Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 170,67 Kb.
səhifə1/8
tarix28.07.2018
ölçüsü170,67 Kb.
#59303
  1   2   3   4   5   6   7   8

MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI

(Rapport Uffiċjali u Rivedut)


IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru 241

It-Tnejn, 23 ta’ Frar, 2015


Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50

IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru 241

It-Tnejn, 23 ta’ Frar, 2015

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.01 p.m.


Talba

Seduta Nru 241

It-Tnejn, 23 ta’ Frar, 2015

WERREJ





MINUTI 5

INFORMAZZJONI MILL-ISPEAKER 5

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 5

TQEGĦID TA’ KARTI 11

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? L-Onor. Edward Scicluna.STQARRIJA DWAR IS-SITWAZZJONI 12

TAL-GREĊJA FIŻ-ŻONA EWRO 12

MOZZJONIJIET 15

ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JEMENDA 15

L-ATT DWAR IL-KUMMERĊ BANKARJU 15

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 16

ABBOZZ TA' LIĠI LI JIMPLIMENTA MIŻURI TAL-ESTIMI 16

BUDGETARY MEASURES IMPLEMENTATION BILL 16

AĠĠORNAMENT 35

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 40




MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 240 li saret fit-18 ta’ Frar 2015 kienu kkonfermati.


INFORMAZZJONI MILL-ISPEAKER



THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): Ninforma lill-Kamra li l-President ta’ Malta għoġobha tagħti l-kunsens tagħha għal:
Att Nru I tal-2015 – Att tal-2015 dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija);
Att Nru II tal-2015 – Att tal-2015 dwar Emendi u Tħassir ta’ Liġijiet;
Att Nru III tal-2015 – Att tal-2015 li jemenda Diversi Liġijiet kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu; u
Att Nru IV tal-2015 – Att tal-2015 dwar Diversi Liġijiet fil-qasam tas-Sħubija fi Trade Union ta’ Forzi Dixxiplinati.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



SPTAR MATER DEI - BED OCCUPANCY
13252. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f’isem l-Onor. Claudio Grech) staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-bed occupancy ġewwa l-Isptar Mater Dei, ġimgħa b’ġimgħa, bejn Ottubru u Novembru 2014?
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE (Segretarju Parlamentari għas-Saħħa) (f’isem il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa): L-average bed occupancy tas-sodod fl-Isptar Mater Dei, li ntużaw għal in-patients bejn Ottubru u Novembru 2014, kienet ta’ 85% kull xahar rispettivament.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anthony Agius Decelis, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Is-Segretarju Parlamentari għandu informazzjoni dwar kemm ikunu okkupati s-sodod minn każijiet soċjali? Naf li ma kinetx parti mill-mistoqsija oriġinali, imma jekk għandu, nitolbu jgħidilna kemm kienu s-sodod okkupati minn każijiet soċjali f’dan il-perijodu.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE (Segretarju Parlamentari għas-Saħħa): Dan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma dawk il-każijiet li jkunu daħlu Mater Dei li, ġeneralment, ikunu nies anzjani li jkunu frail ħafna. Ħafna drabi, anke min jiġi minnhom jew ikun nieqes, jew ukoll ikollu problemi tiegħu. Allura, wara li tkun għaddiet il-kura akuta, meta jiġu biex imorru d-dar, isibu diffikultà biex jerġgħu jidħlu lura f’darhom. Dejjem ikollna numru minnhom dawn il-pazjenti.
Magħhom ukoll trid iżżid dawk li jkunu qed jistennew li jmorru għal rijabilitazzjoni. Jekk tgħoddhom flimkien, dawn ivarjaw bejn 100 u 140 u 150 pazjent. Meta nqisu li Mater Dei, bl-estensjonijiet li għamilna, jesa’ mad-900 pazjent, qed nitkellmu fuq figura sostanzjali. Sa dalgħodu, kien hemm madwar 90 pazjent bejn dawk li qed jistennew għal rijabilitazzjoni, u dawk ’l hekk imsejjħin long term care. Dawk li jkunu qed jistennew ir-rijabilitazzjoni ħafna drabi ma jkunux jistgħu jmorru fl-isptar ta’ rijabilitazzjoni Karen Grech, għax anke hemmhekk ikun hemm pazjenti li għadda ż-żmien ta’ rijabilitazzjoni tagħhom u wkoll ma setgħux imorru lura fid-dar tagħhom. Din hija problema li kemm ili tabib – kważi 28 sena – u ċert li anke qabli, niftakarna niffaċċjaw. Naħseb anke fiż-żmien meta l-Onor. George Vella kien tabib, kien hemm din l-istess tip ta’ problema. Naturalment, aktar ma tikber il-popolazzjoni tagħna, iżjed ikun hemm nies li huma anzjani u li qed ikollhom problema biex imorru lura f’darhom. Aħna qed nindirizzawha b’numru ta’ miżuri.
L-ewwel nett, bi ftehim mal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, dħalna fi ftehim biex numru akbar minn dawn il-pazjenti jiddaħħlu fid-djar tal-anzjani li għandu l-Gvern. Kemm aħna, bħala Dipartiment għas-Saħħa, kif ukoll, anzi aktar u aktar, il-Ministeru għall-Affarijiet tal-Familja u Servizzi Soċjali, dħalna f’public-private partnerships ma’ numru ta’ djar tal-anzjani biex ikunu jistgħu jieħdu l-anzjani tagħna li jkunu għaddew mill-kura akuta f’Mater Dei, imma jibqgħu ma jkunux tajbin biex imorru d-dar.
It-tieni ħaġa li għamilna hija li ħloqna wkoll grupp ta’ infermiera, midwives u elite health care workers biex, meta pazjent jidħol f’Mater Dei, nibdew ninvestigaw mill-ewwel is-sitwazzjoni tad-dar u l-familjari tal-pazjenti, ħalli jekk ikun hemm xi affarijiet li jkollna bżonn li ngħinuhom fihom biex ikunu jistgħu jerġgħu jmorru d-dar tagħhom, dan nagħmluh. Dan għadu fi stadju bikri, u qed nagħmluh għal ċertu kondizzjonijiet u għal ċerti operazzjonijiet – pereżempju, operazzjonijiet tal-hip u knee replacement. Imma, peress li qed naraw li qed ikun hemm response tajjeb għaliha, hija xi ħaġa li iżjed ma jkollna manpower u riżorsi umani, speċjalment ta’ nurses, iżjed inkunu nistgħu nżidu dan l-outreach service biex pazjenti li, meta minn Mater Dei jiġu biex imorru lura d-dar, isibu t-transizzjoni mill-isptar għad-dar aktar faċli.
It-tielet ħaġa li qed nikkonsidraw – u li fil-ġimgħat li ġejjin ħa nibdew ukoll proġett pilota fuqha – hija li ħa ngħallmu lill-qraba tal-pazjenti kif għandhom jieħdu ħsieb il-pazjent. S’issa dejjem kellna sitwazzjoni fejn, jekk ikollok ir-raġel, mara, missierek, jew ommok, jew xi ħadd jiġi minnek qiegħed l-isptar, ħafna drabi jkun hemm l-ulied jew ir-raġel jew il-mara li jmorru jżuru l-pazjent, u jqattgħu ħafna mill-ħin jew ipaċpċu ma’ ta’ ħdejhom jew jaqraw il-gazzetta, u meta jidħol it-tabib jew in-nurse biex tinbidel xi garża, ħafna drabi ngħidu lill-qraba biex jieħdu paċenzja u jistennew barra. Fil-fatt, naħseb li jrid jiġri bil-maqlub għax jiġri li wara li l-pazjent ikun ilu ħamest ijiem jew sitta l-isptar, il-qraba qatt ma jkunu raw kif tinbidel garża, il-pazjent imur lura d-dar u nippretendu li l-qraba imbagħad jieħdu ħsieb il-pazjent huma. Għalhekk qed naħsbu biex nibdew proġett pilota biex ngħallmu, għal min irid, lill-qraba tal-pazjenti li jkunu l-isptar, ħalli meta l-pazjenti jiġu biex imorru d-dar, almenu l-qraba tagħhom ikollhom diġà idea ta’ kif jistgħu jgħinuhom, jieħdu ħsiebhom, u jagħmlu dik it-transizzjoni naqra iżjed faċli. Barra minn hekk ukoll, jekk ikunu se jinqalgħu xi komplikazzjonijiet, ngħallmu lill-qraba jagħrfuhom aktar kmieni u b’hekk nevitaw iżjed gwaj.
L-aħħar ħaġa li qed nagħmlu biex innaqqsu din il-problema ta’ nies li jsibuha diffiċli li jmorru lura d-dar u jaqbdu l-ħajja normali wara li jkunu daħlu l-isptar għal kura akuta hija li qed ninvolvu aktar lit-tobba tal-familja, anke fil-kura tal-pazjenti meta jkunu l-isptar. Qed naħdmu anke biex inħajru lit-tobba tal-familja jżuru lill-pazjenti fl-ewwel jew fit-tieni ġurnata wara li jkunu ħarġu mill-isptar. Dan kollu qed nagħmluh biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-ħtieġa li pazjent li jibqa’ Mater Dei, anke meta jkun għadda ż-żmien tal-kura tiegħu, u ngħinu aktar lill-pazjenti jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunità tagħhom u fil-ħajja normali tagħhom.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Claudette Buttigieg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG: Ħadt gost nisma’ lill-Onor. Fearne jispjega fid-dettall dan l-aspett, għax naħseb li hija l-uġigħ ta’ ras li qed iseffaq wiċċu magħha ta’ kuljum bil-problema li hemm ġewwa Mater Dei. Nafu li hija problema staġjonali, però li ssir ħafna aktar akuta speċjalment fl-anzjani. Il-Gvern preċedenti kien joħloq medja ta’ 200 sodda fis-sena għall-kura tal-anzjani. Jista’ s-Segretarju Parlamentari jgħidilna jekk dak in-numru hux qiegħed jintlaħaq? Semmejtilna l-public-private partnerships: dawn żdiedu aktar milli kien hemm qabel? Bħalma għidt tajjeb inti, l-anzjani qed jiżdiedu, u allura wieħed jistenna li jiżdiedu s-sodod ukoll fil-public-private partnerships. Semmejt ukoll it-taħriġ tal-familji. Għandkom xi inizjattivi speċifikament ta’ public-private partnerships għas-servizzi fil-komunità? Nafu li jeżistu kumpanniji privati li diġà qed joffru dan is-servizz.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Dawn huma kollha punti importanti. Diġà semmejt ħafna minnhom, u nieħu pjaċir li niddiskutuhom anke hawnhekk fil-Parlament. Il-Gvern preċedenti kellu t-tir li jikkrea xi 200 jew 300 sodda fil-komunità għall-anzjani tagħna. Però, dan it-tir mhux dejjem intlaħaq, ejja nkunu onesti! Din is-sena, jidhirli – l-figuri ma nafhomx bl-amment għax mhuwiex il-ministeru tiegħi, imma huwa taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali –f’dawk li huma public-private partnerships kien hemm mal-150 sodda ġodda. I stand to be corrected, u forsi nisgħu nikkonfermaw dawn il-figuri mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u mal-Ministru Michael Farrugia.
Fejn jidħol taħriġ u outreach, li nibagħtu nies u infermiera lid-djar tal-anzjani tagħna, naturalment diġà ssir. Fil-fatt, hemm l-MMDNA ... Waħda mill-affarijiet li qed nagħmlu – u huwa l-pjan tagħna li nkomplu nagħmlu – hija li nkomplu nsaħħu dan ir-riżors importanti li għandna fil-komunità u nkomplu noffru s-servizzi tagħna, anke b’mod speċjalizzat. S’issa bdejna fl-Ortopedija, għal dawk il-pazjenti li jkunu daħlu b’mod ippjanat għal operazzjoni maġġuri li għandha x’taqsam mal-ġogi, u nkunu nafu li ġeneralment, wara tlieta jew erbat ijiem, ikunu tajbin biex jerġgħu jmorru lura d-dar. F’dawn il-każi jkollna ppjanat li mar-raba’ ġurnata minn meta ssir l-operazzjoni, ikun hemm nurse jew xi ħadd imħarreġ li jmur id-dar tal-pazjent fl-ewwel ġurnata li pazjent imur id-dar, biex jara l-ambjent tad-dar tagħhom, jara kif jista’ jgħinhom, u jekk hemm bżonn imur f’xi ġranet oħrajn. Din ilna li bdejnieha xi tliet xhur, u jidher li r-response kien tajjeb ħafna. Il-pjan huwa li nkomplu nespanduha anke għal servizzi oħrajn.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Claudette Buttigieg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG: L-Onor. Chris Fearne għadu kif semma s-servizz ta’ social workers jew nies oħrajn li jmorru jżuru lill-familji biex jaraw kif inhi attrezzata d-dar. Ma naħsibx li din bdiet issa! Kienet issir qabel! Forsi fhimtu ħażin? Jista’ jiċċara daqsxejn fuq xiex qiegħed jitkellem eżatt?
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Le, tas-social workers, li qed tgħid l-Onor. Interpellant, hija xi ħaġa differenti. Hija xi ħaġa tajba wkoll, imma hija xi ħaġa differenti. Is-social workers iżuru l-familjari u d-djar tal-anzjani li jkunu ġol-isptar meta jkun hemm talba li dawn imorru fi djar tal-anzjani. Qed ngħid fuq meta jkollok xi ħadd li qiegħed Mater Dei, daħal b’kondizzjoni jew b’marda, imbagħad, meta jgħaddi ż-żmien akut, il-qraba jew il-pazjent innifsu jgħidu li ma jkunx tajjeb biex imur id-dar u li jkun jixtieq imur ġo dar tal-anzjani, hemmhekk – u din kienet bdiet fi żmenijiet preċedenti – tmur is-social worker, li ġeneralment tkun mara biex tara jekk hux vera li l-ambitu tad-dar jew is-sitwazzjoni familjari huma tali li m’hemmx min jieħu ħsieb lill-pazjent id-dar. Aħna qed nagħmlu xi ħaġa oltre minn hekk. Qed nibagħtu nurse u persuna oħra paramedika biex tara l-kondizzjoni medika tal-pazjent, mhux biss biex tara l-ambjent fiżiku. Pereżempju, ma tarax biss li mhemmx xi taraġ għoli ħafna, jew li mhemmx xi madum qed jiċċaqlaq, jew xi tapit li wieħed jaqbad saqajh fih u jaqa’ – dawk ukoll importanti. Ġeneralment, dawn jagħmluhom l-Occupational Therapists. Barra dan, naraw ukoll il-kondizzjoni fiżika u medika tal-pazjent. Pereżempju, aħna nsibu li ħafna pazjenti li jkunu fuq numru kbir ta’ mediċini, sakemm qegħdin l-isptar tkukn qed tagħtihomlhom in-nurse fit-8 ta’ filgħodu, fl-4 ta’ waranofsinhar u fl-10 ta’ billejl, u kull ma jridu jagħmlu huwa li jibilgħuhom, imma meta jmorru id-dar għalkemm tgħidilhom x’għandhom jieħdu u meta, jew minħabba xi naqra dimenzja, jew għax ikunu anzjani, jew għax ikollhom ħafna mediċini li ħafna minnhom ikunu kważi jidhru l-istess, jitħawdu u jispiċċaw ma jeħdux il-mediċini sew. Imbagħad, wara tlieta jew erbat ijiem, jerġgħu jispiċċaw lura l-isptar. Aħna qed nipprovaw, u bdejnieh bl-Ortopedija – u meta jkollna riżorsi umani biżżejjed nestenduh għal dixxiplini oħrajn – ngħinu lill- pazjenti f’dan is-sens, mhux biss biex naraw li d-dar tagħhom hija attrezzata sew u li mhemmx perikli, mhux biss biex nevalwaw jekk hijiex kwestjoni ta’ jekk hemmx min jieħu ħsiebhom id-dar jew le, imma wkoll biex ngħinuhom fil-kondizzjoni medika tagħhom, biex kemm jista’ jkun nevitaw dawk li ngħidulhom ir-re-admissions, fejn pazjent li jkun telaq mill-isptar wara tlett ijiem jerġa’ jispiċċa lura l-isptar.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Robert Cutajar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: Onor. Fearne, għall-korrettezza, huwa tajjeb li jingħad li l-amministrazzjoni preċedenti rnexxielha toħloq mal-200 sodda fis-sena. Dan għaliex f’ħames snin missejna l-1,000 sodda ġdida fejn għandu x’jaqsam mal-anzjani! Allura l-200 sodda fis-sena missejniehom.
Jista’ jgħidilna minn min huwa ffurmat il-Multi-Disciplinary Board li jiddeċiedi min imur fid-djar tal-anzjani wara li jsiru l-applikazzjonijiet? Hija prijorità għall-Gvern li koppja, fejn il-mara qed tagħmel talba biex tingħaqad ma’ żewġha, li għandhom 94 u 93 sena rispettivament, u s’issa dan il-każ għadu ma ngħatax prijorità minn dan l-Multi-Disciplinary Board? Naħseb li kienet prijorità tal-Gvern - u nirreferi anke għal stqarrija li kien ħareġ il-Ministeru għal Għawdex, meta madwar sena u nofs ilu kien nieda d-dar tal-anzjani t’Għawdex - li koppji li jkollhom applikazzjonijiet pendenti, jingħataw il-possibilità li jqattgħu l-aħħar ftit snin ta’ ħajjithom flimkien.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Rigward kompożizzjoni ta’ boards, nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għax ma nażżardax nipprova ngħid affarijiet li mhumiex taħt id-dekasteru tiegħi, għax ma rridx ngħid affarijiet li mhux minnhom. Ngħid ukoll li meta tlajna fil-Gvern aħna sibna lista ta’ stennija ta’ xi 2,000 ruħ li qed jistennew għal djar tal-anzjani! Ma nistgħux ngħidu li kollox kien ward u żahar! Għalkemm forsi kien hemm sforz biex jiġu kkreati sodod għall-anzjani, ċertament li fuq medda ta’ 25 sena dik il-mira ma ntlaħqitx kif suppost għax, meta tlajna aħna, kien hemm mal-elfejn ruħ qed jistennew post ġo dar tal-anzjani. Nixtieq ngħid li kważi huwa sens komun li jekk ikun hemm koppja li t-tnejn għandhom bżonn kura ġo dar tal-anzjani, naħseb li għandha tkun prijorità li nżommuhom flimkien. Fuq dik naqblu.

OPERAZZJONIJIET
13253. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet bejn Ottubru u Novembru 2014, kategorija b`kategorija?
L-ONOR. CHRISTOPHER FEARNE (f’isem il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa): F’Ottubru 2014, saru 4704 operazzjoni, filwaqt li f’Novembru 2014, saru 4438 operazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anthony Agius Decelis, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Meta wieħed iqabbel l-operazzjonijiet li saru fis-sena 2012 ma’ dawk li saru fis-sena 2014, fejn huma l-areas li hu jħoss li sejrin tajjeb? Fejn huma l-areas li jħoss li għandna bżonn nagħmlu aktar sforz, u fejn jaħseb li hemm sitwazzjonijiet li rridu teknoloġija ġdida għaliha għax għadna m’għamilniex breakthrough kif nixtiequ?
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Il-mistoqsija oriġinali kienet dwar Ottubru u Novembru 2014. Għandi l-figuri ta’ Ottubru u Novembru 2014. Kif semmejt, f’Ottubru 4704 operazzjonijiet, u f’Novembru saru 4438. Dawn qabbilthom ma’ Ottubru u Novembru tal-2012. Jekk tqabbel Ottubru 2012 ma’ Ottubru 2014, tara li kien hemm żieda ta’ 14% fl-operazzjonijiet. F’Ottubru tal-2014, għamilna 14% aktar operazzjonijiet milli saru f’Ottubru 2012. L-istess, f’Novembru 2014 ikkomparat ma’ Novembru 2012, saru numru akbar ta’ operazzjonijiet; 314 aktar. B’hekk, f’dawn ix-xahrejn biss, Ottubru u Novembru 2014, komparat ma’ Ottubru u Novembru 2012 taħt Gvern preċedenti, kien hemm żieda ta’ 900 operazzjoni; żidna b’aktar minn 11%. Dan ifisser li qed nindirizzaw il-listi ta’ stennija b’mod iżjed mgħaġġel, għax tnaqqas in-numru ta’ nies li qed jistennew li jagħmlu operazzjoni billi żżid l-operazzjonijiet. F’ċerti oqsma – bħall-katarretti, anġogrammi, bone density, MRI, eċċ. – naqqasna sew. Qed naħdmu wkoll – u daħħalna apparat ġdid dan ix-xahar – biex inkunu nistgħu nindirizzaw b’mod imgħaġġel il-lista ta’ stennija li writna għall-operazzjonijiet tal-vini tar-riġlejn, fejn kellna mijiet ta’ nies jistennew, ħafna drabi ilhom jistennew is-snin. Issa daħħalna apparat ġdid biex inkunu nistgħu nagħmlu dan it-tip ta’ interventi b’rata aktar mgħaġġla, b’riżultati aħjar ukoll għax inkunu dejjem qed navvanzaw anke fit-teknoloġija. Din is-sena allura bi ħsiebna, u qed nistennew li l-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-vini, inneħħuha wkoll.

OPERAZZJONIJIET - KONSULENTI
13254. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet, xahar b’xahar, bejn Ottubru u Novembru 2014, konsulent b’konsulent, u jagħti l-isem tal-konsulent rispettiv?
L-ONOR. CHRISTOPHER FEARNE (f’isem il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa): Qed inpoggi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Claudio Grech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Peress li ma tlabtx codes imma tlabt ismijiet, jista’ s-Segretarju Parlamentari jagħtini l-isem abbinat ma’ kull code?
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Din kont diġà staqsejthieli. Ħa nagħtik l-istess risposta għall-istess mistoqsija li għamiltli. Bħalma kont diġà spjegajt, minħabba data protection, m’aħniex qed noħorġu l-ismijiet tal-kirurgi speċifiċi. Aħna għandna l-codes; il-kirurgi jafu min huma; il-kapijiet tad-dipartimenti tagħhom jafu min huma – imma ma naħsbux li hija etika li noħorġu l-ismijiet tal-kirurgi b’mod pubbliku.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Claudette Buttigieg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG: Naħseb li r-risposta tal-Onor. Fearne jistħoqqilha li tiġi ċċarata daqsxejn aktar. F’liema sens li persuni li qed jitħallsu mit-taxxa tal-poplu hemm bżonn nipproteġuhom permezz ta’ data protection? Naħseb li hawnhekk qed nistaqsu sempliċement il-konsulenti min huma u kemm-il operazzjoni għamlu. Ma nistax nifhem x’fiha ħażin!
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: L-Onor. Grech staqsieni kemm-il darba biex nagħtu lista ta’ operazzjonijiet xahar b’xahar, konsulent b’konsulent, u nagħtu l-ismijiet tal-konsulenti. Jiġifieri rridu ngħidu l-konsulenti kollha ta’ Mater Dei kemm għamlu operazzjonijiet wieħed wieħed, u nsemmuhom b’mod pubbliku. Aħna ma għandna l-ebda problema, u huwa importanti li l-konsulenti jkunu jafu huma u l-kapijiet tad-dipartiment tagħhom, u li jkun jaf il-management tal-isptar. Ovvjament, kulħadd huwa accountable għall-management u għal min qiegħed imexxih. Jekk ikun hemm konsulenti li qed jagħmlu anqas milli mistenni, jew anqas minn sħabhom, wieħed ikun irid jitkellem magħhom biex jara x’inhi r-raġuni. Però, ma nħossux li għandna noħorġu l-ismijiet ta’ konsulenti fil-pubbliku; anke għax xi uħud minnhom li jkunu għamlu numru żgħir ta’ operazzjonijiet għaliex xogħolhom ma jkunx neċċessarjament ta’ kirurgi imma jkunu interventionists, u pereżempju, jagħmlu operazzjoni waħda jew tnejn, prattikament inkunu qed ngħidu min huma l-pazjenti. Jien naħseb li din it-tip ta’ informazzjoni sensittiva għandha tkun ristretta għall-management tal-isptar u għall-clinical chairs ta’ kull dipartiment.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Claudette Buttigieg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG: Għalkemm ma naqbilx mal-Onor. Fearne li jekk tgħid min huwa l-kirurgu ħa tikxef min huma l-pazjenti, speċjalment meta qed nitkellmu fuq numru daqshekk kbir ta’ pazjenti, nista’ nkun naf, jekk jogħġbok, jekk dawn in-numri fil-każ tal-orthopaedic surgeons jinkludux ukoll dawk li qed jagħmlu extra nhar ta’ Ħadd, pereżempju?
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Mhux tal-orthopaedic surgeons biss, imma jinkludu l-operazzjonijiet li jkunu saru minn kull konsulent. Hawnhekk qed noħorġuhom bil-code tagħhom, li huma magħrufa fost il-management u l-clinical chairs, u jinkludi wkoll l-operazzjonijiet kollha li jsiru skont il-kuntratti li kull kirurgu għandu mad-Dipartiment.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Anthony Agius Decelis, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Mingħajr ma noqgħod nistaqsi min kienu u kif, jista’ l-Onor. Fearne jagħtina ftit aktar dettall dwar x’sar biex għamilna breakthrough; jekk nistgħu nsejħulha hekk? Konna nisimgħu li l-lista ta’ stennija qiegħda hemm biex tistenna; issa f’daqqa qed jgħidilna li f’xahrejn saru madwar 900 operazzjoni aktar! Mela kien hemm breakthrough! Minn hawn nixtieq nirringrazzja, f’isem il-pazjenti kollha, lit-timijiet kollha li ħadmu biex għamlu dan il-breakthrough. Jista’ s-Segretarju Parlamentari jispjegalna x’ġara? Kif ħarġu miċ-ċirku tas-soltu li kienu qed jaħsbu u qed jagħtu aktar servizz lill-pazjenti tagħna?
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari, Christopher Fearne.
ONOR. CHRISTOPHER FEARNE: Ħadna numru ta’ inizjattivi. L-ewwel ħaġa, aħna ma għidniex bħalma qal ħaddieħor, li l-listi ta’ stennija huma xi ħaġa li trid tidrahom u trid tgħix bihom. Aħna emminna li kull pazjent għandu d-dritt għall-kura fil-pront u f’waqtha, kif ukoll kura tajba. Allura bdejna minn dik il-premessa, li l-listi ta’ stennija mhumiex xi ħaġa li rridu ngħixu bihom, mhux xi ħaġa li bilfors teżisti fis-sistema tas-saħħa tal-lum. Allura bdejna nindirizzawha.
Il-premessa hija faċli ħafna: biex taqta’ l-listi ta’ stennija tal-operazzjonijiet, iridu jsiru iżjed operazzjonijiet. Biex tlaħħaq mad-domanda, trid iżżid is-supply. Allura rajna li ħafna mill-kirurgi kellhom u għandhom kuntratti li mhux kollha kienu qed jiġu eżawriti. Kellna kirurgi li għandhom kuntratt li joperaw darba fil-ġimgħa, bejn l-4 u t-8 ta’ filgħaxija, u għax it-teatri kienu jagħlqu u jieqfu ħafna drabi mix-xogħol – dak li jgħidulu elective bejn it-3 u l-4 ta’ wara nofsinhar – dawn l-operazzjonijiet ma kienux qed isiru. Allura żidna s-sessjonijiet ta’ wara nofsinhar u ta’ filgħaxija. Għad irridu nżidu iżjed, u qegħdin f’diskussjonijiet mal-unions biex nagħmlu dan; żidna wkoll is-sessions ta’ matul l-aħħar tal-ġimgħa. Żidna s-sessjonijiet nhar ta’ Sibt u anke nhar ta’ Ħadd. Illum għandna kirurgi li qed jaħdmu nhar ta’ Ħadd, għax il-mard m’għandux Sibt u Ħadd. Allura żidna n-numru ta’ operazzjonijiet. Żidna wkoll in-numru ta’ operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li kien jaħdem għal ftit sigħat kuljum. Illum qed jaħdem għal sigħat twal, anke sas-6 u t-8 ta’ filgħaxija.
Żidna wkoll in-numru ta’ operazzjonijiet. Għall-ewwel darba, qed nagħmlu listi sħaħ ta’ operazzjonijiet tal-kataretti. Kellna lista ta’ stennija twila ġol-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Żidna wkoll l-operazzjonijiet fil-komunità. Minn din is-sena, bdejna nagħmlu operazzjonijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, fejn hemm teatru li huwa attrezzat, u qed nagħmlu operazzjonijiet li ma jkollhomx bżonn loppju ġenerali, imma bdejna nagħmlu u għamilna mijiet.
Għadna ma wasalniex. Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu. Irrid nirringrazzja lill-infermiera, lill-kirurgi u lill-paramediċi kollha li qed jaħdmu qatigħ biex din is-sena għamilna 51,500 operazzjoni, jiġifieri 4,300 operazzjoni aktar mill-2014!
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għat-Tqegħid ta’ Karti. Insejjaħ lill-Onor. Evarist Bartolo.

Yüklə 170,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə