġa’ poġġiena hawnhekk biex inkomplu ntejbu l-ħajja tal-akbar numru ta’ nies possibbli. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
Yüklə 95,21 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə