Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 170,67 Kb.
səhifə2/8
tarix28.07.2018
ölçüsü170,67 Kb.
#59303
1   2   3   4   5   6   7   8

TQEGĦID TA’ KARTI



ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:

Kopja tar-Rapport Annwali tal-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol għas-sena 2014;


Avviż Legali Nru 56 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Università;
Tabella li turi l-għadd ta’ studenti fl-iskejjel tal-Istat mill-ewwel sena Kinder sal-ħames sena Sekondarja, f’kull sena bejn l-2008 u l-2014, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14376;
Tabella li turi l-għadd ta’ għalliema fl-iskejjel tal-Istat fil-livelli Kinder, Primarja u Sekondarja, f’kull sena bejn l-2008 u l-2014, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14377;
Tabella li turi l-għadd ta’ Learning Support Assistants (LSA) fl-iskejjel tal-Istat fil-livelli Kinder, Primarja u Sekondarja, f’kull sena bejn l-2008 u l-2014, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14378;
Tabella li turi l-għadd ta’ impjegati ġodda li daħlu jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat, f’kull sena bejn l-2008 u l-2014, maqsuma skont il-grad, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14379; u
Tagħrif dwar xiri ta’ kotba ġodda bit-Taljan għall-iskejjel tal-Istat fis-snin 2013-14 u 2014-15, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14402.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Edward Scicluna.
ONOR. EDWARD SCICLUNA (Ministru għall-Finanzi): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar konsulenti mal-Bank Ċentrali ta’ Malta, id-data u l-metodu ta’ kif intagħżlu, flimkien mar-remunerazzjoni li jirċievu, bi tweġiba għallmistoqsija parlamentari numru 14519.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali) (f’isem il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-għadd ta’ shifts, u l-għadd ta’ ħaddiema f’kull shift, fid-Direttorat tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, flimkien max-shift allowance li jitħallsu, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14290;
Tagħrif dwar promozzjonijiet, li ngħataw lill-ħaddiema tad-Direttorat tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, minn wara t-13 ta’ Marzu 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14292;
f’isem il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 57 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regoli dwar l-Arbitraġġ;
Avviż Legali Nru 58 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regolamenti dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u Appelli Minnu; u
Avviż Legali Nru 59 tal-2015 – Regoli tal-2015 li jemendaw ir-Regoli dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar; u
f’isem il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi żgħar, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ applikazzjonijiet li l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob irċeviet matul l-2013 u l-2014, kif ukoll l-istadju li kienu fih, maqsuma skont is-settur, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14473;

THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA (Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 52 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta;
Avviż Legali Nru 53 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni Ċivili (Dixxiplina u Assoċjazzjoni);
Avviż Legali Nru 54 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta; u
Avviż Legali Nru 55 tal-2015 – Regolamenti tal-2015 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Ħabs.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? L-Onor. Edward Scicluna.STQARRIJA DWAR IS-SITWAZZJONI

TAL-GREĊJA FIŻ-ŻONA EWRO



ONOR. EDWARD SCICLUNA: Sur President, wara l-bidla fil-Gvern fil-Greċja, fejn il-Partit Xellugi Radikali ‘Syriza’ rebaħ il-Gvern, qamet il-kwistjoni dwar x'se jsir mit-twettiq tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Greċja li għadu mhux magħluq, u li se jiskadi fl-aħħar ta' Frar 2015. Ta' min jgħid li l­Gvern Grieg kien iġġieled l-elezzjoni fuq programm ta' kontra l-awsterità, u kien wiegħed li se jirrevedi l-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-pajjiż.
Il-programm li għandu jiskadi fl-aħħar ta' Frar għadu miftuħ, u l-aħħar review tiegħu mill­Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali għadha ma ngħalqitx, għaliex il-Gvern Grieg għad għandu numru ta' miżuri strutturali u riformi oħra xi jwettaq. Għaldaqstant, il-Greċja ma setgħetx tingħata l-aħħar tranche ta' madwar €7 biljun f’self skont il-programm.
Il-qagħda ekonomika u finanzjarja fil-Greċja mhix tajba, u marret għall-agħar matul il­kampanja elettorali – kif ukoll wara – minħabba l-inċertezza li nħolqot dwar l-intenzjonijiet tal-Gvern Grieg fir-rigward tal-programm. Skont rapporti li ngħataw fil-laqgħat tal-Grupp tal-Ministri għall-Finanzi taż-Żona Ewro, l-Eurogroup, id­dħul tal-Gvern mit-taxxi waqa' ħafna, u r-rati tal-imgħax fuq is-self lill-Gvern Grieg żdiedu għal livelli għoljin ħafna. Għaldaqstant, kif ġie rrappurtat, il-qagħda finanzjarja tal-Gvern Grieg ħżienet sewwa. FI-istess ħin, ġejna informati li ammonti sostanzjali ħafna ta' depożiti fil-banek Griegi kienu qegħdin jiġu rtirati kuljum, fatt li kkontribwixxa għal dgħufija sostanzjali tas-sistema bankarja Griega. F’ġurnata waħda, dakinhar stess, kienu ħarġu €1 biljun mill-banek Griegi.
Il-qagħda fil-Greċja ġiet diskussa f’laqgħa speċjali tal-Eurogroup, li ssejħet fil-11 ta' Frar 2015. Dakinhar, il-Ministru għall-Finanzi Grieg spjega l-politika ekonomika u finanzjarja tal-Gvern tiegħu, kif ukoll l-intenzjonijiet tal-Gvern Grieg dwar il-programm ta’ aġġustament ekonomiku ta' bħalissa. Il-pożizzjoni tal-Gvern Grieg kienet li dan il-programm ma ħadimx, u allura ma ħalliex ir-riżultati mixtieqa. Minflok, hu sostna li dan il-programm ħoloq riċessjoni kbira u kriżi umanitarja. Fil-fatt, il-qagħda ekonomika hi tali li l-qgħad laħaq il-livell ta' 25%, il-Prodott Domestiku Gross waqa' b'rata ta' 25% minn mindu bdiet il-kriżi, filwaqt li d-dejn ilaħħaq għal-175% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dakinhar, il-Gvern Grieg talab li l-Greċja għandha tingħata għajnuna temporanja sakemm tkun tista' tigi nnegozjata relazzjoni kuntrattwali ġdida bejn il-Greċja u l-istituzzjonijiet Ewropej. Fil-pożizzjoni tagħhom, il-Ministri għall-Finanzi l-oħrajn fil-Eurogroup qablu unanimament li l-aħjar triq 'il quddiem kienet li l-Greċja tapplika għal estensjoni tal­programm eżistenti, u li tiffinalizza l-miżuri pendenti sabiex dan ii-programm jingħalaq u l-Greċja tkun tista' tingħata l-aħħar tranche finanzjarja bħala self. F'dik il-laqgħa ma kien hemm l-ebda qbil dwar it-triq 'il quddiem għall-Greċja.
L-istess suġġett ġie diskuss ukoll fil-laqgħa regolari tal-Eurogroup li saret it-Tnejn,16 ta' Frar 2015. Minkejja d-diskussjonijiet teknici li kienu saru, fil-jiem ta' qabel din il-laqgħa, bejn il­Gvern Grieg u l-istituzzjonijiet Ewropej, bis-sehem tal-Fond Monetarju Internazzjonali, deher ċar li ma kien sar l-ebda progress dwar il-kwestjoni; iżda l-Ministru għall-Finanzi Grieg reġa’ ntalab sabiex jitlob għal estensjoni tal-programm eżistenti.
Matul dawn it-taħdidiet, il-pożizzjoni tal-Gvern Malti kienet ċara u rraġunata ħafna. Aħna sħaqna b'modi konsistenti li:


  • Il-Gvern Grieg għandu jgħid bla tlaqliq u jagħti assikurazzjoni li se jonora d-dejn kollu li għandu, inkluż dak li għandu ma’ pajjiżna;




  • Il-Gvern Malti huwa lest li jikkopera u jaħdem mal-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-ewro sabiex, bi flessibilità u bi strateġija ekonomika u finanzjarja li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku, jinstabu l-formoli meħtieġa sabiex titjieb il-qagħda fil-Greċja; u




  • Il-ħidma sabiex l-għanijiet ekonomiċi, finanzjarji u umanitarji jinkisbu għandha ssir fi ħdan l-istrutturi eżistenti, u fi spirtu ta’ koperazzjoni u solidarjetà, u mingħajr konfrontazzjoni.

Nhar l-Erbgħa, 18 ta' Frar 2015, il-Ministru għall-Finanzi Grieg kiteb lill-President tal­Eurogroup u talab estensjoni ta' sitt xhur tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku Grieg. Hu sejjaħlu “Master Financial Facility Arrangement”. Qiegħed inpoġġi kopja ta' din it-talba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl tat-talba Griega, reġgħet issejħet laqgħa oħra straordinarja tal-Eurogroup sabiex tiġi diskussa t-talba tal-Gvern Grieg. Din il-laqgħa saret il-Ġimgħa, 20 ta' Frar 2015.
Matul din il-laqgħa, intlaħaq qbil dwar stqarrija tal-Eurogroup, li fih:


  1. Intwera apprezzament għall-isforzi tal-Greċja u l-poplu Grieg sabiex iseħħ aġġustament ekonomiku u finanzjarju sostanzjali fil-pajjiż;




  1. Ittieħdet nota tat-talba għal estensjoni tal-programm ta' aġġustament li għandu jiskadi fl-aħħar ta' Frar. Intqal li l-għan tal-estensjoni huwa li tiġi mitmuma r-review tal-programm eżistenti bil-kondizzjonijiet kollha li fih, filwaqt li jingħata lok għal xi flessibilità, wara konsiderazzjoni konġunta bejn il-Gvern Grieg, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

ċ) Fuq il-bażi tal-arranġamenti preżenti, il-Gvern Grieg għandu jippreżenta l-ewwel lista ta' riformi tiegħu sa llum, it-Tnejn, 23 ta' Frar 2015. L-istituzzjonijiet imsemmija għandhom jagħtu l-ewwel opinjoni tagħhom dwar jekk il-lista hijiex komprensiva biżżejjed, sabiex jingħata bidu għall-konklużjoni b'suċċess tar-review tal-programm eżistenti. Imbagħad din il-lista ta' proposti għandha tiġi elaborata aktar u maqbula mal-istituzzjonijiet imsemmija sal-aħħar t’April 2015;


Intqal li meta u wara li tingħata l-approvazzjoni għar-review konklussiva tal­programm, it-tranche finanzjarja pendenti, kif ukoll il-profitti tal-SMP għall-2014, jiġu approvati sabiex jgħaddu lill-Greċja;
Intlaqa’ tajjeb l-impenn sħiħ tal-awtoritajiet Griegi li jaħdmu mill-qrib mal­istituzzjonijiet Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali;
Intqal li l-awtoritajiet Griegi esprimew impenn sod għal programm kbir ta' riformi strutturali bil-għan li jiġi assigurat it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, it-tisħiħ u l-istabilità tas-settur finanzjarju, u sabiex tiġi assigurata l-ekwità soċjali;
Intqal li l-awtoritajiet Griegi taw kelma soda u impenn ċar li lesti jonoraw l-obbligi finanzjarji tagħhom kollha u fil-ħin lejn il-kredituri kollha;
Intqal li l-awtoritajiet Griegi lesti li jassiguraw il-bilanċ baġitarju primarju pożittiv meħtieġ sabiex jassiguraw is-sostenibbiltà tad-dejn Grieg;
Intqal li l-awtoritajiet Griegi qegħdin jintrabtu milli jreġġgħu lura r-riformi li kienu ġew imwettqa, u li ma jeħdux deċiżjonijiet unilaterali dwar tibdil fil-politika u r-riformi strutturali;
Abbażi ta' din it-talba u l-impenji li ttieħdu mill-Gvern Grieg, għandu jinbeda l­progress sabiex jiġġedded il-programm ta’ aġġustament ekonomiku għal perjodu ta’ erba’ xhur oħra.
Kopja tal-istqarrija tal-Ministri għall-Finanzi taż-Żona Ewro qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal­Kamra.
Huwa ppjanat illi għada, t-Tlieta, 24 ta' Frar 2015, għandu jerġa' jitlaqqa' il-Eurogroup permezz ta' telekonferenza bil-għan illi:


  • Jingħata rendikont mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali dwar l-evalwazzjoni inizjali u l-opinjoni tagħhom dwar il-proposti ta' riformi tal­Gvern Grieg, kif indikat aktar kmieni f’din l-istqarrija; u




  • Skont u jekk din l-evalwazzjoni tkun pożittiva, tiġi approvata formalment it-talba tal­Gvern Grieg għal estensjoni tal-programm ta' aġġustament għall-erba’ xhur li ġejjin, kif indikat fl-istqarrija tal-Eurogroup.

Minn dak li għadni kif spjegajt, huwa aktar minn ċar li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti matul it-taħdidiet li saru kienet aktar milli rraġunata u ġġustifikata, tant illi l-elementi kollha tal­pożizzjoni Maltija huma riflessi fi-abbozz tal-ftehim li għad irid jiġi approvat għada. Permezz tal-garanzija li ta l-Gvern Grieg li lest jonora l-obbligi finanzjarji kollha li għandu lejn il-kredituri kollha, irnexxielna nissalvagwardjaw is-self li tajna lill-Greċja. Aħna appellajna għall-flessibbiltà u għal strateġiji li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u s-solidarjetà soċjali. Dan l-appell intlaqa' u ddaħħal fi-istqarrija tal­Eurogroup. Fl-aħħar, aħna appellajna għall-ħidma fi ħdan l-istrutturi eżistenti, u għall­koperazzjoni u s-solidarjetà bejn dawk kollha nvoluti. Ittieħed impenn sħiħ li jsir dan.


Fl-aħħar nett, se npoġġi xi dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-ittra li l-Ministru għall-Finanzi Grieg bagħat lill-President tal-Eurogroup fit-18 ta’ Frar 2015, fejn talab estensjoni ta’ sitt xhur tal-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku Grieg; u
Kopja tal-istqarrija, maħruġa fl-20 ta’ Frar 2015, mill-Ministri għall-Finanzi taż-Żona Ewro dwar it-taħdidiet li saru mal-awtoritajiet Griegi sabiex tingħata estensjoni tal-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku Grieg.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, iċ-ċirkostanzi li sabet ruħha fihom il-Greċja huma realtajiet li affettwaw lil miljuni ta’ ċittadini, mhux biss Griegi, iżda madwar l-Ewropa kollha. Din hija realtà li saret frott mismanagement finanzjarju kbir li ħalliet impatt qawwi fuq l-ekonomija Griega u l-bqija tal-ekonomija Ewropea; realtà li rridu jew ma rridux m’aħniex maqtugħin minnha. Pajjiżna, flimkien mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, aċċetta li jipparteċipa fl-appoġġ finanzjarju li salva l-Greċja minn kollass totali. Dan sar b’solidarjetà ma’ pajjiżi sħabna fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-interess kollettiv li ż-Żona Ewro toħroġ mill-iktar fis possibbli mid-diffikultajiet li sabet ruħha fiha. Mandankollu, din l-għajnuna kienet marbuta ma’ kondizzjonijiet ċari – riformi importanti li jpoġġu lill-pajjiż lura fuq saqajn sodi, riformi li fl-aħħar mill-aħħar kienu bħal diversi riformi li bosta pajjiżi, fosthom Malta, għamlu f’dawn l-aħħar snin, biex isiru aktar kompettitivi fid-dawl ta’ realtajiet ekonomiċi emerġenti.
Sur President, f’dan is-sens, l-Oppożizzjoni appoġġjat b’mod kontinwu l-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti f’dawn l-aħħar ġimgħat dwar il-possibilità li dan li ġie diskuss, li l-ftehim iffirmat bejn il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u l-Greċja jerġa’ jiġi diskuss fid-dawl tar-riżultat elettorali fil-Greċja. Filwaqt li nifhmu d-dritt tal-Gvern ġdid Grieg li, fid-dawl tar-riżultat elettorali, jitlob diskussjoni fuq livell Ewropew, ma kienx aċċettabbli li f’din id-diskussjoni ssir konsiderazzjoni li jitħassar b’xi mod jew ieħor id-dejn li l-Greċja għandha ma’ pajjiżi oħra, fosthom Malta. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni tilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li, għalkemm jagħti estensjoni ta’ erba’ xhur lill-Greċja, ebda ħlas ulterjuri ma jsir lill-Greċja, dment li ma jitwettaqx il-programm ta’ riformi kif miftiehem. Dan, fil-fehma tagħna, għandu jibqa’ jservi ta’ prinċipju bażiku li fuqu tkun ibbażata l-għoti ta’ din l-għajnuna. Ovvjament, nistennew ukoll b’ħerqa l-punti ta’ riforma li għandhom jiġu proposti sal-lejla stess mill-Greċja. L-Oppożizzjoni, f’tali kuntest, iġġedded l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Gvern biex kull ftehim li jintlaħaq jibqa’ jżomm dan il-prinċipju fuq quddiem, u jfittex bilanċ xieraq u ġust fl-interessi finanzjarji u ekonomiċi kemm tal-Greċja, iżda wkoll – u fuq kollox – taż-Żona Ewro u l-pajjiżi li jipparteċipaw f’din l-għajnuna. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Rimarki? Jekk m’hemmx rimarki, nistieden lill-Ministru biex jagħmel ir-rimarki konklużivi tiegħu.
ONOR. EDWARD SCICLUNA: Nixtieq ngħid biss li sa dan il-ħin ma għandna l-ebda aħbar dwar x’kien fiha l-lista, u jekk l-istituzzjonijiet humiex se japprovaw li huma aċċettabbli. Dan jista’ jkun tard ħafna llejla, jew inkella għada filgħodu kmieni. Però huwa ppjanat li l-laqgħa tal-Eurogroup issir għada fis-2 p.m. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Mozzjonijiet? L-Onor. Edward Scicluna.

Yüklə 170,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə