Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 170,67 Kb.
səhifə5/8
tarix28.07.2018
ölçüsü170,67 Kb.
#59303
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tlieta, 24 ta’ Frar 2015, fis-6.00 pm b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tal-Counselling – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta Miżuri tal-Estimi – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Kunsilli Lokali – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kunsill Malti għall-Arti – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Intrapriżi Żgħar – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili – Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal (Ħarsien Barra mid-Dar) – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji – Tieni Qari; u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Periti – Tieni Qari.
___________________

Abbozz ta’ Liġi dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi – Kumitat Permanenti;


Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana (Biex Titnaqqas l-Obeżità) – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi dwar Vittmi tal-Kriminalità – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet (Persuni b’Diżabilità) (Sħubija f’Diversi Entitajiet) – Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Rifuġjati – Kumitat Permanenti.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Antoine Borg.
ONOR. ANTOINE BORG: Sur President, li xxammar il-kmiem u taħdem huwa d-dover tagħna kollha kemm aħna f’din il-Kamra. Nirringrazzja lil dawk kollha li bil-paċenzja qegħdin jisimgħuna nagħmlu l-ħidma tagħna f’dan il-Parlament. Id-dover tagħna hu li nirrappreżentawhom bl-aħjar mod li nistgħu u dak li aħna nipprovaw nagħmlu. Ilni kelliem fuq it-Turiżmu għal ftit iżjed minn xahar u, kif inhu d-dover tagħna, minn żmien għal żmien naġġornaw lil xulxin fuq il-ħidma li aħna nkunu qed nagħmlu, u nqajmu l-punti dwar dak li jirriżultalna waqt l-iskrutinju tagħna tal-ħidma tal-Gvern, il-kwestjonijiet li jidhrilna li huma aktar relevanti, u dak li jqanqlilna tħassib dwar il-kwestjonijiet li nkunu qed insegwu.
Minn hawn u ftit ieħor, f’dan l-Aġġornament, se niffoka fuq il-kwestjonijiet li qegħdin jirriżultaw mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, li wħud minnhom iqajmu mistoqsijiet li jien għandi d-dover li nwassal f’din il-Kamra, u naħseb li jkun tajjeb li l-Ministru jindirizzahom. Però, fil-bidu ta’ dan l-Aġġornament, nixtieq niddedika minuta biex nirringrazzja lil dawk li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu ta’ għajnuna kbira għalija biex niffamiljarizza ruħi mas-settur, biex nifhem is-settur aħjar, u nibda nitgħallem dwar dan is-settur, li qatt ma tista’ tkun tafu biżżejjed. Allura rrid nirringrazzja lill-investituri, lill-operaturi, lill-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu, lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom l-ideat tagħhom dwar dan il-qasam, il-lokalitajiet tagħna, il-kunsilli lokali, in-negozjanti fil-lokalitajiet tagħna li, bl-esperjenza tagħhom, bil-veduti tagħhom, bl-istejjer tagħhom, bis-suċċessi tagħhom, u xi kultant anke bil-fallimenti tagħhom, bl-opportunitajiet li huma jaraw minn żmien għal żmien, flimkien mal-isfidi li huma jaħsbu għalihom, qed jiswew ta’ sors kbir ta’ tagħlim għalija u jgħinuni mhux ftit biex insegwi dan il-qasam bl-aħjar mod li nista’. Inwiegħed lil dawn il-persuni li fit-turiżmu l-Oppożizzjoni se tirreċiproka b’ħidma oġġettiva, se tindirizza l-kwestjonijiet veri ta’ din l-industrija, u li se tiġi lura wkoll bi proposti li jħarsu ’l quddiem lejn industrija aktar b’saħħitha mill-aspetti kollha fix-xhur u fis-snin li ġejjin.
Ta’ spiss nisimgħu dwar l-importanza tal-prodott turistiku, u hekk għandu jkun. Dan huwa wieħed mit-tliet pilastri ta’ industrija b’saħħitha, li flimkien mal-marketing u flimkien mal-aċċessibilità ta’ pajjiżna, nittamaw li jagħmlu lil pajjiżna fost l-aktar kompetittivi fid-dimensjonijiet tagħna. Kif għedt aktar kmieni, illum nixtieq li niffoka fuq l-aspett partikolari tal-prodott turistiku, dak li n-nies fit-turiżmu jsejħulu s-soft product, dak li ma mmissux b’idejna, l-aspett intanġibbli tal-prodott, tal-esperjenza turistika, l-ospitalità, is-servizz, it-tbissima tal-ħaddiema li jiġu f’kuntatt mat-turisti li jirrifletti fil-kwalità tal-prodott, li ma tirriżultax fil-postcards u ma titlax fil-forma ta’ ritratti fuq Facebook, iżda li t-turist jeħodha miegħu f’pajjiżu, jitkellem dwarha f’pajjiżu, jibqa’ jiftakar lil pajjiżna għaliha, u jikteb fuq Facebook u fuq siti elettroniċi oħajn li jistgħu jservu ta’ reklam tajjeb, daqskemm jistgħu jservu ta’ reklam ħażin għal pajjiżna, jekk ma noqogħdux attenti.
Irrid nirringrazzja u nsellem lil dawn il-kontributuri ewlenin tal-esperjenza turistika f’pajjiżna – li mhuma ħadd ħlief il-ħaddiema – għax huma l-aħjar reklam għal pajjiżna. Huma għandhom ir-responsabbiltà enormi fuq spallejhom kull darba li filgħodu, filgħaxija jew bil-lejl jippanċjaw biex jidħlu għax-xogħol. Huma l-iżjed aspett importanti tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna, l-imġieba tagħhom, l-ospitalità tagħhom, id-dedikazzjoni tagħhom hija second to none, u li tagħmilna tabilħaqq kburin meta nitkellmu dwar il-prodott turistiku ta’ pajjiżna. L-operaturi tat-turiżmu ifaħħruhom lill-ħaddiema, u jinkwetaw meta ma jsibux biżżejjed ħaddiema ta’ kwalità, biżżejjed ħaddiema li lesti li jaħdmu, biżżejjed ħaddiema li huma mħarrġa kif imiss biex iħaddmu l-operat tagħhom.

Sur President, ma mmorrux ’il bogħod biex naraw esperjenzi sbieħ u tajbin ta’ investituri f’oqsma partikolari, pereżempju, bħal fil-każ tal-avjazzjoni, it-teknoloġija u s-servizzi finanzjarji, fejn il-Gvern u min iħaddem ngħaqdu flimkien, they joined forces biex jaraw li l-istituzzjonijiet akkademiċi ta’ pajjiżna jippreparaw u jipproduċu l-aħjar riżorsi umani biex iservu lill-industrija u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-klijent, u allura wkoll ’il-ekonomija tagħna. Huwa hawnhekk fejn jidħol is-sehem fil-koperazzjoni diretta tal-gvern mal-operaturi. Flimkien, iridu jaħdmu biex isibu r-riżorsi umani u biex jiġi kkoltivat it-talent, jiġu mħarrġa l-ħaddiema biex ix-xogħol fil-qasam turistiku ma jibqax jissejjaħ impjieg fit-turiżmu, iżda karriera fit-turiżmu. Huwa hemm fejn irridu naslu. Din id-distinzjoni fina, iżda importanti, bejn ix-xogħol, impjieg fit-turiżmu u karriera fit-turiżmu, jiġifieri xi ħaġa li l-bniedem sa minn żgħożitu jidħol għaliha b’viżjoni għal karriera fit-tul. Iva, bil-konċett ta’ job mobility, bil-konċett li wieħed ibiddel għall-aħjar: imma, il-karriera, il-preżenza, il-viżjoni tal-preżenza tal-kontribut fit-turiżmu trid tkun waħda fit-tul. Allura rridu nippromwovu mhux impjiegi fit-turiżmu, imma karrieri fit-turiżmu. Mhux impjieg li wieħed jieħu sakemm isib xi ħaġa aħjar, jew sakemm isib linja li tagħmlu aktar komdu, imma karriera li tinvolvi dedikazzjoni, impenn u ownership għall-industrija. Jekk nagħmlu hekk, jekk inxettlu aktar din il-kultura, allura nistgħu nkunu aktar ċerti li se jkollna iżjed ħaddiema ddedikati, b’sens akbar ta’ ownership għall-industrija, b’viżjoni fit-tul, b’taħriġ kontinwu, u b’għarfien iżjed profond tal-industrija li jirrifletti s-servizz li nagħtu lit-turisti li jżuru pajjiżna.


Għaldaqstant, b’mod mill-aktar awtomatiku, jidħol l-Istitut għall-Istudju Turistiċi (ITS). Minn hawnhekk irrid insellem għal ftit sekondi – fil-Kamra sellimnielu proprju ftit tal-ġranet ilu, u pajjiżna sellimlu ftit ġimgħat ilu – lill-eks Ministru tat-Turiżmu, il-mibki Dr Michael Refalo, li kellu din il-viżjoni ta’ taħriġ għal studenti li jidħlu b’viżjoni ta’ karriera fit-turiżmu. Kien għalhekk li ħoloq l-ITS, li ġie wara vakum ta’ istituzzjoni edukattiva fil-qasam tat-turiżmu. Forsi qabel kien hemm xi ftit illappazzar biex wieħed iħarreġ lil min irid jidħol fit-turiżmu, iżda xejn ħdejn il-kwalità, l-istruttura u l-approċċ tal-ITS, il-viżjoni ta’ taħriġ bis-serjetà għall-istudenti fit-turiżmu. Irrid insellem ukoll lill-ħaddiema u ’l-amministrazzjoni tal-ITS li ħadmu sa mit-twaqqif, u qed jaħdmu issa biex jagħtu servizz lill-industrija u lill-istudenti. Insellem, fl-aħħar mill-aħħar, imma l-iżjed importanti, lill-istudenti nfushom, li għandhom il-kuraġġ, il-ħajra u l-vokazzjoni li jinvolvu ruħhom fil-qasam turistiku u li, fl-aqwa ta’ żgħożithom, jagħżlu li jidħlu l-ITS u jagħżlu linja li tista’ twassalhom għal din il-karriera fil-qasam tat-turiżmu. Irrid nagħmlilhom kuraġġ għal dak li huma ddeċidew li jagħmlu.
L-appell tiegħi lill-Gvern u lil min imexxi l-ITS huwa sabiex ma nħallux lil dan l-istitut nieqes mir-riżorsi għax meta nħallu lil dan l-istitut nieqes mir-riżorsi, inkunu qed inżommu nieqes lil dak l-istudent li jrid jistudja, li jrid jaħdem, li jrid javvanza, u nkunu qed inżommu nieqes lil min iħaddem, lill-investitur u lill-operatur li jfittex fl-industrija u fis-suq tax-xogħol ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu, u ma jsibhomx ippreparati u mħarrġa biżżejjed. Allura rridu li l-investiment fl-ITS isir bis-serjetà, u ma jkun hemm l-ebda forma ta’ mismanagement ta’ riżorsi, jew addirittura abbużi ta’ riżorsi fl-ITS.
Jien nitkellem ma’ studenti u ma’ persuni oħrajn fid-diversi ranks fl-industrija, kif ukoll fil-qasam edukattiv, li minn żmien għal żmien jgħarrfuna u jgħidulna x’inhuma l-kwestjonijiet li qed jiffaċċjaw. Sur President, irrid ngħid li f’dawn l-aħħar ġimgħat wasluli kummenti minn diversi persuni li nistqarr li meta smajthom, ħeġġiġt li naħsbu fihom b’kawtela, li nisimgħu, li nistennew, li nivverifikaw u nerġgħu nivverifikaw, għax xi wħud minnhom ma jawguraw tajjeb xejn għall-mod kif jitmexxa l-ITS, u għall-mod kif jitmexxew ir-riżorsi ta’ dan il-Gvern.
Wieħed mill-kummenti kien dwar Kunsilliera Laburista f’Tas-Sliema, li hija full-time Registrar fi skala 6 tal-gradi tal-Gvern. Fis-sajf li għadda, din il-persuna saret omm, u minn hawn nawguralha mill-qalb għal din l-avveniment sabiħ fil-familja. Huwa tajjeb li ngħid li din il-Kunsilliera Laburista suppost irritornat għax-xogħol wara li hija eżawriet il-leave tal-maternità tagħha fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar, iżda din il-persuna għadha ma rrapportatx għax-xogħol bħala Registrar fi skala 6. Meta waslitli l-informazzjoni, jien appellajt għall-kawtela, biex naraw u niċċekkjaw sew, għax ma tistax tgħid x’inhuma ċ-ċirkostanzi. Però, jirriżulta li din il-persuna dehret mhux darba u tnejn fil-media bħala Kunsilliera Laburista fil-ħidma tagħha fil-Kunsill Lokali. Jirriżulta wkoll li din il-persuna la tinsab fuq sick leave u lanqas fuq leave estiż wara l-leave tal-maternità. Din il-persuna tħallset ta’ full-time Registrar fi skala 6 minkejja li ma kenitx qiegħda tirrapporta għax-xogħol. Il-ġimgħa l-oħra – ma nafx jekk hux b’kumbinazzjoni – irrapportat għax-xogħol, u ħadmet sitt sigħat bħala part-time lecturer f’ġimgħa waħda partikolari ġewwa l-ITS. Mill-bqija, nowhere to be seen, u żgur mhux fl-iskala li hi taħdem fiha u li fiha kienet fuq il-leave tal-maternità. Huwa żgur ukoll li ma rritornatx meta kellha tirritorna għax-xogħol, u għadha ma rritornatx f’dan il-grad, però ħadet is-salarju tagħha – li joħroġ kull erba’ ġimgħat b’mod sħiħ daqslikieku rrapportat normali għax-xogħol. Il-Ministru jaf xi ħaġa dwar xi arranġament speċjali li għandha din il-Kunsilliera Laburista f’Tas-Sliema? Nistaqsi għadni jien. Għax tajjeb li nkunu nafu, l-ewwel nett, biex naraw li r-riżorsi jkunu mmexxija kif suppost; it-tieni, biex jintbagħat eżempju tajjeb tal-mod kif jitmexxew l-affarijiet; u t-tielet, biex l-istituzzjoni ma tkunx nieqsa mir-riżorsi li tant għandha bżonn.
Eżempju ieħor huwa dwar Kunsillier Laburista fil-Qala, Għawdex. Dan aqwa, għax jaħdem tliet sessjonijiet ta’ lectures fil-ġimgħa. Il-ġimgħa l-oħra staqsejt jekk kenux tnejn, imma ma kienx iċċarat. Imbagħad, kien iċċarat fil-media li jaħdem tliet sigħat għal seba’ studenti ġewwa Għawdex. Imbagħad, aktar tard qalilna li darba f’ġimgħa jinżel sa Malta; mill-bqija ma nafux x’jagħmel fil-ħin tiegħu ġewwa l-ITS. Qalilna x’ħin jidħol u x’ħin joħroġ, nafu li jgħallem seba’ studenti, tliet sessjonjiet fil-ġimgħa, mill-bqija ma nafu xejn aktar. Imbagħad, f’Malta l-kors tal-Advanced Diploma in Food Preparation huwa bla lecturers li għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex ikunu jistgħu jħarrġu f’dan il-kors. Dan il-kors beda fid-9 ta’ Frar, imma beda b’lecturers li essenzjalment għandhom l-istess kwalifiki li jwassal għalihom dan il-kors, u li għalih qed jitħarrġu l-istess studenti. Ma naħsibx li huwa tajjeb li qed nittrattaw ir-riżorsi li jridu jħaddmu l-ITS b’dan il-mod. Din mhix amministrazzjoni effettiva tar-riżorsi umani li għandu bżonn dan l-istitut.
Sur President, huwa sew li hemm nies tal-qalba, magħrufa li qegħdin igawdu b’dawn l-arranġamenti speċjali, a skapitu tal-mod ta’ kif jaħdem l-ITS? Ċertament li dan mhuwiex l-ispirtu li bih irridu nħarrġu lil dawk li jridu jagħmlu karriera mit-turiżmu. Pereżempju, s’issa għad hemm kwestjoni ta’ nuqqas ta’ riżorsi fil-librerija, u l-istudenti li jkunu jridu jużaw il-librerija tal-ITS ma jsibux l-għajnuna li għandhom bżonn biex jagħmlu dan. Biex inkun ġust, irrid ngħid li jien informat li fl-aħħar jiem ħarġet sejħa biex jimtlew il-pożizzjonijiet li kien hemm vakanti; però mhuwiex tajjeb li l-librerija tħalliet għal numru ta’ xhur mingħajr servizz effiċjenti u sħiħ.
L-istess mhuwiex tajjeb li l-kariga ta’ Finance Manager għadha ma mtlietx, u allura l-Ministru, il-Bord tat-Tmexxija, il-Bord ta’ Direzzjoni, hu min hu, inkluż dan il-Parlament, mhux f’pożizzjoni li jekk irid jara r-rendikont finanzjarju tal-ITS u jara l-mod ta’ kif qed jiġu mħaddma l-finanzi tal-ITS. Dawn huma dettalji importanti għax, biex aħna naraw kif qed jiġu mħaddma r-riżorsi, irridu naraw anke mill-aspett finanzjarju. Mhuwiex sew li l-organizzazzjoni tal-ITS qed tinżamm żlugata b’dawn it-tip ta’ postijiet vakanti li jkunu ilhom żmien biex jimtlew, u ma jkunx hemm sforz ġenwin biex jimtlew. Jien informat li xhur jew snin ilu kien ikkummissjonat rapport li kien għamlu s-Sur John Muscat Drago, li kien ikkummissjonat ukoll lil ditta ta’ awdituri partikolari, u dan l-organisational audit – jekk tista’ ssejjaħlu hekk – ma darx fl-istrutturi kollha tal-ITS, u hemm min għadu sajjem minn din l-informazzjoni.
Hawnhekk irrid nistaqsi għalfejn dan ir-rapport ma ġiex moqri sew, ma ġiex analizzat, ma ġiex iċċirkolat u ma ġiex użat għall-iskopijiet li bla dubju tqabbad biex isir għalihom. Dawn mhumiex affarijiet li jawguraw tajjeb; din mhijiex treġija u tmexxija effettiva tal-ITS. Jien informat li fl-aħħar ġimgħat, sfortunatament, studenta ġewwa l-ITS weġġgħet – miniex se ngħid f’liema kors qiegħda ħalli ma tkunx identifikata – u ttieħdet il-poliklinika minn żewġ ħaddiema tal-ITS, mingħajr ma ġew informati l-ġenituri jew il-persuni li jieħdu ħsiebha. Dan mhuwiex il-mod kif ir-riżorsi ta’ dan l-istitut għandhom jiġu amministrati u mmexxija fl-aħjar interess tal-istudenti.
Sur President, irrid ukoll nagħmel aċċenn għal kwestjoni oħra li l-ITS huwa magħruf għaliha. Qed nirreferi għall-mod kif iħarreġ lill-istudenti tiegħu barra minn pajjiżna. Nafu li f’ċerti korsijiet l-istudenti jintbagħtu għal dawn is-summer internships għall-esperjenza ta’ xogħol barra minn pajjiżna, f’postijiet turistiċi, f’negozji turistiċi u f’kumplessi turistiċi barra minn Malta. Din isservihom ta’ esperjenza tajba għax hemmhekk mhux biss jitgħallmu u anke jissodaw fil-karattru u l-personalità tagħhom, imma jassorbu prattiċi differenti tax-xogħol u jiġu Malta b’dawk il-prattiċi, li nittamaw li mhux biss isaħħu l-esperjenza tagħhom, imma anke l-industrija.
Irrid insellem u nawgura lil xi wħud minn dawn l-istudenti li naf li marru f’dawn il-ġranet, u oħrajn li sejrin dalwaqt f’postijiet barra minn Malta. Naf li tiġi segwita proċedura dwar l-għażla tal-postijiet fejn l-istudenti jistgħu jmorru. Kienu diversi dawk il-persuni li qanqlu mistoqsijiet dwar b’liema mod qed jintgħażlu l-postijiet fejn dawn l-istudenti qegħdin imorru. Jien nappella lill-Ministru għat-Turiżmu – li m’għandix dubju li għandu għal qalbu dan il-qasam u jrid jara li dan il-qasam jissaħħaħ – sabiex jidħol fiha u jara ftit b’liema mod qed jiġu magħżula l-postijiet fejn qed imorru l-istudenti. Jiena naħseb li jkun interessanti li nkunu nafu, u jkun tajjeb ukoll li l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam jara sew l-affarijiet kif inhuma.
Jien informat ukoll li ż-żmien meta dawn l-istudenti kienu jmorru għal dawn l-iskemi ta’ internships barra minn pajjiżna, kien ikun timed b’tali mod li dawn l-istudenti jiġu lura għall-ħabta ta’ Settembru, bidu ta’ Ottubru, biex imbagħad ikunu jistgħu jibdew sena skolastika ġdida fil-mixja tagħhom lejn karriera turistika. Din is-sena, għal xi raġuni jew oħra, se jkun hemm għadd ta’ studenti li se jiġu lura Malta lejn l-aħħar ta’ Ottubru, jew anke jmissu Novembru, bil-konsegwenza li se jitilfu ċ-ċans li jibdew sena skolastika oħra. Allura dan ifisser li minflok qed nagħtu esperjenza li tarrikkixxi lill-istudent għax tagħtih iċ-ċans li mbagħad jiġi lura u jkompli b’din il-mixja, qed nagħtu l-esperjenza lill-istudent b’mistoqsijiet dwar kif jintgħażlu l-postijiet fejn jintbagħtu l-istudenti u mbagħad jiġu lura mingħajr ċ-ċans li jkomplu għax ikollhom jistennew numru ta’ xhur biex ikunu jistgħu jkomplu bil-mixja tagħhom lejn din il-karriera. Qed ngħid dan mhux tant biex noqgħod nikkritika u nieqaf hemm, imma biex nappella lill-Gvern u lil min imexxi l-ITS, biex jaraw sew din il-kwestjoni u jaċċertaw li nieħdu l-aħjar minn din l-esperjenza.
Sur President, aħna dak li rridu, li meta operatur – u jalla jiftħu aktar, u jalla jkollna aktar kumplessi ta’ ikel, ta’ food preparation li jkunu jirrikjedu waiters, chefs, barmen, receptionists – idur lejn is-suq tax-xogħol biex ifittex riżorsi li huma mħarrġin biżżejjed, biex jagħtu servizz ta’ kwalita kif jeħtieġ li nagħtu lit-turist tagħna, jkun jikkorrispondi mal-mod ta’ kif aħna nirriklamaw lil dan il-pajjiż, mal-mod ta’ kif aħna nippożizzjonaw lil dan il-pajjiż, u mal-mod ta’ kif aħna ninvestu fil-kumplament tal-prodott li dan il-pajjiż jagħti bħala esperjenza turistika. Irid ikun prodott, servizz, ħaddiem li verament ikun qed jagħti servizz, mhux biss għax għandu l-karriera turistika u lill-pajjiżna għal qalbu, imma għax hu mħarreġ bl-aħjar mod.
Dawn l-eżempji li ġibt jinkwetawni ġenwinament għax jibgħatu messaġġ ħażin u jirriflettu l-mod żlugat – ngħid jien – ta’ kif huwa mmexxi l-ITS, u ta’ kif huma mħaddma r-riżorsi fl-ITS. Imbagħad mhux ta’ b’xejn li l-ġimgħa l-oħra rriżulta li f’Għawdex hemm seba’ studenti biss. Il-Ministru qalli li qed jipprovaw iżidu l-istudenti fl-ITS f’Għawdex. Trid tipprova billi turi lin-nies li this institute means business,u li min qed imexxi juri li he means business. U juri li he means business billi dawn il-kwestjonijiet li tkellimt dwarhom aktar kmieni, pereżempju, il-kwestjoni tal-kunsilliera Laburista f’Tas-Sliema u tal-lecturer li huwa kunsillier Laburista fil-Qala Għawdex, fost kwestjonijiet oħrajn, jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr, biex il-Gvern juri li verament irid imexxi bis-serjetà li huwa wiegħed li se jmexxi biha.
Sur President, mill-bqija aħna se nkomplu nagħmlu xogħolna bil-mistoqsijiet parlamentari, bil-laqgħat mal-istakeholders, biż-żjarat fuq postijiet li huma parti integrali mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna, u billi wara dan kollu naħsbu wkoll li nersqu ’l quddiem bi proposti konkreti, bi kritika li hija oġġettiva, b’analiżi li hija serja, li hija well-meaning, li finalment tkun immirata biss biex insaħħu l-prodott turistiku f’pajjiżna mill-aspetti kollha, u li nħarsu ’l quddiem b’riżultati inkoraġġanti għall-istakeholders kollha fil-qasam tat-turiżmu. Nirringrazzjak, Sur President, u l-lejl t-tajjeb.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tlieta, 24 ta’ Frar 2015, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif ikkomunikata mill-Ministru. Grazzi u l-lejl it-tajjeb lil kulħadd.
Fid-9.30 pm il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 170,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə