Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MOZZJONIJIET ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JEMENDA



Yüklə 170,67 Kb.
səhifə3/8
tarix28.07.2018
ölçüsü170,67 Kb.
#59303
1   2   3   4   5   6   7   8

MOZZJONIJIET

ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JEMENDA

L-ATT DWAR IL-KUMMERĊ BANKARJU



ONOR. EDWARD SCICLUNA: Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju u jipprovdi dwar ħwejjeġ anċillari jew inċidentali għalih. Kap 371.”
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju u jipprovdi dwar ħwejjeġ anċillari jew inċidentali għalih. Kap 371.” Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con., u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI LI JIMPLIMENTA MIŻURI TAL-ESTIMI

BUDGETARY MEASURES IMPLEMENTATION BILL



L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.

Ikompli mit-18 ta’ Frar 2015.

Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili.
ONOR. HELENA DALLI (Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili): Sur President, qed inkomplu b’dan it-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-estimi finanzjarji u miżuri amministrattivi tal-Baġit għal din is-sena. Kif semma l-Ministru għall-Finanzi, ħafna nies iħarsu lejn il-Baġit biex jaraw kif miżura jew oħra se tolqothom b’mod tajjeb jew b’mod ħażin, għax il-Baġit mhux biss huwa dak li jċaqlaq it-tkabbir ekonomiku, imma huwa attività ekonomika u soċjali li tolqot lill-familji, liż-żgħażagħ, lix-xjuħ, lill-poplu kollu; mhux biss lin-nies personalment, jew għall-familji tagħhom, imma anke inġenerali, jew gruppi speċjalizzati.
Pereżempju, fis-settur tal-volontarjat, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħi, waħda mill-problemi kbar li rajna meta konna niltaqgħu ma’ dawn l-għaqdiet volontarji – anke meta konna fl-Oppożizzjoni – kienet it-talba għall-bini fejn jiltaqgħu. Apparti x-xogħol li qed nagħmlu biex nemendaw il-liġi tal-volontarjat, hemm ukoll it-talbiet li jagħmlu l-għaqdiet stess. Din il-liġi ilha s-snin twal biex tiġi indirizzata sabiex isiru dawn l-emendi. Fil-fatt, il-Kummissarju jgħidli li kellu laqgħat ma’ sitt Ministri differenti f’dan il-proċess, u jiena s-seba’ Ministru li qed jiddiskuti miegħu dawn l-emendi. Irrid ngħid li mhux se ndumu wisq ma nressqu dawn l-emendi għall-konsultazzjoni pubblika, u mbagħad f’dan il-Parlament.
B’mod konkret, u anke fil-miżuri tal-Baġit li qed niddiskutu, nistgħu nsemmu wkoll li għal din is-sena kien hemm proġettat il-ftuħ ta’ żewġ ċentri oħra tal-volontarjat. Fil-fatt, fl-aħħar tas-sena l-oħra diġà nfetaħ wieħed minnhom fil-Belt, li fih kmamar li jistgħu jintużaw għall-kumitati u għall-eżerċizzji li jkollhom bżonn. Fil-bidu ta’ din is-sena, ftaħna ċentru ieħor fil-Qawra, u matul din is-sena se niftħu ċentru ieħor f’Marsaxlokk. Hawnhekk qed naraw konkretament dawn il-miżuri tal-Baġit kif jaffettwaw ’l-għaqdiet volontarji.
Sur President, imbagħad hemm ix-xogħol li qed isir fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Sa mill-bidu ta’ din il-leġislatura, dan il-Gvern beda ħidma biex jiġi indirizzat il-prekarjat. Konna nisimgħu ħafna kliem fuq dawn is-sitwazzjonijiet prekarji ta’ ħaddiema. Mhux se ngħid li wasalna, u jiena ngħid li qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna, għax kuljum niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet li ma konniex nafu bihom, jew sitwazzjonijiet ġodda, jew sitwazzjonijiet li ġibdulna l-attenzjoni fuqhom. Mhux faċli li treġġa’ lura ħafna snin ta’ nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam. Il-gvern għandu jkun il-model employer, u min iħaddem għandu jimxi fuq il-mudell tal-gvern, u allura ma jridx ikun il-gvern li jonqos, fosthom f’kuntratti pubbliċi.
Din kienet il-kritika li konna nagħmlu mill-Oppożizzjoni, li l-Gvern stess kien qed iħaddem u kien qed jaċċetta li kuntratturi li jagħmlu x-xogħol għall-Gvern iħaddmu b’kondizzjonijiet prekarji. Aħna qed nindirizzaw dan, u qed inħarsu lejn il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema, fosthom permezz ta’ metodi ta’ kif jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema biex nevitaw l-abbuż, u dalwaqt se nkunu qed indaħħlu fis-seħħ regoli oħra, bħall-black listing ta’ kumpanniji u persuni li jabbużaw minn dawn il-kondizzjonijiet tax-xogħol.
Irridu nkomplu naħdmu, kif qegħdin naħdmu, biex innaqqsu l-loopholes li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet u d-dinjità li suppost ikollhom. Hawnhekk qed nitkellmu fuq loopholes, għax ħafna drabi ma jkunux qed jiksru l-liġi, imma jkunu qed iduru mal-liġi. Imbagħad, tibgħat l-ispetturi tad-DIER biex jinvestigaw, u ħafna drabi ma jsibux fuq xiex jinvestigaw. Għalhekk, tkellimna fuq li jkollhom il-paga li tmur fil-bank biex ikun hemm trail, li meta trid tinvestiga ssib fuq xiex tinvestiga. Qed nesiġu wkoll li l-ħlasijiet tal-ħaddiema tal-kuntratturi fuq xogħol tal-Gvern jitħallsu mill-anqas bir-rata bażika tal-istess xogħol li jsir mill-ħaddiema tal-Gvern. Allura, fejn qabel kellek l-anomalija fejn, pereżempju, żewġ skrivani qegħdin bilqiegħda fuq l-istess bank tax-xogħol, qed jagħmlu l-istess xogħol, però qed jitħallsu differenti, waħda għax hija tal-kuntrattur, u l-ieħor għax huwa ħaddiem tal-Gvern. Aħna qed ngħidu li dak m’għandux ikun, u għalhekk indirizzajna din is-sitwazzjoni.
Bħalissa għaddej ukoll proċess ta’ reviżjoni u aġġornament tal-liġijiet tax-xogħol, biex dejjem inkomplu ntejbu d-drittijiet tal-ħaddiema, u anke ta’ min iħaddem. Pereżempju, għadu kif kellna laqgħa tal-MCESD fejn dawk li jħaddmu ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-emendi għal-liġi tax-xogħol. Huwa importanti li l-imsieħba soċjali jagħtu l-kontribut u jkunu attivi f’dawn il-bidliet fil-liġi tax-xogħol li se nkunu qed nippreżentaw, u li se nkunu qed niddiskutu fil-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjiegi (ERB).
Fir-rigward tan-nisa, l-istatistika turi li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Gvern qed ikomplu juru riżultati pożittivi u qed jagħtu l-frott, mhux biss mill-aspett ekonomiku, imma wkoll minn dak soċjali. Huwa biżżejjed li wieħed iħares lejn ir-rati tan-nisa li jaħdmu. L-aħħar Labour Force Survey juri li r-rata tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, bejn Lulju u Settembru tal-2014, kienet ta’ 40% tan-nisa kollha ’l fuq minn 15-il sena, meta mqabbel ma’ 37.8% fl-istess perijodu tas-sena ta’ qabel.
Sur President, qed naraw ukoll żieda inkoraġġanti ta’ nisa self employed, u dan irriduh ikompli jiżdied, u l-Gvern dejjem qed jagħti aktar inċentivi sabiex dan ikompli jseħħ. Żdied il-benefiċċju tal-leave tal-maternità, b’mod partikolari għan-nisa self employed, li se jibdew jitħallsu ta’ 14-il ġimgħa benefiċċju tal-maternità bl-istess rata tal-paga minima nazzjonali. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn €73 fuq dak li kienu jieħdu s-sena l-oħra. L-istess benefiċċji tal-leave tal-maternità se jkunu japplikaw ukoll għal meta jkun hemm xi addozzjoni ta’ tfal. Biex ngħinu lin-nisa li jaħdmu fis-settur privat, kif ukoll lil min iħaddem, se jitwaqqaf fond speċjali biex minnu jitħallas il-benefiċċju ta’ 14-il ġimgħa leave tal-maternità. Dan ifisser li l-kumpanniji privati kollha se jkunu qed jikkontribwixxu, biex b’hekk il-piż ikun qed jinqasam bejn kulħadd.
Din hija miżura importanti għax, permezz tagħha, apparti l-aspett ekonomiku tagħha, se nkunu qed nindirizzaw sitwazzjoni fejn kien qed ikollna każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra nisa ta’ età li jistgħu jkollhom it-tfal meta jiġu biex jintgħażlu għal impjieg, għax min iħaddem kien jara li jkun hemm probabbiltà kbira li dawn in-nisa dalwaqt se jieħdu l-leave tal-maternità, u min iħaddem irid iġorr dak il-piż kollu waħdu. Huwa kontra l-liġi li tiddiskrimina b’dan il-mod; però dawn ma jgħidux li m’għażlukx għax inti jista’ jkun li dalwaqt se tkun qed tieħu l-leave tal-maternità, imma jagħtuk xi raġuni oħra għalfejn ma tkunx intgħażilt. Din hija sitwazzjoni fejn hemm mara u raġel bl-istess kompetenza, bl-istess esperjenza, imma l-mara hija ta’ età li jista’ jkollha t-tfal. Il-probabbiltà hija li, f’dan il-każ, jintgħażel ir-raġel. Allura, b’dan il-fond, li permezz tiegħu l-ħlas tal-leave tal-maternità se janqasam bejn dawk kollha li jħaddmu, se tonqos il-probabbiltà li jkun hemm din id-diskriminazzjoni, għax min iħaddem mhux se jkollu jġorr waħdu dan il-piż tal-leave tal-maternità.
Il-Kamra tal-Kummerċ taqbel mal-prinċipju ta’ din il-miżura, u anke l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem iddeskriviet dan il-konċett ta’ dan il-fond bħala element pożittiv li se jtemm id-diskriminazzjoni bejn l-impjegati nisa u rġiel, għax il-leave tal-maternità se jitħallas mill-fond u mhux direttament minn min iħaddem. Kellna wkoll il-Malta Confederation of Women’s Organisations li qalu, u nikkwota:
“Permezz tal-fond, l-ispiża tal-leave se tinqasam ma’ dawk kollha li jħaddmu, u mhux biss il-ftit li jkollhom l-impjegati nisa fuq il-leave.”
Il-Confederation of Women’s Organisations hija kuntenta wkoll li numru ta’ proposti li l-għan tagħhom huwa li jinċentivaw lin-nisa u jħeġġuhom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol ġew inklużi f’dan il-Baġit. Dan huwa x’ifisser li jkollok il-konsultazzjoni, li tkun miftuħ biex iddaħħal konċetti ġodda – u xi wħud minnhom mhux daqshekk ġodda – imma li ilna nitkellmu fuqhom, però li qatt ma ġew implimentati. Hija xi ħaġa tajba li jkollok il-korpi kostitwiti u s-sħab soċjali li qed jgħidulek li jaqblu ma’ dak li daħħalna fil-Baġit, għax dan se jgħin fil-qasam tax-xogħol, se jgħin biex innaqqsu d-diskriminazzjoni, u biex inżidu l-ugwaljanza f’dan il-pajjiż.

Kif qal il-kollega tiegħi l-Ministru għall-Finanzi, dan il-Gvern ma ddejjaq xejn jinvesti biex iżid ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Kif semmejna diġà, il-benefiċċju mhuwiex wieħed ekonomiku biss, avolja dan huwa importanti wkoll meta wieħed iqis li Malta għandha fost l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku, meta mqabbla mal-istati membri tal-Unjoni Ewropea l-oħrajn. Dan ifisser ukoll li aktar nisa qed jużaw it-talenti tagħhom, qed igawdu mill-indipendenza finanzjarja, li nafu li hija importanti ħafna għax, meta tħares mill-aspett soċjali, tara li ħafna problemi soċjali, pereżempju ta’ vjolenza domestika, huma relatati man-nuqqas ta’ indipendenza finanzjarja tan-nisa. Għalhekk, meta qed tieħu miżuri li meta tismagħhom fil-Baġit jistgħu jidhru li huma miżuri ekonomiċi, fil-fatt, fir-realtà tara l-impatt soċjali li jkollhom dawn il-miżuri. Il-pajjiż jinvesti ħafna fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tan-nisa, u tieħu gost tara li minn dak l-investiment li ilna nagħmlu tul is-snin fil-ħiliet tan-nisa, qed nieħdu return aħjar ta’ dan l-investiment, għax dawn in-nisa qed jagħtu kontribut dirett fl-ekonomija ta’ pajjiżna.


Se nsemmi wkoll miżura li kienet fil-Baġit tas-sena l-oħra, u li qed ikollha effett pożittiv ħafna. Qed nirreferi għall-miżura taċ-childcare għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn, jew fil-każ ta’ single parents, li għandhom iċ-childcare mingħajr ħlas. Qabel, kull studju li konna nagħmlu dwar in-nuqqas ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol, l-ewwel punt li konna nsibu fir-rapport kien li m’għandniex childcare affordabbli. Dan il-Gvern mhux biss għamlu affordabbli, imma għamel iċ-childcare mingħajr ħlas. Naħseb li lkoll kemm aħna f’din il-Kamra qegħdin insegwu d-dibattitu li għaddej bħalissa fl-Ingilterra, fejn iċ-childcare tant hu għali li llum in-nisa qed jerġgħu jmorru lura d-dar għax qed jgħidu li ma jaqblilhomx jaħdmu minħabba li qed iħallsu ħafna għaċ-childcare, jiġifieri qed jgħidu it does not pay to work. L-Ingilterra għandha rata għolja ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, u llum qed jaħsbuha jaħdmux għax, meta qed jagħmlu l-kontijiet, qed jaraw li lanqas jaqblilhom. Ara kemm hija xi ħaġa tajba li f’pajjiżna għandna childcare li mhux biss huwa affordabbli, imma mingħajr ħlas!
Fir-rigward tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa, se nsemmi miżura oħra importanti f’dan il-Baġit, li biha se ssir ġustizzja ma’ ħafna nisa li, minħabba l-liġijiet u s-sitwazzjoni soċjali fiż-żmien passat, jew anke minħabba ċirkostanzi personali tagħhom, ma setgħux jaħdmu biżżejjed, b’tali mod li jkollhom biżżejjed kontribuzzjonijiet imħallsa biex jikkwalifikaw għall-pensjoni. Dan il-Baġit qed jagħti l-opportunità lil dawn in-nisa, u anke rġiel – però huwa fatt li hemm ħafna aktar nisa f’din is-sitwazzjoni – li jħallsu sa ħames snin kontribuzzjonijiet, u b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-pensjoni tagħhom. Dan kien punt ieħor li kienu ilhom ikellmuna fuqu, u anke meta konna fl-Oppożizzjoni kien ikollna laqgħat man-nisa, u kienu jsemmu dan il-punt. Hemm ukoll numru sostanzjali ta’ nisa li ħadmu għal numru ta’ snin, iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni minima għax m’għandhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet. Lil dawn in-nisa, li ħafna minnhom waqfu jaħdmu biex irabbu t-tfal tagħhom, il-Gvern se jagħtihom somma sa €200.
Sur President, qed naħdmu wkoll fuq il-liġi tal-koabitazzjoni. Bħalissa għaddejjin b’ħidma għat-tfassil ta’ abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni, u din hija xi ħaġa oħra li ilha tissemma f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, il-Gvern preċedenti kien ressaq abbozz ta’ liġi fuq il-koabitazzjoni; però, dak iż-żmien ma kienet ġiet aċċettata minn ħadd. Aħna qed nesploraw diversi mudelli ta’ x’tip ta’ liġi ta’ koabitazzjoni tista’ tiġi introdotta f’pajjiżna, u qed nagħmlu x-xogħol fuq l-abbozzar ta’ din il-liġi. Meta l-abbozz ikun lest, nippreżentawh għall-konsultazzjoni pubblika.
Għaddewli l-20 minuta li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi, imma nixtieq li tippermettuli minuta oħra biex ngħid xi ħaġa żgħira fuq il-koeżjoni soċjali. Irrid nitkellem fuq it-twaqqif ta’ Direttorat għal Koeżjoni Soċjali li, fost ir-responsabilitajiet tiegħu, se jkun hemm l-integrazzjoni, l-ugwaljanza f’diversi oqsma tal-ħajja, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-10 ta’ Frar għalqet il-konsultazzjoni pubblika għal żewġ liġijiet, waħda fuq Att dwar l-Ugwaljanza, u l-oħra liġi li twaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, u issa beda x-xogħol fuq dawn l-abbozzi ta’ liġijiet. Se nagħlaq id-diskors tiegħi billi ngħid li l-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa li dan il-Baġit, li huwa għall-familji, se jitgawda minn kull familja, hi x’inhi l-forma ta’ din il-familja, mingħajr ebda diskriminazzjoni. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki. L-Onor. Charlò Bonnici.
ONOR. CHARLÒ BONNICI: Sur President, f’dan id-dibattitu, fejn qegħdin nitkellmu dwar Att li huwa intenzjonat li jdaħħal fis-seħħ miżuri tal-Baġit għal din is-sena, liema miżuri ddiskutejniehom f’tarf is-sena li għaddiet. Imma dan l-Att huwa mezz ukoll kif dan il-Gvern se jżerżaq aktar minn 400 żieda jew taxxa ġdida. Dawn it-taxxi se jiżdiedu b’medja ta’ 10%, u se jaffettwaw lil numru ta’ servizzi bażiċi għal servizzi offruti mill-Gvern. Dan il-Gvern tassew ħaseb f’kulħadd!
Se nagħti fil-qosor xi eżempji ta’ dawn it-taxxi u tariffi li hawn imniżżlin f’dan l-Att, imma qabel xejn wieħed irid ifakkar li hawnhekk għandna Gvern li, fl-aħħar elezzjoni tal-2013, tela’ bil-wegħda li se jnaqqas il-burokrazija u l-piżijiet minn fuq il-poplu, biex issa ġie hawn b’din il-liġi li se żżid it-tariffi tas-servizzi tal-Gvern. Li kieku tgħid li b’dawn it-taxxi l-Gvern se jżid l-effiċjenza ta’ kif jaħdmu u jitħaddmu s-servizzi tiegħu, forsi vale la pena; imma huwa ċar li dawn it-taxxi ġodda u żidiet f’taxxi eżistenti għandhom l-uniku skop li jkopru l-ispiża tal-Gvern.
Pereżempju, fil-qasam tal-ġustizzja, hemm żidiet f’tariffi marbuta ma’ diversi azzjonijiet legali li wieħed jista’ jieħu; fil-qasam marittimu, hemm tariffi marbuta mal-insinwa, bħaċ-ċertifikati tal-mewt u tat-twelid; fil-qasam tal-affarijiet barranin, hemm tariffi fuq l-awtentikazzjoni ta’ ċertifikati minn uffiċċji konsulari u ambaxxati barra; fil-qasam tas-sanità, hemm tariffi biex wieħed iċaqlaq kadavru minn qabar għal ieħor, biex wieħed inaddaf qabar, u biex wieħed jittrasporta kadavru minn u lejn l-ajruport jew xi port f’Malta. Hemm ukoll tariffi marbuta mal-biċċerija u l-qasam veterinarju, fosthom miżati biex isiru spezzjonijiet fuq annimali qabel jiġu esportati jew importati, u anke biex jinħarġu ċertifikati sanitarji għall-annimali, ħamiem, ħut u prodotti oħra; tariffi marbuta mal-ħruġ ta’ passaporti, bħaż-żieda fit-tariffa biex jinħariġlek passaport bejn April u Awwissu, li issa se jkun jiswa €100 minn €70 għall-bqija tas-sena. Hemm tariffi marbuta mar-regolamenti dwar kirjiet; tariffi marbuta mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli, bħall-liċenzja biex wieħed jaħdem bħala pitkal, u biex wieħed ikun distributur ta’ prodotti tal-majjal, u anke biex wieħed jipproduċi prodotti miż-żejt taż-żebbuġ. Hemm ukoll tariffi marbuta mal-liċenzji tal-pulizija, fosthom biex wieħed jippossjedi arma, minn waħda nawtika sa oħrajn biex jikkaċċja jew jipprattika xi sport. Dawn huma eżempji tat-tariffi li wieħed isib f’dan l-Att , u hemm tant tariffi oħrajn.
L-argument huwa wieħed, għalkemm tista’ tibqa’ sejjer tagħti aktar eżempji, għax, kif diġà għedt, hemm madwar 400 tariffa. Jekk il-Gvern irid jara li jkun aktar effettiv fil-mod kif jaħdem u fis-servizz li jipprovdi, għandu jara li mhux jgħolli jew jintroduċi dawn it-tariffi u taxxi, imma billi jara kif bir-riżorsi eżistenti jista’ jikseb il-massimu li jista’ jikseb, billi tiddaħħal mentalità ta’ effiċjenza, u mhux billi ngħabbu s-servizz pubbliku b’nies li ma jiflaħx u li m’għandux bżonn, imma li impjegajna għax għandna obbligi lejhom. Insiru aktar effiċjenti jekk ninvestu fl-għodod moderni, bħalma hu l-gvern elettroniku, fejn diversi servizzi governattivi jistgħu jiġu pprovduti bl-anqas spejjeż possibbli għall-Gvern, b’aktar effiċjenza u b’anqas burokrazija għaċ-ċittadin. Kemm qed jinvesti dan il-Gvern f’dan ir-rigward? Jista’ jfissrilna x’inhi r-road map tiegħu f’dan il-qasam?
Sur President, billi dan huwa Att li jdaħħal fis-seħħ l-estimi finanzjarji tal-Ministeri, xtaqt nieħu din l-okkażjoni biex, lil hinn minn dawn il-miżuri fiskali marbuta mal-finanzi, nikkummenta fuq żewġ punti li jmissu ma’ tliet Ministeri differenti. Ħa nibda fuq suġġett li jmiss kemm mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll mas-Sigurtà Nazzjonali, li l-ġimgħa li għaddiet, sa ċertu punt, iddiskutejnieh meta kien hawn stqarrija tal-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni fil-Libja. Bla dubju ta’ xejn, din hija issue li qiegħda fuq moħħ ħafna Maltin bħalissa, anke jekk forsi mhux neċessarjament qed tiġi diskussa daqshekk fil-beraħ. Qed nirreferi għas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa ftit kilometri ’l barra minn pajjiżna, fil-Libja, fejn is-sitwazzjoni donnha tidher li ħarbet mill-kontroll. Primarjament anke fil-popolazzjoni tagħna qed tirrenja ċerta biża’ mill-prospett li wara biebna, fil-Libja, qed javvanza grupp terrorista li jsejjaħ lilu nnifsu Stat Islamiku. Għal dawn l-aħħar xhur, anke qabel ma wieħed kien jassoċjah mal-Libja, dan il-grupp kien diġà qed juri snienu, anke meta wieħed jara x’għamel fit-territorji fis-Sirja u fl-Iraq. Jiġifieri, x’qed jagħmel dan il-grupp naħseb li huwa magħruf biżżejjed, anke mill-mod kif juża l-media soċjali.
Ftit tal-ġranet ilu stajt nara ċerta ironija għax filwaqt li fil-belt kapitali tagħna kienu qed jirrenjaw il-kuluri tal-karnival, fil-baħar Mediterran kien qed jispikka l-kulur aħmar tad-demm li ħareġ kawża ta’ qtugħ ir-ras ta’ 21 raġel Eġizzjan, ilkoll insara Kopti. Bla dubju ta’ xejn, fuq moħħ il-Maltin hemm il-biża’ li pajjiżna, b’xi mod jew ieħor, jista’ jintlaqat minn dan. Jiena naħseb li pajjiżna diġà ntlaqat minn dak li ġara fil-Libja, lil hinn mill-grupp Stat Islamiku, għax ħafna negozjanti Maltin, li kienu jaqilgħu l-ħobża tagħhom minn dan il-pajjiż, sofrew. Pereżempju, stajna naraw kif kumpaniji bħall-Corinthia sofrew minn attakk terroristiku, il-Grupp St James kellu jagħlaq sptar li għal numru ta’ snin ħadem hemmhekk u kien sejjer tajjeb, u anke individwi li kellhom negozji fil-Libja issa ġew Malta, u dak li ġara qed jaffettwahom finanzjarjament.
Għalhekk nieħu din l-okkażjoni u nappella biex, f’dawn il-mumenti diffiċli, nagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ lil min intlaqat minn dawn il-problemi u ġie lura Malta. Meta wieħed jiftaħ negozji, jew jopera f’pajjiż bħal dan, ikun qed jagħmel dan b’ċertu riskju. Dan ir-riskju jerfgħu l-individwu li jkun qed joħroġ il-kapital biex jinvesti, għax jekk imur tajjeb ikun qed idaħħal il-profitti; imma hawnhekk intlaqtu diversi ħaddiema, u allura wieħed irid iżomm għajnejh miftuħa għal dawn in-nies ukoll.
Sur President, ħadt gost nisma’ lill-Prim Ministru jagħtina l-assigurazzjoni li ma teżisti l-ebda theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna, għalkemm ftit tal-ġranet wara qalilna – u naqbel miegħu – li ma nistgħu nieħdu xejn for granted. Hija ħaġa tajba – u nappella biex dan jibqa’ jseħħ – li f’pajjiżna jibqa’ jirrenja l-kunsens f’dik li hija politika barranija, u fil-konfront ta’ dawn is-sitwazzjonijiet nibqgħu magħqudin. Żgur li rridu nibqgħu magħqudin fil-konfront tat-terroriżmu, li jmur kontra kull valur li nħaddnu aħna l-Maltin u l-Għawdxin, l-aktar il-valur tal-ħajja. Għalhekk naqbel ukoll ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta wieġeb għall-istqarrija tal-Prim Ministru u qal li aħna bħala pajjiż irridu nieħdu l-inizjattiva, anke fil-Kunsill Ewropew, biex inżommu l-Mediterran fuq l-aġenda Ewropea. Irridu nżommu l-Mediterrran fuq l-aġenda ta’ ħafna fora oħrajn.
Aħna l-Membri Parlamentari qegħdin f’diversi fora. Jien, il-kollega tiegħi, l-Onor. Beppe Fenech Adami, u kollegi oħrajn min-naħa l-oħra, qegħdin fil-Kunsill tal-Ewropa u jkollna diversi okkażjonijiet sabiex niddiskutu dawn l-issues, u għandna naraw li nżommu l-Mediterran u s-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa fuq l-aġenda. Naturalment, minħabba li hemm ħafna pajjiżi min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa u min-naħa ċentrali tal-Ewropa, is-sitwazzjoni tal-Ukrajna u r-Russja tiddomina l-aġenda: imma, din is-sitwazzjoni fil-Mediterran għandna nżommuha fuq l-aġenda.
Hawnhekk nappella lill-Prim Ministru, kif ukoll lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex, kemm jista’ jkun, jieħdu inizjattivi f’dan ir-rigward, u naqbel li, jekk għandha tittieħed xi azzjoni fil-Libja, tajjeb li tittieħed min-naħa tal-Ġnus Magħquda; għalkemm naqbel ukoll – u forsi hawnhekk iż-żewġ naħat ma naqblux għal kollox fid-dettall – li m’għandniex niżolaw ruħna mill-bqija tal-membri tal-Unjoni Ewropea, għax jekk allaħares qatt ikollna bżonn l-għajnuna, ma nistgħux ippretendu li neħduha jekk aħna nibqgħu lura. Filwaqt li jien personalment nifhem il-kawtela fil-mod kif naġixxu, kif ukoll x’ngħidu u ma ngħidux minħabba li s-sitwazzjoni hija mimlija tensjoni, però rridu nkunu moħħna hemmhekk sabiex f’din is-sitwazzjoni nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli.
Issa se ngħaddi għal suġġett differenti li jmiss ma’ ... iżda qabel ma niġi għal dan, ma rridx ninsa nsemmi xi ħaġa marbuta mas-suġġett li għadni kemm semmejt, is-sigurtà nazzjonali, li huwa wkoll Ministeru ieħor. Din hija l-kwestjoni ta’ kemm aħna armati jew le f’dik li hija tħaris tas-sigurtà nazzjonali. Wieħed jifhem li aħna għandna riżorsi limitati; dan jafu kulħadd u din mhix xi ħaġa li wieħed jista’ jikkritika. Pereżempju, aħna li qegħdin fl-Oppożizzjoni nistgħu nikkritikaw ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu bħal, pereżempju, l-Armata. Però ta’ min jgħid li l-fatt li l-abbiltà tagħna li niddefendu ruħna forsi mhijiex daqstant kbira, tinkwieta xi ftit lin-nies. Allura ta’ min iserraħ moħħ in-nies li, għall-anqas, għandna diversi nies fl-armata, kif stqarrew anke f’rapport li rajt fuq ġurnal ewlieni. F’dan ir-rapport, diversi ex-commanders qalu li hemm ċerti abbiltajiet fl-Armata, kemm li aħna nikkontribwixxu f’interventi li jistgħu jsiru barra minn Malta u anke jekk ikun mil-lat loġisitku; però rridu ngħidu wkoll li s-sigurtà tagħna għandha tingħata prijorità, u jekk hemm bżonn li wieħed iħares lejn investiment akbar f’dan ir-rigward, dan għandu jsir.
Issa se nitkellem dwar suġġett li tkellimna ħafna dwaru f’dawn l-aħħar ġimgħat, u huwa marbut mal-qasam tal-kultura. Dan huwa proprju iċ-ċaqliq tas-Suq minn Triq il-Merkanti għal Triq l-Ordinanza. Ma xtaqtx li, filwaqt li qed nitkellmu fuq l-estimi tal-Ministeri kif qed jjiddaħlu permezz ta’ dan l-Att, ma nikkummentax ukoll fuq kif irnexxielna, proġett daqstant kbir, proġett li sar u għadu qed isir b’investiment massiv tal-poplu Malti, nirredikolawh bil-mod kif qed jirredikolah dan il-gvern minħabba li għandu ċerti obbligi man-nies li qed jipprova jaġevola. Maġenb il-monument ta’ Renzo Piano, issa jrid li jarma l-Monti, u hekk jirredikola l-proġett tal-Parlament, is-simbolu tad-demokrazija! Għalhekk, filwaqt li wieħed jifhem li l-Partit Laburista qatt ma ried dan il-proġett, però rridu nifhmu li dan il-proġett ħareġ il-flus għalih il-poplu Malti u Għawdxi, u l-ebda gvern, tela’ b’liema wegħdiet tela’, m’għandu d-dritt li jaqbad u jirredikolah, mingħajr ma nħarsu fit-tul.
X’se jiġri fl-2017 meta Malta se jkollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea? X’se jiġri meta fl-2018 il-Belt Valletta se tkun il-belt kapitali tal-kultura? Kemm qed inħarsu lejn il-pubbliċità negattiva li din tista’ tagħmlilna? X’qed jgħid iċ-Chairman tal-Kumitat li kellu l-inkarigu li jieħu ħsieb dan il-proġett? Ma smajna xejn minn fomm dan iċ-Chairman, filwaqt li smajna, pereżempju, minn fomm iċ-chairman tal-V18, is-Sur Jason Micallef. Però minn fomm Dr Zrinzo Azzopardi ma smajna xejn. Wieħed irid jifhem kif jaħsibha dan ir-raġel, li għandu r-responsabbiltà ta’ dan il-proġett, dwar kif dan il-proġett jista’ jiġi rredikolat mill-istess Gvern, li hu kien President tiegħu sa ftit tas-snin ilu.
Sur President, se nsemmi punt ieħor tal-aħħar. Għadni ma nistax nifhem l-iskużi li ilu jġib dan il-gvern biex joħroġ il-finanzi meħtieġa biex jagħmel rijabilitazzjoni tal-foss ta’ taħt il-Belt bl-istess mod li l-Gvern Nazzjonalista kien għamel fl-Imdina. Qal li, jekk jagħmlu hekk, ma jridx li jkun involut fih is-Sur Renzo Piano. Safejn naf jien, is-Sur Piano m’għandu l-ebda pesti, naħseb li kkontribwixxa biex il-belt kapitali ta’ pajjiżna jkollna daħla mill-isbaħ. Dan huwa proġett li se jiġbed u diġà qed jiġbed ħafna nies, anke jekk wieħed jara r-ritratti ta’ dan il-proġett li qed jiġu ppubblikati. Għalhekk nappella għal mod aħjar kif wieħed jitkellem dwar dan il-ġenju internazzjonali, dwar il-proġetti tiegħu u l-proġetti li ħallielna fid-daħla tal-Belt. Saħħa jridu jonxrulu l-ħwejjeġ ma’ dan il-monument li ħallielna hawnhekk, wieħed jistenna li ma jibqax jiġi rredikolat bil-mod kif qed jiġi rredikolat. Dan il-pajjiż jixraqlu aħjar. Nirringrazzjak.
Yüklə 170,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə