Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə1/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   10
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI


MALTA


DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI

(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru 279

It-Tnejn, 22 ta’ Ġunju, 2015

Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA


Prezz €2.50

IT-TNAX-IL PARLAMENT
Seduta Nru 279

It-Tnejn, 22 ta’ Ġunju, 2015

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fis-Sala tal-Parlament,

il-Belt Valletta, fis-6.01 p.m.

Talba

Seduta Nru 279
It-Tnejn, 22 ta’ Ġunju, 2015
WERREJ



MINUTI 5

DEĊIŻJONI TAS-SEDJA 5

MISTOQSIJIET LILL-ISPEAKER 8

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 9

TQEGĦID TA’ KARTI 13

KUMITATI PERMANENTI 15

PUNT IMQAJJEM MILL-ONOR. ĊENSU GALEA 15

MOZZJONIJIET 16

ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JEMENDA 16

L-ATT DWAR OPPORTUNITAJIET INDAQS (PERSUNI B’DIŻABILITÀ) 16

ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JIPPROVDI GĦALL-UŻU MILL-ĠDID 16

TAL-INFORMAZZJONI TAS-SETTUR PUBBLIKU GĦALL-ĦWEJJEĠ ANĊILLARI JEW KONSEGWENZJALI GĦAL DAN 16

RIŻOLUZZJONI DWAR EMENDI GĦALL-ISKEDA ANNESSA MAL-ATT DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ ARTIJIET TAL-GVERN (KAP. 268) 17

KUMITATI PERMANENTI 42

AĠĠORNAMENT 43

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 49



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 278 li saret fis-17 ta’ Ġunju, 2015 ġew ikkonfermati.


DEĊIŻJONI TAS-SEDJA



MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Se nagħti ruling dwar il-lingwaġġ parlamentari:
Is-Sedja qiegħda tagħmel referenza għall-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta 278 tal-Erbgħa, 17 ta’ Ġunju 2015, waqt li kienu qed isiru d-domandi supplimentari dwar il-mistoqsija parlamentari numru 16103 tal-Onor. Jason Azzopardi lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Carmelo Abela. Peress li l-Ministru Abela kien imsiefer fuq xogħol, il-mistoqsijiet kien qed iweġibhom is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
Wara li s-Sedja rriflettiet sew fuq l-imġiba xejn eżemplari li seħħet fis-seduta hawn fuq imsemmija, ħasset li għandha tagħti din id-direzzjoni sabiex il-Kamra tagħraf aktar tirregola ruħha skont ir-regoli u l-proċeduri diġà stabbiliti f’dak li jirrigwarda komportament li jmur kontra l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.
Irid jingħad li l-Parlament qiegħed biex iservi bħala lok fejn isiru dibattiti serji mir-rappreżentanti eletti mill-poplu Malti, fejn jiġi diskuss dak kollu li huwa fl-interess komuni u fl-interess tad-demokrazija. Għalhekk huwa importanti li f’dawn id-dibattiti jkun hemm imġiba serja mill-istess rappreżentanti li josservaw l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u l-proċeduri li ġew stabbiliti minn din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Ċertament dan ma jistax jingħad għal dak li seħħ tul diversi minuti waqt il-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa; ħin li huwa intenzjonat sabiex il-Parlament iżomm lill-Eżekuttiv to account u ħin fejn il-poplu jinżamm infurmat b’dan ix-xogħol tant importanti tal-Parlament. Qiegħed nirreferi għal dawk il-minuti fejn fil-Kamra kien hawn għajjat, storbju, insulti u anke disprezz lejn is-Sedja u lejn l-istess istituzzjoni, bil-konsegwenza li s-Sedja, kontra qalbha, kellha tissospendi s-seduta għal ftit ħin. Hawnhekk is-Sedja tixtieq tirrimarka li bħal donnu biċ-ċaqliqa mill-Palazz tal-Gran Mastru għall-Parlament il-ġdid, fejn is-seduti qed jiġu mxandra b’mod viżiv, uħud mill-parlamentari ħassew il-ħtieġa li t-temperatura jgħolluha l-ħin kollu, b’detriment għall-istess istituzzjoni fejn kull wieħed u waħda minna għandna r-responsabilità li nkunu ta’ eżempju lejn il-poplu tagħna.
Fl-isfond ta’ dak li ġara, is-Sedja tixtieq tagħmilha ċara li minn issa ‘l quddiem, jekk ikun hemm okkażjonijiet simili, se tkun kostretta li tapplika proċeduri li ilhom is-snin ma jintużaw imma li għadhom applikabbli taħt Taqsima IV – Ordni fil-Kamra, tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Hawnhekk se nikkwota l-Ordnijiet Permanenti 63 u 64 li jgħidu hekk:
63. (1) L-iSpeaker jew il-President jista’ jordna lil kull membru li l-imġiba tiegħu tkun ta’ diżordni kbir biex jirtira minnufih mill-Kamra għal matul il-bqija tas-seduta ta’ dik il-ġurnata; u l-Marixxall jew uffiċjal ieħor awtorizzat mill-iSpeaker għandu jaġixxi fuq dawk l-ordnijiet li jista’ jirċievi mill-iSpeaker jew mill-President skont dan l-ordni permanenti.
(2) Iżda jekk f’xi okkażjoni l-iSpeaker jew il-President jidhirlu li s-setgħat mogħtija skont dan l-ordni permanenti mhumiex biżżejjed dwar il-ħtija, huwa jista’, skont l-ordni permanenti, li jaħbat sew sew wara dan isemmi lil dak il-membru; jew jista’ jitlob lill-Kamra biex tiġġudika l-imġiba tiegħu. Qabel ma l-Kamra tiġġudika l-imġiba ta’ membru huwa jkun jista’ jitħalla jagħmel dikjarazzjoni qasira tar-raġunijiet li fuqhom jibbaża li jiskolpa ruħu.
(3) Il-Membri ordnati li jirtiraw skont dan l-ordni permanenti, jew li jkunu sospiżi mis-servizz tal-Kamra skont l-ordni permanenti li jaħbat sew sew wara dan, għandhom minnufih jirtiraw mir-reċinti tal-Kamra.
64. (1) Kull meta membru jkun ġie msemmi mill-iSpeaker jew mill-President minnufih wara li jkun wera disprezz lejn l-awtorità tal-iSpeaker jew tal-President jew abbuża mir-regoli tal-Kamra billi kontinwament u volontarjament ifixkel ix-xogħol tal-Kamra jew xort’oħra, f’dak il-każ, jekk il-ħtija tkun saret minn dak il-membru fil-Kamra, l-iSpeaker għandu minnufih iqiegħed għall-voti, wara li ssir mozzjoni, bla ebda emenda, aġġornament jew diskussjoni, “Illi dak il-membru (jiġi msemmi) jiġi sospiż mis-servizz tal-Kamra”; u jekk il-ħtija tkun saret f’Kumitat tal-Kamra kollha, il-President għandu jissospendi minnufih il-proċeduri tal-Kumitat u jirrapporta ċ-ċirkostanzi lill-Kamra; u l-iSpeaker għandu wara hekk iqiegħed għall-voti l-istess proposta wara li ssir mozzjoni, bla emenda, aġġornament jew diskussjoni, bħallikieku l-ħtija kienet saret fil-Kamra stess. Jekk xi membru jkun sospiż skont dan l-ordni, is-sospensjoni tiegħu l-ewwel darba tkun għal ġimgħa, it-tieni darba għal ġimagħtejn u t-tielet darba jew kull darb’oħra wara għal xahar.
(2) Iżda meta l-iSpeaker jirċievi mingħand il-membru hekk sospiż dikjarazzjoni bil-miktub u kif jixraq ta’ dispjaċir li titniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra, l-iSpeaker għandu jqegħedha quddiem il-Kamra u wara mozzjoni magħmula minnufih, iqiegħed għall-voti l-proposta għat-tneħħija tal-ordni tas-sospensjoni, bla emenda jew aġġornament, u wara dan, jekk il-proposta tiġi milqugħa, l-ordni għandu jitneħħa u l-membru ammess mill-ġdid; iżda dejjem li s-sospensjoni mis-servizz tal-Kamra ma teżentax lill-membru hekk sospiż milli jservi fuq xi kumitat permanenti jew kumitat magħżul li kien ġie maħtur biex fih iservi qabel is-sospensjoni tiegħu; iżda wkoll li mhux iżjed minn membru wieħed ma għandu jiġi msemmi fl-istess ħin, ħlief jekk diversi membri, preżenti flimkien, ikunu flimkien injoraw l-awtorità tal-iSpeaker jew tal-President.”
Għalkemm mhijiex ix-xewqa tas-Sedja li terġa’ tibda tapplika dawn il-provvedimenti wara tant snin, is-Sedja tħoss li m’għandhiex triq oħra ħlief li tirrikorri għall-miżuri kkontemplati f’dawn l-Ordnijiet Permanenti fil-konfront ta’ dawk il-Membri miż-żewġ naħat tal-Kamra li l-imġiba tagħhom tkun ta’ diżordni kbir.
Is-Sedja issa se tirreferi għal dak li qal l-Onor. Beppe Fenech Adami meta ġibed l-attenzjoni tas-Sedja għal dak li qal is-Segretarju Parlamentari Ian Borg b’referenza għall-kliem “ma norgażmax ruħi bl-ispekulazzjonijiet fil-mistoqsijiet tal-Onor. Azzopardi”. Filwaqt li s-Sedja tinnota li kważi b’mod immedjat is-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega li b’dak il-kliem ried ifisser “ma nentertejnjax il-mistoqsijiet spekulattivi u dak li pprova jinsinwa fil-mistoqsijiet tiegħu l-Onor. Azzopardi”, is-Sedja ħadet nota wkoll tal-fatt li s-Segretarju Parlamentari għamel apoloġija pubblika għal dak il-kumment fejn, kif irrapportat fil-Malta Independent online tat-18 ta’ Ġunju 2015, “he meant no offence or disrespect to anyone”.
Is-Sedja, filwaqt li mill-kummenti tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, tifhem li ċertament ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lill-Onor. Jason Azzopardi, tirrileva li l-kliem magħżul mhuwiex kliem li għandu jintuża fil-Parlament u għaldaqstant qiegħda tordna li dan l-istess kliem jinqata’ mit-traskrizzjoni uffiċjali tad-dibattitu tas-seduta 278 tas-17 ta’ Ġunju, 2015.
Għal kull buon fini, stante li l-Ordnijiet Permanenti jitkellmu b’mod ġeneriku dwar x’jikkostitwixxi “kliem offensiv jew mhux xieraq kontra l-karattru jew il-proċeduri tal-Kamra”, is-Sedja ħasset li kellha tagħmel riċerka dwar kif din il-materja tiġi ttrattata f’parlamenti oħra. F’paġna 619 tal-House of Commons Procedure and Practice (2nd Ed.) tal-Parlament Kanadiż insibu hekk:
In dealing with unparliamentary language, the Speaker takes into account the tone, manner and intention of the Member speaking; the person to whom the words at issue were directed; the degree of provocation; and, most importantly, whether or not the remarks created disorder in the Chamber.”
Irid jingħad li d-diżordni li minħabba fiha kellha tiġi sospiża s-Seduta ta’ nhar l-Erbgħa qamet minħabba l-battibekk li qam dwar każ partikolari li saret referenza għalih fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16103 rigwardanti uffiċjali tal-pulizija li ġew boarded out u mhux minħabba l-kliem li ntqal mis-Segretarju Parlamentari Borg. Minkejja dan, is-Sedja xorta tħoss li dan il-kliem għandu jiġi ċċensurat u għalhekk tat l-ordni li dan il-kliem jitħassar mit-traskrizzjoni uffiċjali.
Huwa ferm diffiċli li wieħed jasal għal lista komprensiva tal-kliem li jista’ jitqies li mhuwiex parlamentari. Dan joħroġ ukoll mis-sors ċitat hawn fuq, fejn fl-istess paġna jingħad:
Thus, language deemed unparliamentary one day may not necessarily be deemed unparliamentary the following day. The codification of unparliamentary language has proven impractical as it is the context in which words or phrases are used that the Chair must consider when deciding whether or not they should be withdrawn.”
Li d-diskrezzjoni dwar x’jista’ jikkostitwixxi kliem mhux parlamentari titħalla f’idejn is-Sedja jingħad ukoll f’artikolu intitolat “The 106 things you can’t say in Parliament” li deher fil-ħarġa ta’ rivista online Kanadiża iPolitics tal-14 ta’ Diċembru 2011, fejn jingħad hekk:
In the end, it is up to the Speaker to decide whether language used in the House is “temperate and worthy of the place in which it is spoken” so a word that is acceptable in one context may not be in another.”
F’dan is-sens, is-Sedja tinnota li l-kliem użat mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg, filwaqt li jista’ jkun aċċettabbli f’kampijiet oħra bħal dak mediku, ċertament li mhuwiex aċċettabli fil-kuntest li ntqal fih fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa. Din il-lista ta’ 106 kliem u frażijiet mitqiesa bħala kliem mhux parlamentari, kif ukoll lista ta’ 58 kelma u frażijiet meqjusa bħala parlamentari, ħarġet minn eżerċizzju li jidher li sar minn din ir-rivista wara li rat x’ġie deċiż f’rulings tas-Sedja tal-Parlament Kanadiż f’dan ir-rigward. Fost il-kliem li ġie deċiż li huma parlamentari nsemmi “dishonest” u “obscene”. Ċertament it-tifsir ta’ xi kliem Ingliż, meta maqlub għall-Malti, jista’ jkollu konnotazzjonijiet differenti.
Din id-direzzjoni s-Sedja qiegħda tagħtiha llum wara li eżaminat bir-reqqa r-recordings tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa peress li minħabba l-interruzzjonijiet li kienu għaddejjin fil-Kamra, ma kienx possibbli għas-Sedja li tifhem eżatt il-kliem li ntqal. Dan kif ukoll kontemplat f’paġna 618 tal-istess sors ċitat aktar ‘il fuq fejn jingħad hekk:
If the Speaker did not hear the word(s) in question, or if there is a dispute as to what words were actually used, the Chair may set the matter aside pending a review of the record and, if necessary, return to the House at a later time with a ruling.”
Dan hu dak li qed tagħmel is-Sedja llum u tappella sabiex il-komportament tal-Onor. Membri f’din il-Kamra jkun dejjem wieħed li jagħmel ġieħ lil din l-istituzzjoni u dejjem iġib rispett lill-poplu li eleġġihom, u dan fl-interess tad-demokrazija u ta’ din l-istess Kamra.
Se nagħlaq billi nagħmel referenza għal dak li jgħid l-Erskine May Parliamentary Practice (24 ed.) f’paġna 444:
Offensive expressions against the character and conduct of Parliament itself are not permitted, since not only are they a contempt, but they may also tend to degrade the legislature in the public estimation. Reference in debate to either House of Parliament must therefore be courteous.”

Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə