Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 95,21 Kb.
səhifə5/5
tarix28.07.2018
ölçüsü95,21 Kb.
#59302
1   2   3   4   5

FTEHIM TAL-KAMRA



ONOR. BYRON CAMILLERI: Sinjura President, ninforma lill-Kamra b’dan il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra:
It-termini li skont il-liġijiet rispettivi fihom għandhom jiġu approvati mill-Kamra l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2017 tad-diversi entitatijiet qed jiġu estiżi sakemm tali estimi jiġu fil-fatt approvati aktar tard matul din is-sena.
F’dan ir-rigward għada t-Tlieta 27 ta’ Ġunju 2017, l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2017 u l-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2017 il-Kamra se tkun qed tiltaqa’ filgħodu u wara nofsinhar. Is-seduti ta’ filgħodu jibdew fid-9.00am - anke meta s-seduta ma jkollhiex mistoqsijiet parlamentari - bil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol ikun f’nofsinhar. Is-seduti ta’ wara nofsinhar jibdew fis-2.00pm - anke meta s-seduta ma jkollhiex mistoqsijiet parlamentari - bil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol ikun fil-5.00pm. Id-diskussjoni dwar l-approvazzjoni tal-Estimi tal-Entitajiet se tkompli nhar it-Tnejn 3 ta’ Lulju 2017 u t-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017 bil-Kamra tiltaqa’ fid-9.00am bil-ħin tal-interruzzjoni jkun f’nofsinhar u fis-6.00pm bil-ħin tal-interruzzjoni jkun fid-9.00 pm.
Il-ħin tal-aġġornament se jkun qed jittieħed f’kull seduta, u fejn is-seduta jkollha mistoqsijiet parlamentari l-ħin allokat ikun sa nofs siegħa wara li tibda s-seduta;
L-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 il-Kamra għandha tiltaqa’ fid-9.00am bil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol ikun f’nofsinhar u fis-6.00pm bil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol ikun fid-9.00pm sabiex tkompli u tagħlaq id-diskussjoni fi stadju ta’ Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn. F’dawn iż-żewġ seduti se jkun hemm il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari u jittieħed ukoll il-ħin tal-aġġornament.
Kull votazzjoni li tista’ tintalab mil-lum 26 ta’ Ġunju 2017 sal-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 għandha tittieħed fil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol tas-seduta tal-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 ta’ filgħaxija. Jekk il-votazzjoni tintalab fuq xi emenda li tkun tressqet, immedjatament wara li tittieħed il-votazzjoni fuq tali emenda, titqiegħed il-mistoqsija u tittieħed votazzjoni fuq kull vot konsegwenzjali.
Minkejja dak li jgħid l-Ordni Permanenti 7, il-mozzjoni dwar l-indirizz b’risposta għad-diskors tal-President se tibda tiġi diskussa aktar tard u jista’ jkun tieħu aktar mit-tliet seduti stipulati f’dan l-Ordni Permanenti.
Issa se naqra l-iskeda maqbula dwar meta għandhom jiġu diskussi l-materji msemmija hawn fuq:
fis-seduta ta’ filgħodu tat-Tlieta 27 ta’ Ġunju 2017 - Estimi dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;
fis-seduta ta’ wara nofsinhar tat-Tlieta 27 ta’ Ġunju 2017 - Estimi ta’ Patrimonju Malta u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali;
fis-seduta ta’ filgħodu tal-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017 - Estimi tal-Awtorità dwar it-Turiżmu;
fis-seduta ta’ wara nofsinhar tal-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017 - Estimi tal-Awtorità tad-Djar;
fis-seduta ta’ filgħodu tal-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2017 - Estimi tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni;
fis-seduta ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2017 - Estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma;
fis-seduta ta’ filgħodu tat-Tnejn 3 ta’ Lulju 2017 - Estimi tal-Awtorità tal-Artijiet;
fis-seduta ta’ filgħaxija tat-Tnejn 3 ta’ Lulju 2017 - Estimi tal-Awtorità tal-Ippjanar;
fis-seduta ta’ filgħodu tat-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017 - Estimi tal-JobsPlus (Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ);
fis-seduta ta’ filgħaxija tat-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017 - Estimi tal-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi;
fis-seduta ta’ filgħodu tal-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 - Kontinwazzjoni tat-Tieni Qari tal-Abbozz li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet Oħrajn; u
fis-seduta ta’ filgħaxija tal-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 - Kontinwazzjoni u għeluq tat-Tieni Qari tal-Abbozz li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet Oħrajn - Votazzjonijiet.
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Issa nitlob lill-Ministru Dalli biex, jekk jogħġobha, tressaq l-Aġġornament.


AĠĠORNAMENT



ONOR. HELENA DALLI: Sinjura President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada t-Tlieta, 27 ta’ Ġunju, 2017 fid-9.00 am b’din aġenda:
Mozzjonijiet
Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena 2017.
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet Oħrajn - Tieni Qari (Kont.); u
Indirizz b'risposta għad-Diskors tal-President ta' Malta.
Ninforma lill-Kamra li l-ħin allokat għad-diskussjoni dwar l-Estimi tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena 2017 huwa ta’ seduta waħda li tibda fid-9.00am u tagħlaq f’nofsinhar bil-ħin jinqasam indaqs bejn iż-żewġ naħat bil-ftuħ u l-għeluq għan-naħa tal-Gvern. Kif imħabbar fil-ftehim verbalizzat aktar kmieni, kull votazzjoni li tista’ tintalab għandha tittieħed fil-ħin tal-interruzzjoni tax-xogħol tas-seduta ta’ filgħaxija tal-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017, f’liema seduta titqiegħed il-mistoqsija u tittieħed kull votazzjoni konsegwenzjali immedjatament wara.
ID-DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Parnis.
ONOR. SILVIO PARNIS (Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet): Sinjura President, l-ewwel nett nixtieq nibda billi nifraħlek għall-kariga ġdida tiegħek. Ftit tal-ġranet ilu f’pajjiżna tħabbar ir-riżultat elettorali. Qabel l-elezzjoni ġenerali rajna liż-żewġ partiti politiċi ewlenin imexxu l-kampanji tagħhom fejn in-nies hemm barra tkellmu dwar dak li kien qed iseħħ kemm fil-Parlament kif ukoll barra mill-Parlament. L-elezzjoni ġenerali għaddiet u l-poplu tagħna reġa’ għażel billi ta t-tieni mandat elettorali tiegħu lill-Moviment Laburista b’maġġoranza ferm akbar mill-aħħar elezzjoni ġenerali. Issa l-poplu jrid iħares ’il quddiem biex naħdmu flimkien.
Fil-bidu tad-diskors tiegħi nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-kostitwenti tar-Raba’ Distrett li għall-ħames darba konsekuttiva reġa’ għoġobhom jeleġġuni fil-Parlament biex nirrappreżentahom. Nirringrazzja wkoll lill-kostitwenti tal-Ewwel Distrett li minkejja li ftit kelli ċans naħdem magħhom għax ħabbart li se nkun qed nikkontesta f’dak id-distrett matul l-aħħar ftit ġimgħat, dawn xorta waħda wrew fiduċja fija wkoll. Issa rridu nħarsu ’l quddiem biex naħdmu flimkien ħalli nkomplu nibdlu lil dan il-pajjiż għall-aħjar.
Il-Prim Ministru għoġbu wkoll li f’din il-Leġiżlatura nkun nifforma parti mill-Kabinett tiegħu bir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali u tal-komunitajiet. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax lill-eks Segretarju Parlamentari l-Onor. Stefan Buontempo li wkoll ħadem f’dan il-qasam. Jien inħares lejn dan id-dekasteru li ġejt fdat bih b’viżjoni, anke għaliex jien stess kont prodott tal-kunsilli lokali billi kont l-ewwel u t-tieni sindku tal-lokalità ta’ Raħal Ġdid. Fil-fatt f’dan il-Parlament kellna u għad għandna nies li kienu sindki u li llum il-ġurnata qegħdin jaħdmu f’dan il-Parlament biex ikomplu jagħtu servizz lill-poplu.
L-ewwel ħaġa li rrid niċċara hi li fil-kariga ġdida tiegħi ma nistgħux naħdmu maqsumin flimkien, “aħna” u “huma”. Fil-qasam tal-kunsilli lokali rridu naħdmu lkoll flimkien, u hawnhekk jien nixtieq nistieden lill-Onor. Robert Cutajar, li kien ukoll sindku tal-lokalità tal-Mellieħa u li llum huwa x-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista għall-kunsilli lokali, biex naħdmu flimkien ħalli lill-kunsilli lokali tagħna nerġgħu nagħtuhom id-dinjità li tixirqilhom.
Li kieku kelli niġi mistoqsi x’inhi l-viżjoni tiegħi għall-kunsilli lokali, kont ngħid li għandi quddiemi żewġ sfidi kbar. Waħda minnhom hija r-riforma fil-Local Enforcement System Agency (LESA) u l-oħra hija r-riforma fil-kunsilli lokali. Jien nemmen li s-sindki għandhom ikunu kburin li huma sindki. Mil-laqgħat li qed ikolli mad-Direttur Ġenerali sirt naf li l-Gvern jagħti €40 miljun fis-sena lill-kunsilli lokali, u jien nistaqsi: Bl-€40 miljun li l-Gvern jagħti lill-kunsilli lokali, iċ-ċittadin qed ikun rikonoxxut? U ċ-ċittadin qed juri rispett lejn il-kunsilli lokali? Fil-fatt, matul il-ġranet li ġejjin se nkun qed nitkellem mas-sindki u mal-kunsilliera kollha ta’ pajjiżna, kunsill kunsill, biex naraw x’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħhom, fejn qegħdin jeħlu u fejn iridu jmorru.
Sur President, jien nemmen li ma jistax ikun li kull darba li jkunu se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’dan il-pajjiż, nibdew niġru biex infittxu l-kandidati u fl-aħħar mill-aħħar uħud minn dawn il-kandidati lanqas biss ikunu jafu x’ifisser li tkun kunsillier. Kull kandidat li joħroġ għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali jrid ikun ippreparat u jrid ikun jaf għal xiex dieħel. F’pajjiżna għandna diversi sindki u kunsilliera li għamlu l-istorja u għamlu suċċess fil-lokal tagħhom, imma mbagħad min-naħa l-oħra għandna sindki u kunsilli lokali li ma għamlux l-isem li jixraq lil-lokalità tagħhom. Jien ma nħobbx nara kunsilli lokali li f’għajnejn ir-residenti jkunu qishom l-għedewwa tagħhom, u lanqas inħobb nara gwardjani lokali l-ħin kollu għassa ta’ dak li jkun qed jagħmel iċ-ċittadin, imma nemmen li għandna naħdmu flimkien biex lill-kunsilli lokali nerġgħu nagħtuhom dinjità.
Fl-opinjoni tiegħi l-kunsilli lokali għandhom jingħataw ukoll aktar poteri. Għandna naraw li kull ċenteżmu li l-gvern jagħti lill-kunsilli lokali jintnefaq bil-għaqal, bi trasparenza u kif inhu xieraq. Aħna, min-naħa tagħna, se nkunu qegħdin ngħinu biex naraw li l-kunsilli lokali japplikaw għal numru ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Irrid nara li fil-lokalitajiet tal-kunsilli lokali ssir bidla. Fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista tħabbar li l-Gvern se jkun qed jonfoq biljuni ta’ ewro biex ikun jista’ jibdel id-dehra tat-toroq tagħna.
Dawk il-flus li qabel kienu fdati f’idejn il-kunsilli lokali biex isiru t-toroq issa se jiġu fdati f’idejn il-gvern ċentrali, u allura l-kunsilli lokali se jkollhom aktar flus x’iqassmu għal-lokal tagħhom. Ma rridx nara li jkun hemm lok fejn wieħed jgħid li t-tali kunsill lokali ħadem ħafna għal-lokal tiegħu filwaqt li t-tali kunsill lokali ma ħadimx biżżejjed. Meta jilħaq kunsill lokali ġdid, aħna se nagħtuh l-għajnuna billi d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali se jgħinu jagħmel pjan għall-ħames snin li jkunu ġejjin. Ejjew ma ninsewx li fl-aħħar mill-aħħar il-kunsilli lokali huma gvernijiet lokali, u jien nemmen li jekk naħdmu flimkien mingħajr firda nistgħu naslu.
Sur President, illum m’għadx hemm lok għall-firdiet fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Nhar is-Sibt f’dan il-Parlament smajna d-diskors tal-Eċċellenza Tagħha l-President tar-Repubblika, li kien diskors ta’ għaqda, filwaqt li fiċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa smajna d-diskors tal-Prim Ministru, li wkoll kien messaġġ ta’ għaqda, u l-kunsilli lokali jridu jibqgħu mwaqqfa biex jgħaqqdu lill-poplu u biex kulħadd iħossu parti minn dan il-pajjiż. Jien ma rridx li l-ġurament li ħadt nhar is-Sibt biex insir Membru Parlamentari u Segretarju Parlamentari jkun ġurament ta’ ġurnata jew ta’ mument li ħadtu biex inkun ħadtu, sempliċement għaliex il-proċedura hija dik.
Imma l-ġurament ħadtu b’kuxjenza nadifa għax nemmen li minkejja x-xogħol u r-responsabbiltajiet kollha li ġġib tali kariga, aħna jrid jibqgħalna ħin biex nisimgħu lin-nies u nibqgħu nkunu qrib in-nies. Is-Segretarju Parlamentari jrid ikun dak li kien qabel ma kkontesta għall-elezzjoni ġenerali. Illum, li għandi esperjenza ta’ 20 sena f’dan il-Parlament, u jekk Alla jogħġbu jagħtini s-saħħa b’din il-Leġiżlatura se nagħlaq 25 sena f’dan il-Parlament, dejjem tgħallimt li dik li żammitli s-siġġu f’dan il-Parlament kienet il-konsistenza tiegħi li dejjem nisma’ u nkun qrib in-nies. Għalhekk nerġa’ nappella biex naħdmu flimkien għax jien nemmen li l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej. Grazzi.
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Grech.
ONOR. ETIENNE GRECH: Sur President, nibda biex nagħti merħba kemm lilek kif ukoll lil dan it-13-il Parlament. Kif jaf kulħadd, fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għadha kemm għaddiet il-Partit Laburista kellu rebħa ċara b’mod demokratiku u trasparenti, u għalhekk se jkompli jiggverna hu. Imma waqt li wieħed ikun qed ifakkar dan kollu weħidha tiġi l-mistoqsija: Għaliex il-poplu Malti u Għawdxi rrisponda b’tant qawwa sabiex jikseb din ir-rebħa tant kbira? Fil-fatt ir-rebħa ta’ din id-darba hija saħansitra akbar mir-rebħa tal-elezzjoni ġenerali tal-2013. Jidher li waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex il-poplu rrisponda b’tant saħħa biex jerġa’ jtella’ Gvern Laburista ieħor kienet l-ekonomija b’saħħitha li kellna. Huwa veru li, kif jgħidu ħafna, mhijiex biss l-ekonomija li tagħmel pajjiż, u naf ukoll li hemm ħafna professjonisti - avukati, tobba, u oħrajn - li jgħidu li huma ma jaħdmux għall-flus għax il-flus mhumiex kollox. Hawn nies li saħansitra jgħidu li l-ekonomija mhijiex kollox.

Ħadd ma jista’ jinnega wkoll il-fatt li fil-qasam soċjali għamilna passi ta’ ġgant. Biżżejjed wieħed isemmi li llum hawn aktar flus fl-idejn, u għalkemm aħna nafu li sfortunatament il-pjaga tal-faqar teżisti llum ukoll, illum il-ġurnata qed nirrealizzaw li teżisti tassew u mhijiex biss perċezzjoni tant li qegħdin niġġildulha wkoll. Dan bħal f’kollox, biex issolvi problema waħda mill-aktar affarijiet importanti hija li tirrealizza li din teżisti tassew. Ejjew nieħdu lil persuna li għandha marda bħala eżempju. Jekk persuna għandha marda u ma tafx li għandha din il-marda fuqha jew inkella ma tammettix li għandha din il-marda, il-marda tagħha ma tistax tiġi ttrattata, u għalhekk biex issolvi problema l-ewwel ħaġa trid tirrealizza li qiegħda hemmhekk. Aħna dejjem qbilna mal-Prim Ministru tagħna l-Onor. Joseph Muscat li meta jkun hemm problema, din għandna nindividwalizzawha u naħdmu qatigħ biex insolvuha. Imma issa ħalli nkompli b’dak li kont qed ngħid.


Kont qed ngħid li fi żmien il-Leġiżlatura li għaddiet kien hawn aktar flus fl-idejn, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna sar wieħed mill-akbar li kien hawn fl-Unjoni Ewropea, dak li kien defiċit sar surplus u l-finanzi tal-pajjiż ġibniehom verament fuq saqajhom. Qabel l-elezzjoni ġenerali kien hemm diversi nies li kienu jesprimu l-biża’ tagħhom li m’aħniex se nirbħu aħna, imma jien kont ċert li aħna konna qegħdin fit-triq it-tajba, kif kont ċert ukoll li l-Partit Nazzjonalista - issa ovvjament sta għalihom li jagħmlu awtopsja fuq it-telfa tagħhom u jaraw x’kienu l-problemi li kellhom, għax fl-aħħar mill-aħħar dik hi affari tagħhom - kellhom riċetta falluta.
Din ir-riċetta tagħhom kienet proprju waħda negattiva u mimlija tmaqdir. Illum lin-nies ma tistax tbellagħhielhom li kulma jagħmel il-gvern huwa ħażin għax in-nies jafu li l-gvern, hu min hu u hu x’inhu, jagħmel kemm tajjeb kif ukoll ħażin. Fil-fatt mhux l-ewwel darba jew tnejn li waqt il-mass meetings li kien jagħmel l-Onor Joseph Muscat kellu l-umiltà jgħid li aħna għamilna l-iżbalji. Biex ngħid il-verità għall-ewwel jien kont niddubita jekk l-Onor. Muscat kellux ikun umli daqshekk illi joqgħod jgħid li għamilna l-iżbalji, għax kont naħseb li s-supporters ma kinux jieħdu pjaċir jisimgħuh jammetti dawn l-affarijiet. Imma le, dan ir-raġel kien jaf x’inhu jagħmel!
Matul l-aħħar erba’ snin li għaddew in-Nazzjonalisti kienu qed jikkritikaw kollox. Saħansitra kkritikaw mill-bidu nett, pereżempju, l-individual investor programme, dak il-programm li ġab €0.5 biljun lejn pajjiżna fi qligħ li se jmur għall-bżonnijiet soċjali, għall-infrastruttura ta’ Malta u għal ħafna affarijiet oħrajn. Imbagħad fl-aħħar il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li se jaċċetta dan il-programm b’ċerti bidliet. Jien ma nistax nifhem kif l-ewwel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jwaqqa’ xi ħaġa, jew kif jgħidu l-Ingliżi, he shoots down something, biex imbagħad jiġi jgħid bil-kontra ta’ dak li jkun qal! Din xi ħaġa li mhijiex on għall-poplu! Jew inkella x’jiġifieri jiġi jgħid qabel l-elezzjoni ġenerali li din il-kampanja elettorali mhijiex se tkun ibbażata fuq proposti imma fuq prinċipji?! F’kampanja elettorali, partit politiku jrid jispjega lill-poplu ...
Fil-fatt hekk kif ġiet imħabbra l-elezzjoni ġenerali, kuntrarjament għall-Oppożizzjoni, aħna bdejna niġru mill-bidu nett bi proposti ppjanati, carefully set u carefully costed. Ara l-Oppożizzjoni kienet għadha dizzy u lanqas kienet għadha qed temmen x’kien qed jiġri! Ħlief “corruption, corruption, corruption” u “Panama, Panama, Panama” l-Membri tal-Oppożizzjoni ma kinux qed jgħidu, tant li niftakarni nisma’ Nazzjonalisti stess jgħiduli li ddejqu jisimgħu l-istess ħaġa! Dan ifakkarni f’dak li kien qal Tony Blair madwar 15-il sena ilu meta kien qal li biex tirbaħ elezzjoni ma tridx toqgħod sejjer “corruption, corruption, corruption” u “scandal, scandal, scandal” imma trid tgħid x’se tagħmel, x’għandek x’toffri lill-poplu u tikkonvinċi lill-poplu, jiġifieri l-poplu jrid jemmen dak li tippreżenta quddiemu.
Il-prinċipji tagħna kienu tajbin, Sur President. Biss biss il-prinċipju li aħna nammettu l-iżbalji tagħna diġà huwa prinċipju tajjeb għax għall-inqas b’hekk aktar noqogħdu attenti li ma nerġgħux nirripetu l-istess żbalji. Bħalma tgħid espressjoni famuża, li tieħu żball huwa uman, imma li tibqa’ tippersisti fuq l-istess żball hija xi ħaġa dijabolika. Għalhekk biex inti ma tkomplix tagħżaq fl-istess ħaġa, bħalma kien qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onor. Simon Busuttil, trid tirrealizza li qed tagħmel xi ħaġa ħażina. Madankollu, on the whole il-prinċipji tagħna kienu tajbin, anke l-prinċipju li jkollna idea ta’ pro business.
Forsi hawn wieħed jista’ jargumenta li aħna, bħala Soċjalisti, suppost li aħna partit soċjali demokratiku u mhux noqogħdu ngħidu li aħna pro business, però anke l-mibki Perit Dom Mintoff kien jgħid l-istess ħaġa li qed ngħidu aħna llum. Biex inti toffri opportunitajiet ta’ xogħol filwaqt li tħares il-kwalità tal-ħajja, il-kondizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema tagħhom ... U għalhekk aħna, pereżempju, konna l-ewwel li żidna l-pensjonijiet u konna l-ewwel partit politiku li qatt għolla l-minimum wage wara ma nafx kemm għexieren ta’ snin, anke permezz ta’ ftehim mal-imsieħba soċjali kollha.
Issa, Sur President, nixtieq ngħaddi żewġ kelmiet dwar il-proċess elettorali. Il-proċess elettorali kien wieħed tajjeb, kien trasparenti u ma kienx hemm problemi kbar, però xi ħaġa li jien rajt unfair ... Il-kollegi u s-supporters tiegħek jgħidulek li l-importanti hu li tlajt, imma jien kont wieħed minn dawk li ntlaqatt minn żewġ affarijiet li forsi ’l quddiem għandna naraw li jinbidlu minħabba li huma unfair. Dak li huwa unfair m’għandniex niddejqu ngħidu li huwa unfair fil-proċess elettorali tagħna, u bażikament wieħed minn dawn iż-żewġ affarijiet huwa l-bdil li jsir fil-boundaries elettorali.
Jien nifhem li din hija xi ħaġa li trid issir għax, kif kulħadd jaf, id-demografija tvarja minn distrett għall-ieħor, imma li dan il-bdil isir fl-aħħar ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali ma tantx tagħti ċans lill-kandidati jaħdmu f’dawk id-distretti li jkunu se jikkontestaw fihom. Għalhekk, minkejja li l-liġijiet huma kif inhuma, jien lest li nitkellem fil-fora li hemm bżonn biex il-bidliet li jsiru fl-electoral boundaries għall-inqas isiru kmieni biżżejjed biex kandidat, hu ta’ liema kulur hu u irrispettivament minn ma’ liema partit politiku jappartjeni, jingħata ċans jaħdem fid-distretti li jkun se jikkontesta fihom.
Li nixtieq jinbidel ukoll huwa l-mod kif tkun magħmula dik l-imbierka ballot paper. Jien m’għandi xejn kontra s-single transferable vote, li writna mingħand l-Ingliżi. Li nara daqsxejn unfair hija li l-lista tal-kandidati titqiegħed in alphabetical order. Illum kulħadd jaf li min ikun fuq nett tal-lista l-aktar li se jgawdi għax ħafna kandidati jagħżlu l-ewwel tliet kandidati u mbagħad biex ikomplu jivvotaw, jagħżlu l-ewwel lil min ikun fuq nett tal-lista u jkomplu neżlin ’l isfel. Din hija xi ħaġa li wieħed qisu jagħmilha b’mod awtomatiku u għalhekk inħoss li b’xi mod jew ieħor għandha tiġi indirizzata wkoll.
Issa nixtieq indur biex ngħid xi ħaġa dwar il-miri tal-Gvern. Il-mira ta’ dan il-Gvern hi li jkompli jaħdem sabiex il-ġid nazzjonali jibda jisboq il-medja Ewropea. Qegħdin noqorbu li aħna nkunu fost l-aqwa fl-Ewropa anke fil-qasam tal-infrastruttura. Waħda mill-aktar proposti ta’ dan il-Gvern li għoġbitni kienet li dan jonfoq €100 miljun fis-sena għal seba’ snin sħaħ biex jirranġa l-infrastruttura tal-pajjiż. Turisti għandna, u n-numru ta’ turisti li jżuru lil pajjiżna baqa’ dejjem jiżdied, però nista’ naċċerta lil kull min qed jismagħni - u din hija xi ħaġa li ġieli tkellimt dwarha anke matul il-Leġiżlatura preċedenti - li biex ikollok turisti ta’ livell ogħla minn dawk li jkollna aħna - aħna jkollna turisti ta’ kull livell, imma forsi l-average huma l-middle-class u l-budget tourists - il-pajjiż irid ikollu infastruttura li verament tixraqlu.
Issa naturalment l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux biss għandha tiġi mtejba biex jiġu aktar turisti imma anke biex igawduha l-Maltin u l-Għawdxin. Din hija xi ħaġa li aħna wegħedna li se ssir, u allura m’għandix dubju li se titwettaq. Kif nafu, fl-aħħar leġiżlatura twettaq kważi 90% tal-Programm Elettorali kollu, u għalhekk m’għandix dubju li din il-proposta li semmejt se titwettaq, hekk kif se jitwettqu wkoll il-proposti l-oħrajn li hemm imniżżlin fuq il-Programm Elettorali għax dan huwa l-prinċipju li dejjem ħaddan il-Prim Ministru tagħna l-Onor. Joseph Muscat biex il-futur ta’ wliedna jkun aħjar minn dak li qed ingawdu aħna. Grazzi, Sur President.
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal għada t-Tlieta, 27 ta’ Ġunju, 2017 fid-9.00 am bl-aġenda kif ikkomunikata mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Fid-9.30 pm il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 95,21 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə