Dibattiti tal-kamra tad-deputati


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROFESSJONI TAX-XOGĦOL MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə3/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
1   2   3   4   5   6   7   8

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROFESSJONI TAX-XOGĦOL MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

YOUTH WORK PROFESSION BILL



THE DEPUTY SPEAKER: Nistieden lis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onor.Stefan Buontempo biex, jekk jogħġbu, iressaq it-Tieni Qari.
ONOR. STEFAN BUONTEMPO (Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport): Sur President, f’isem il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, nipproponi t-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jipprovdi dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ u biex jipprovdi għal ħwejjeġ konnessi magħha jew li huma anċillari għaliha”.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Stefan Buontempo.
ONOR. STEFAN BUONTEMPO: Sur President, nixtieq nibda biex l-ewwel nett nirringrazzja lil kull min ħadem fuq dan l-abbozz ta’ liġi biex illum, wara biss għaxar xhur ta’ Gvern Laburista, wasalna biex qegħdin fl-istadju tat-Tieni Qari. Dan l-Abbozz kien tressaq quddiem il-Parlament għall-Ewwel Qari fis-sena 2012. Il-youth workers kienu ilhom snin jistennew dan l-abbozz biex jiġi diskuss. Dan l-abbozz kien tressaq minn gvern tal-Partit Nazzjonalista wara 19-il sena li kien infetaħ l-Istitut tal-Istudji taż-Żgħażagħ fl-1993. Dan il-fatt juri n-nuqqas ta’ konsistenza fil-politika ta’ gvernijiet tal-Partit Nazzjonalista fejn l-ewwel jwaqqfu l-istitut u l-kors, li wara kollox huma inizjattivi tajbin, imma mbagħad ma jaħsbux fuq qafas li jirrikonoxxi l-professjoni ta’ dawn il-gradwati ġodda. Dawn il-gradwati tħallew 19-il sena mingħajr status ta’ professjoni.
Sur President, fl-2001 l-Assoċjazzjoni tal-Youth Workers għamlet hi stess Kodiċi ta’ Etika iżda dan il-Gvern, sa mill-bidu nett tal-ħatra tiegħi, ħdimna biex din il-ħolma ta’ ħafna gradwati ssir realtà. Ngħid ukoll li din mhux biss ħolma tal-gradwati, imma din hija liġi neċessarja għal pajjiżna. Nerġa’ ngħid li dak li ħaddieħor m’għamilx f’19-il sena aħna għamilnieh f’għaxar xhur. Fil-manifest elettorali li fuqu ġie elett dan il-Gvern wegħedna li se nsaħħu l-professjonijiet relattivament ġodda li se jservu ta’ pont bejn l-għajnuna li jagħti l-istat u l-komunità, fosthom il-youth workers u anke l-community workers fost oħrajn. Permezz ta’ dan l-abbozz se nkunu qed nirrikonoxxu l-ħidma li ssir mill-ħaddiema li ħafna jafuhom bħala youth workers, maż-żgħażagħ.
Wara li jgħaddi dan l-abbozz, il-youth workers se jingħatalhom warrant bħalma għandhom professjonjiet oħrajn. Naf li dan l-abbozz kien beda jiġi ppreparat fi żmien Gvern tal-Partit Nazzjonalista u, kif għedt qabel, dan kien tressaq għall-Ewwel Qari. Hawnhekk nerġa’ għal darb’oħra nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq dan l-abbozz fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Gvern tal-Partit Nazzjonalista u anke naturalment taħt din l-amministrazzjoni. Il-bżonn ta’ youth workers qiegħed jinħass aktar minn qatt qabel madwar id-dinja minħabba t-tibdiliet soċjali u kulturali u l-iżvilupp ekonomiku li dawn ġabu magħhom.
Meta nitkellmu fuq żgħażagħ inkunu qed nitkellmu fuq persuni bejn it-13-il sena u t-30 sena. F’pajjiżna tajjeb infakkru li madwar 28% tal-popolazzjoni jaqgħu f’din il-faxxa. Dan ifisser li qed nitkellmu fuq perjodu fil-ħajja tal-bniedem li hu l-aktar importanti, għax huwa proprju f’dan il-perjodu li l-karattru tal-bniedem ikompli jissawwar u jimmatura. Il-youth worker bl-istudji professjonali, bir-riċerka li jagħmel u bl-esperjenza li għandu fil-ħidma maż-żgħażagħ għandu l-kapaċità jitkellem bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ, jifhem il-kultura tagħhom u jimxi magħhom fit-triq tal-ħajja, iżda tajjeb nispjegaw u nagħtu eżempji. Domanda li toħroġ ċara hija: X’inhu l-youth work b’mod konkret?
Biex wieħed jifhem ir-rwol tal-youth worker, il-ħidma ta’ din il-professjoni, irrid nagħti xi eżempji. Pereżempju, wieħed jista’ jsemmi li meta ġenitur ikollu xi sitwazzjoni kemmxejn diffiċli jew delikata mat-tifel jew mat-tifla tagħhom, il-youth worker jista’ jservi ta’ pont biex iż-żagħżugħ isib kompromess bħal fl-imġiba u r-rispett lejn il-ġenituri u jħeġġeġ klima pożittiva fl-ambjent tad-dar. Eżempju ieħor, biex id-deputati u anke min qed isegwina fuq ir-radju jifhem, huwa x-xogħol li youth worker jagħmel fl-iskejjel. Iva, fl-iskejjel għandu jkun hemm youth workers u hemm youth workers li jgħinu liż-żgħażagħ fl-għażliet varji li minn ħin għall-ieħor ikollhom jagħmlu u fl-istess ħin jipprovdu linji gwida kif jistgħu jagħmlu dan. Eżempju ieħor huwa li l-youth workers jistgħu jinformaw u joħolqu ambjent għal diskussjonijiet varji, fosthom dwar orjentazzjoni sesswali u edukazzjoni sesswali. Jistgħu wkoll jiddiskutu l-vizzji, fost temi oħra, li m’hemmx għalfejn insemmihom kollha. Għandhom ukoll joħolqu opportunitajiet lill-istudent biex iwettqu proġetti fl-iskola, fil-komunità fejn jgħixu u anke proġetti fuq bażi Ewropea u internazzjonali.
Sur President, hawnhekk naħseb ikun opportun u f’waqtu li nħarsu lejn l-istorja tal-qasam tax-xogħol maż-żgħażagħ f’pajjiżna. Ix-xogħol maż-żgħażagħ f’pajjiżna jaf il-bidu tiegħu madwar il-Knisja Kattolika f’Malta u f’Għawdex, fejn il-Knisja għamlet u qed tkompli tagħmel xogħol siewi maż-żgħażagħ tagħna fejn numru ta’ qassisin, patrijiet u anke sorijiet, membri tal-Mużew u anke lajċi ħadmu biex lill-ġenerazzjoni ta’ qabilna ħolqulhom attività fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom u anke jkomplu jagħtuhom it-tagħlim informali. Iċ-ċentri taż-żgħażagħ huma eżempju ta’ dan. Ma nistax ma nsemmix iċ-ċentri taż-żgħażagħ fl-ibliet u fl-irħula ta’ pajjiżna li kienu u għadhom jilqgħu numru ta’ żgħażagħ li jiltaqgħu fil-ħin liberu tagħhom u jilagħbu xi logħob bħal table tennis u billiard. Jiena ċert li kull wieħed u waħda minna ffrekwenta dawn iċ-ċentri taż-żgħażagħ li nsibu fl-ibliet u fl-irħula tagħna.
Meta nitkellmu ma’ persuni li kienu jattendu, bħalma attendejna aħna, f’dawn iċ-ċentri taż-żgħażagħ, taqbadna nostalġija għax niftakru l-ħin li konna nqattgħu hemmhekk. Dawn iċ-ċentri sawru personalitajiet li llum jokkupaw pożizzjonijiet varji fis-soċjetà. Iż-żgħażagħ li attendew dawn iċ-ċentri - u jiena nippreżumi li kważi kull żagħżugħ u żagħżugħa f’dan il-pajjiż attenda jew qed jattendi f’dawn iċ-ċentri taż-żgħażagħ - tgħallmu mhux biss fuq ir-reliġjon u fuq il-valuri insara, imma wkoll ħiliet bħal dawk tat-tmexxija, komunikazzjoni u ħiliet oħra għal tul il-ħajja. Huwa tajjeb li f’isem is-soċjetà Maltija, f’isem dan il-Gvern, ngħid grazzi lil dawn il-persuni li b’impenn u b’sagrifiċċju personali ħadmu u qed jaħdmu maż-żgħażagħ tagħna.
Meta wieħed iħares lura jsib li l-ħidma maż-żgħażagħ kienet issir prinċipalment mill-Knisja. Ix-xogħol maż-żgħażagħ f’Malta għandu l-oriġini tiegħu f’attivitajiet tal-Knisja Kattolika, organizzazzjonijiet volontarji, korpi bħas-Soċjetà Duttrina Nisranija, l-Azzjoni Kattolika u s-Salesjani mwaqqfa f’Malta fil-bidu tas-seklu 20. Dawn kienu ffokkati biex jipprovdu ċentri li permezz tagħhom setgħu jilħqu liż-żgħażagħ u jżommuhom infurmati u jagħtuhom formazzjoni nisranija. Dawn l-għalliema kienu wkoll impenjati biex iħejju liż-żgħażagħ fir-relazzjoni tagħhom ma’ oħrajn u jsawru karattru Nisrani li wassal biex ikollna soċjetà li taf tħenn u tgħin lil dawk l-individwi li f’mument partikolari ta’ ħajjithom ikollhom bżonn l-għajnuna tan-nies ta’ madwarhom.
San Gorġ Preca kien jemmen bis-sħiħ li għalkemm il-poplu Malti kien iħaddan u jipprattika r-reliġjon nisranija, l-istess poplu għandu jkun mgħallem ħalli jifhem u jaħseb fuq it-twemmin nisrani. Kien proprju għalhekk li San Gorġ Preca waqqaf grupp ta’ rġiel u nisa lajċi biex jibdew jgħallmu l-katekiżmu fil-paroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex. Is-Salesjani, min-naħa l-oħra, waqqfu l-oratorju salesjan magħruf aħjar bħala s-Salesjani fl-1908 biex iwettqu attivitajiet li jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniedem u l-kristjaneżmu fost iż-żgħażagħ. L-Oratorju ta’ Don Bosco, kif kien magħruf, kien immirat biex jipprovdi mhux biss servizz tal-katekiżmu imma preżenza u parteċipazzjoni fil-ħajja taż-żgħażagħ.
Kellu l-għan li jipprovdi programm li ma kienx limitat biss għall-katekeżi iżda kien jinkludi x-xogħol edukattiv u pastorali. L-Oratorju fil-fatt kien ’il fuq minn mentalità parrokkjali bi prospetti missjunarji miftuħa għaż-żgħażagħ li kienu minn parroċċi differenti. Xi żmien wara, fl-1930, twaqqfet l-Azzjoni Kattolika bil-għan li jiffurmaw gruppi ta’ rġiel żgħażagħ u nisa fil-parroċċa fejn jipprattikaw il-katekeżi tagħhom billi jieħdu azzjoni fil-komunità u jagħmlu xogħol volontarju skont il-ħteġijiet tal-komunità partikolari. Il-kolonjaliżmu Ingliż f’pajjiżna ġab miegħu ċerti drawwiet u waħda minn dawn id-drawwiet wasslet għat-twaqqif ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-iScouts li applikat sabiex isir membru tal-moviment Ingliż fid-9 ta’ Novembru 1908.
L-ewwel scouts bdew tradizzjoni li l-membri tagħha jitħarrġu fit-tagħlim informali sabiex dawn il-membri jkunu żgħażagħ li jippromettu li jkunu jokkupaw role fis-soċjetà fejn ikunu jistgħu jmexxu lil sħabhom. L-iscouts f’dawn il-gżejjer taw sehemhom ukoll matul it-Tieni Gwerra Dinjija bejn 1940 u 1943. Hawnhekk insellem ukoll lill-iscouts u girl guides u lin-numru ta’ volontiera li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal u żgħażagħ għax dawn qed jgħaddu ħiliet importanti permezz ta’ organizzazzjoni ta’ attivitajiet varji, fosthom tisjir, management tal-flus, attivitajiet sportivi u kulturali, first aid courses, u anke ħiliet biex dawn it-tfal u żgħażagħ ikunu kapaċi jaffrontaw il-ħajja.
Huwa evidenti li f’dan il-pajjiż minn dejjem kienet teżisti kultura ta’ volontarjat. Dawn l-organizzazzjonijiet, speċjalment tal-Knisja, li għadhom jeżistu sal-lum ħadmu biex iżommu liż-żgħażagħ ‘il bogħod mill-vizzji li toffri l-ħajja, jippromwovu etika morali u jdaħħlu formazzjoni nisranija. Wara l-Konċilju Vatikan II, il-Knisja ħadet rwol soċjali ġdid bil-għan li jindirizza r-realtajiet soċjali ġodda li bdew jidħlu fis-soċjetà b’mod ġenerali. Fis-snin sebgħin u s-snin tmenin rajna l-ftuħ ta’ diversi ċentri taż-żgħażagħ immexxija minn kappillani jew arċiprieti u gruppi ta’ żgħażagħ immexxija mill-Azzjoni Kattolika. Dawn iċ-ċentri kienu immirati lejn formazzjoni Kattolika u wkoll post fejn iż-żgħażagħ setgħu jiltaqgħu kull filgħaxija ħalli jitkellmu flimkien, jaqsmu l-esperjenzi u l-problemi tal-ħajja, jilagħbu xi logħba kif għedt qabel, xi table tennis, billiard jew subutteo filwaqt li fl-istess ħin ikollhom laqgħa kull ġimgħa dwar materji differenti jew laqgħa reliġjuża organizzata minn xi saċerdot.
Dawn iċ-ċentri kienu komplementati minn irtir residenzjali fejn iż-żgħażagħ iqattgħu diversi ħin flimkien. Ix-xogħol djoċesan maż-żgħażagħ ġie introdott mill-Arċisqof Gużeppi Mercieca fejn kien ħatar kordinatur biex jgħin lill-parroċċi u lill-gruppi taż-żgħażagħ, speċjalment fejn dawn ma kenux jeżistu, biex iħarrġu volontiera lokali, jorganizzaw avvenimenti bħal Festa Żgħażagħ u jressqu aktar lejn xulxin id-diversi parroċċi mxerrda madwar Malta u Għawdex. Jien ikolli ta’ spiss opportunitajiet inżur ħafna minn dawn l-għaqdiet u nara li min jattendi fihom jagħmel dan b’ċertu entużjażmu. Naf li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ jorganizzaw live-ins, serati filantropiċi u bosta attivitajiet oħra li l-karattru żagħżugħ huwa tant kreattiv għalihom. Ma nistax ma nsemmix lill-Azzjoni Kattolika li wkoll twaqqfet snin kbar ilu fl-1930. Din ħadmet qatigħ biex ixxerred it-tagħlim Kattoliku anke fost l-adulti permezz ta’ attivitajiet reliġjużi u attivijiet soċjali oħra. Din l-għaqda ħadmet biex kulħadd jaħdem fuq azzjoni konkreta u valuri nsara fil-ħajja tiegħu.
Sur President, movimenti lajċi ġodda bdew jaħdmu fuq bażi lokali u nazzjonali maż-żgħażagħ u l-Knisja kienet l-organizzazzjoni ewlenija li ppromwoviet ħidma maż-żgħażagħ. Allura nistħajjilkom tistaqsuni: Fejn kien l-Istat fil-ħidma maż-żgħażagħ? Fir-realtà fil-passat l-Istat ma tantx kien involut f’din il-ħidma diretta. Is-snin ħamsin u sittin kienu kkaratterizzati mill-emigrazzjoni qawwija fejn eluf ta’ żgħażagħ kellhom iħallu Malta biex isibu xogħol barra minn xtutna. Permezz ta’ hekk kellna mijiet ta’ familji li spiċċaw jinfirdu minn uliedhom, uħud minnhom jerġgħu jingħaqdu wara ħafna snin. L-emigrazzjoni kienet meqjusa bħala safety valve tal-pajjiż.
Fil-fatt, skont statistika mill-Uffiċċju tal-Emigrazzjoni, pajjiżna tilef mal-100,000 ruħ bejn l-1948 u l-1975. Fis-sittinijiet, Sur President, kien hawn skema f’Malta li tħeġġeġ lix-xebbiet jitilqu l-Awstralja biex jiżżewġu ġuvintur Maltin. Kien hemm 279 tfajla Maltija li telqu lejn l-Awstralja permezz tas-single women’s migrant scheme. Skont il-ktieb “The Safety Valve” il-biċċa l-kbira tal-emigranti tfajliet Maltin li emigraw lejn l-Awstralja kienu għadhom żgħar. Immaġina, Sur President, tfajla ta’ 20 jew 23 sena tħalli dak kollu li kellha warajha. Dawn kienu nisa li telqu mill-gżira tagħna li wisq probabbli kienu jgħixu viċin ta’ ommhom f’komunità żgħira fejn kulħadd kien jaf lil kulħadd.
Jien ngħid l-istorja għaliex huwa mportanti li naraw l-istorja ta’ pajjiżna u għaliex importanti li ngħiduha meta nitkellmu dwar dan l-Abbozz. Kull storja ta’ emigrazzjoni hija unika. Dawn it-tfajliet kienu determinati u riedu jieħdu l-ġejjieni tagħhom f’idejhom. It-tfajliet Maltin dejjem kienu b’saħħithom, jifilħu għall-għawġ, huma nisa ta’ ħila u bieżla li qatt ma beżgħu jiffaċċjaw il-ħajja u jrabbu familji kbar ħafna. Anke nafu b’familji fejn ir-raġel jaħdem l-Awstralja u l-mara tibqa’ Malta trabbi lill-ulied. F’dawk is-snin it-tfajliet ma kenux mħeġġa biex ikomplu t-tagħlim edukattiv, wisq anqas jiġu mħajra li jkomplu l-istudji tagħhom biex jidħlu l-Università. Dak kien dominju tal-irġiel.
Sur President, din kienet is-sitwazzjoni li sab il-Gvern Laburista meta tela’ fil-gvern fl-1971 taħt il-Perit Mintoff. Malta rat titjib u saret rivoluzzjoni biex jiżdied ix-xogħol u ġew introdotti servizzi li poġġew il-pedamenti biex jitkisser iċ-ċirku tal-faqar f’pajjiżna. Il-bini tal-housing estates huwa monument ta’ dan kollu. Il-familji, speċjalment familji żgħażagħ, ingħataw l-opportunità li jkollhom darhom. Wieħed biex jibni u jkollu saqaf fuq rasu kienet qisha ħolma li ma tistax issir realtà, imma f’dawk iż-żmenijiet il-Gvern Laburista lil dawn in-nies kien għenhom biex ikollhom appartament fejn wieħed jista’ jgħix u jagħmel familja, li jkollhom dan is-saqaf adegwat u jgħix kif wieħed jixtieq. Kien hemm familji li ma kellhomx xogħol imma f’dawk iż-żminijiet instabu x-xogħlijiet biex jaħdem kulħadd.
Dan wassal biex ulied dawn il-familji li bbenefikaw minn skemi ta’ housing bdew ikollhom l-opportunità li jkomplu l-istudji tagħhom u llum dawn l-istess individwi qed jokkupaw pożizzjonijiet għolja u ta’ importanza fis-soċjetà. Meta l-Gvern ipprovda saqaf diċenti lil dawn il-familji dawn setgħu jħallsu għall-edukazzjoni ta’ uliedhom. Qabel, ħafna ma kinux jaffordjaw iħallsu u jixtru post u lanqas setgħu jieħdu xi self mill-bank. Tajjeb infakkar ukoll li f’dan iż-żmien il-Partit Laburista niżżel l-età tal-vot għal 18-il sena. Din il-miżura l-istess Gvern Laburista issa qed jestendiha għal żgħażagħ iżgħar għax fejn jidħlu elezzjonijiet għall-kunsilli lokali l-età se tinżel għal 16-il sena. Hawnhekk nistgħu naraw kemm verament dan il-Gvern, kif għamlu gvernijiet Laburisti fil-passat, jemmen fil-potenzjal taż-żgħażagħ u fir-rwol li dawn għandu jkollhom fis-soċjetà tagħna.
Sur President, ma nistax ma nsemmix l-iskejjel b’xejn għal kulħadd, irrispettivament it-tfal min huma, il-ġenituri tagħhom min huma u s-saħħa finanzjarja x’inhi. L-edukazzjoni b’xejn hija pilastru tal-Partit Laburista li minkejja l-oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-Oppożizzjoni xorta daħlet fis-seħħ. Fejn tidħol formazzjoni informali taż-żgħażagħ fil-bidu tas-snin tmenin bdiet tinbidel il-mentalità u l-Istat beda jinvolvi ruħu b’mod dirett u b’hekk twaqqfet sezzjoni msejħa Youth Services Organisation fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Din bdiet torganizza skambji ta’ żgħażagħ bejn Malta u xi pajjiżi qrib biex tiġi nkoraġġita l-mobilità ta’ żgħażagħ biex iż-żgħażagħ tagħna jiskopru kulturi oħra. X’riedu ż-żgħażagħ tagħna?
Mal-mixja tas-snin bdejna naraw bidla radikali fil-mod kif il-poplu jħares lejn il-valuri u l-materjalizmu li beda jrabbi l-għeruq fis-soċjetà tagħna. It-tkabbir ekonomiku ġab bidla fil-ħsieb taż-żgħażagħ, u dawn bdew jattendu f’organizzazzjonijiet minħabba s-servizzi offruti aktar milli minħabba l-ideat tal-grupp. Fl-istess ħin, il-ftuħ tal-postijiet tad-divertiment, il-bidla fil-valuri, il-kultura materjalista u ż-żieda fit-turiżmu bdew ibiegħdu liż-żgħażagħ milli jattendu ċentri taż-żgħażagħ u servizzi oħra mmirati lejn iż-żgħażagħ offruti mill-Knisja. Is-servizzi offruti mill-Knisja u ċ-ċentri taż-żgħażagħ mill-parroċċi ma baqgħux aktar attraenti kif spjegajt qabel. Dan il-moviment soċjali wassal biex jitwaqqfu numru ta’ għaqdiet immexxija miż-żagħżagħ li bdew ikopru aspetti soċjali oħra, bħall-moviment tal-paċi u tal-politiċi ambjentali.
Fil-bidu tas-snin tmenin twaqqfet il-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ. Madankollu din il-federazzjoni ma damitx topera minħabba nuqqas ta’ qbil bejn ħafna mill-organizzazjonijiet li kienet tħaddan fiha. Wara l-għeluq ta’ din l-organizazzjoni taż-żagħazagħ, is-segretarju parlamentari għaz-żgħażagħ u l-kultura ta’ dak iż-żmien waqqaf forum li fih iż-żgħażagħ setgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kif jixtiequ jwaqqfu l-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ. Bħala l-ewwel inizjattiva saret konferenza nazzjonali fejn ħafna proposti ġew miġjuba ’l quddiem. Ir-riżultat ta’ din il-konferenza nazzjonali kien it-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Kien biss fl-1992 li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ġie ddikjarat bħala organu nazzjonali għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ adotta statut tiegħu, b’hekk kiseb awtonomija mill-Gvern u stabbiliejna numru ta’ kumitati li ddiskutew u ħadmu fuq numru ta’ suġġetti, fosthom ir-relazzjonijiet internazzjonali, attivitajiet soċjali, edukazzjoni u l-impjiegi. Dan il-kunsill għadu jiffunzjona sal-lum u l-għan tiegħu huwa li jservi bħala forum taż-żgħażagħ u l-għaqdiet tagħhom.
Tajjeb li tkun taf, Sur President, li l-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ jirrappreżenta l-għaqdiet taż-Żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha. Dan jaħdem fl-interess tal-ħteġijiet taż-żgħażagħ, irrispettivament jekk dawn iż-żgħażagħ humiex affiljati ma’ xi għaqda jew le. Dan il-kunsill iwassal b’mod effettiv leħen iż-żgħażagħ Maltin f’fora nazzjonali u internazzjonali. Dan il-kunsill isegwi, jevalwa, isemma’ leħen iż-żgħażagħ fuq problemi soċjali u temi oħrajn li jaffettwaw liż-żgħażagħ permezz ta’ diversi attivitajiet, bħalma huma kampanji edukattivi kif ukoll pubblikazzjonijiet.
Sur President, ix-xogħol professjonali maż-żagħażagħ mil-lat akkademiku jaf il-bidu tiegħu fl-1992, meta l-Università aċċettat it-talba tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr Ugo Mifsud Bonnici, biex tistabbilixxi l-istitut għall-istudji taż-żgħażagħ u biex tibda tagħti t-taħriġ lil dawk li xtaqu jsiru professjonisti f’dan il-qasam. Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Istudji tal-Komunità fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni nidiet it-taħriġ għaż-żgħażagħ u ħaddiema komunitarji. Għal bosta snin il-pubbliku ġenerali beda jħawwad il-“ħaddiem żgħażugħ” ma’ “ħaddiem maż-żagħżagħ”. L-ewwel grupp ta’ studenti li ggradwaw bħala youth workers waqqfu l-Assoċjazzjoni Maltija Ħaddiema Żgħażagħ (MAY) fl-1988 u aktar tard fl-2001. Din l-Assoċjazzjoni nidiet il-Kodiċi ta’ Etika fil-laqgħa ġenerali annwali tagħha.
Il-MAY applikaw għar-rikonoxximent professjonali mill-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, liema pass kien ifisser li l-ħaddiema żgħażagħ setgħu jkunu rappreżentanti fil-konsultazzjonijiet mal-Gvern flimkien ma’ professjonisti oħra fl-iżvilupp ta’ diversi oqsma ta’ rilevanza għax-xogħol tagħhom. Hija ħadet ukoll ir-responsabbiltà li tagħmel kampanja għall-finanzjament mill-Istat biex dan ix-xogħol li l-membri tagħha jagħmlu jkun meqjus bħala xogħol professjonali. Dan kollu sarraf biex il-Gvern jiżviluppa numru ta’ youth empowerment centres fil-kunsilli lokali u ċentru ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ. Ta’ min jinnota li s-Sinodu Djoċesan li ntemm fl-2003 ppubblika dokument għaż-żgħażagħ li enfasizza l-importanza tal-ħaddiema professjonali li ħadmu maż-żgħażagħ. Bħala riżultat, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ bdiet ukoll taħriġ professjonali għall-volontiera li jaħdmu maż-żgħażagħ taħt il-kappa tal-Knisja.
Wieħed irid isemmi l-iżvilupp tal-personalità u t-taqlib emozzjonali u psikoloġiku li jgħaddu minnu ż-żgħażagħ meta minn ħajja dipendenti fuq il-familja tagħhom jgħaddu għal ħajja indipendenti li twassal għal sfidi kif ukoll opportunitajiet għalihom. Iż-żagħżagħ jeħtieġu opportunitajiet għat-tagħlim lil hinn mill-klassi tal-iskola biex jitgħallmu aktar dwarhom infushom, il-kultura tagħhom, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. F’dan il-mument kruċjali għal ħajjithom, iż-żgħażagħ għandhom bżonn li jkun hemm dawk il-persuni mħarrġa biex ikunu jistgħu jgħinuhom f’mumenti ta’ kriżi u inċertezza.
Sur President, studenti gradwati fix-xogħol maż-żgħażagħ qed jinvolvu ruħhom f’xogħol volontarju u qed jimbarkaw fuq proġetti permezz tal-programm youth in action, iżda mingħajr status professjonali sal-lum. Id-definizzjoni tal-ħaddiema tax-xogħol maż-żgħażagħ hija dik ta’ empowerment taż-żgħażagħ. Dan l-empowerment, jiġifieri nsaħħu liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja, qed isir f’diversi forom ta’ inizjattivi. Jien stess f’Novembru ħabbart skema A4U Żgħażagħ li permezz tagħha żgħażagħ ikunu jistgħu jtejbu l-ambjent fejn jiltaqgħu jew iressqu proġett li permezz tiegħu jkunu jistgħu jattiraw aktar żgħażagħ lejn l-għaqda tagħhom.
Skema oħra li se tiġi mnedija dan ix-xahar se tgħin biex iż-żgħażagħ ikunu ċittadini attivi fil-komunità u fis-soċjetà. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema, Sur President, hu li tkompli tgħin lill-gruppi taż-żagħżagħ jitgħallmu jiżviluppaw, jippjanaw, jimplimentaw kif ukoll jevalwaw inizjattivi immirati kemm għall-gruppi tagħhom kif ukoll għall-komunità u s-soċjetà. Is-sapport jingħata tul l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi, madanakollu inizjattiva trid tiġi maħsuba u żviluppata mill-gruppi nfushom. Għal dan l-għan, l-Aġenzija Żgħażagħ qed tagħmel sejħa lill-gruppi biex jissottomettu l-ideat tagħhom dwar inizjattivi u temi rilevanti għall-iżvilupp ta’ gruppi tagħhom.
Sur President, iż-żmenijiet jinbidlu u min jipprova jibqa’ jżomm mal-istorja mingħajr ma jaċċetta l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fis-soċjetà jispiċċa biex isir parti mill-istorja għaliex id-dinja tkompli għaddejja. Qatt daqs illum ma kien hemm impenn daqshekk ċar għall-professjoni regolata ta’ ħaddiema maż-żgħażagħ. Il-Gvern għaraf il-pilastru ewlieni tas-soċjetà tagħna li hija l-edukazzjoni, u flimkien mal-edukazzjoni formali u dik informali nistgħu nserrħu rasna li b’dan li qed nagħmlu ż-żgħażagħ tagħna jistgħu jiżviluppaw b’mod ħolistiku.
Ix-xogħol maż-żgħażagħ jiffoka fuq perjodu partikolari fil-ħajja tal-bniedem, meta dan ikun qed jiżviluppa fl-għarfien tiegħu, li jfittex it-tweġibiet u jesplora twemmin, valuri u l-għażliet għal ħajtu. Bħala Gvern huwa dmiru, u huwa d-dover tiegħi li nara li nagħtu l-opportunitajiet lil kull żagħżugħ u żagħżugħa biex jirnexxu u jintegraw fis-soċjetà. Fil-fatt il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda programm għal madwar 350 student li ma applikawx biex jagħmlu l-“O” levels. Dan il-programm se jinkludi fih taħriġ kemm vokazzjonali kif ukoll akkademiku.
Huwa nkwetanti, kif semma ftit taż-żmien ilu wkoll l-kollega tiegħi l-Ministru Evarist Bartolo, li l-parteċipazzjoni tal-barranin fis-suq tax-xogħol f’Malta żdiedet minn 1.8% fl-2004 għal 7.8% fl-2012. Huwa wkoll ta’ tħassib li nofs ix-xogħol li nħoloq fl-għaxar xhur ta’ din il-leġiżlatura marru għand il-barranin. Dan juri li min iħaddem mhux dejjem qed isib ħaddiema Maltin imħarrġa biżżejjed fix-xogħol li jkun hemm bżonn jew li l-Maltin m’għadhomx iridu jagħmlu ċertu tip ta’ xogħol. Jeħtieġ ukoll nindirizzaw il-problema tal-mismatch li għandna, fejn mhux qed jinstabu ħaddiema biżżejjed għal ċerti vacancies ta’ ċertu livell. Dan hu fenomenu li qed tesperjenza l-Ewropa wkoll.
Jeħtieġ li nkomplu nsostnu l-Employment Aid Programme fil-perjodu ta’ fondi li jmiss. Dan il-programm kien qed jassisti biex dawk il-persuni li għandhom xi forma ta’ żvantaġġ ikunu f’pożizzjoni jsibu xogħol, fosthom dawk iż-żgħażagħ li jkunu spiċċaw l-edukazzjoni tagħhom sentejn qabel u ma sabux xogħol. L-investiment fl-unika riżorsa ta’ pajjiżna, r-riżorsa umana, huwa bżonjuż aktar minn qatt qabel. Programm bħat-Training Aid Framework fejn kumpaniji jiġu assistiti jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom huwa dejjem importanti. Dan ukoll jgħin biex il-kumpaniji tagħna jkunu minn ta’ quddiem nett u l-Gvern se jkun qed jaħdem biex jindirizza din il-problema fuq diversi fronti.

Aħna qed naħdmu biex noħolqu inċentivi u biex iż-żgħażagħ tagħna jgħixu f’ambjent san u jkollhom opportunitajiet fejn ikunu jistgħu jkunu kreattivi u jiżviluppaw it-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom. Biss aħna konxji li bħal ħafna individwi oħra fil-kumplament tas-soċjetà, iż-żgħażagħ jistgħu fil-ħajja tagħhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet li ma jkunux pjaċevoli. Il-ħajja taf titfa’ pressjoni fuq iż-żgħażagħ u dawn iridu jkunu kapaċi jegħlbu l-ostakli kollha li l-ħajja tista’ toffri. Hemm żgħażagħ li jkunu kapaċi jegħlbu dawn l-isfidi waħedhom jew b’xi għajnuna mill-familjari jew ħbieb, imma ta’ min jgħid li mhux kulħadd għandu din il-kapaċità. Hemm żgħażagħ li għal raġuni jew oħra jsibuha diffiċli biex jiffaċċjaw ċerta sitwazzjoni, u sabiex ikomplu jimxu ‘l quddiem ikollhom bżonn għajnuna minn persuni speċjalizzati. Il-Gvern qed jara li dawn il-ħaddiema maż-żgħażagħ fis-servizz li se jagħtu se jilħqu liż-żgħażagħ kollha li jkollhom bżonn xi tip ta’ għajnuna.


Sur President, id-dmir ta’ politiku fis-soċjetà demokratika hu li jissalvagwardja d-drittijiet u d-dinjità ta’ kull persuna. Xogħolna hu li nwaqqgħu l-ħitan tal-preġudizzji, li nwaqqgħu l-ħitan li jostakolaw l-aċċess għad-drittijiet tal-minoranza, hi x’inhi l-minoranza. Għalhekk il-Gvern huwa kommess li jsostni kif ukoll jestendi l-ħidma maż-żagħżagħ, u għal dan il-għan komplejna u se nkomplu nniedu numru ta’ servizzi ġodda ma’ dawk is-servizzi u l-faċilitajiet li kienu jeżistu. Tul il-leġiżlatura se naraw li ndaħħlu sens ta’ kreattività, innovazzjoni, inizjattiva u kultura. Iż-żgħażagħ iridu li jkunu nkoraġġiti biex jaħsbu b’mod innovattiv. Dan huwa ferm importanti għaliex b’hekk it-talent żagħżugħ se jkun irrikonoxxut.
Iż-żgħażagħ għandhom sfidi kbar quddiemhom. Il-Gvern għandu l-obbligu li jassisti liż-żgħażagħ u joħloq ambjent fejn dawn jistgħu jimirħu u jkabbru t-talenti tagħhom. Nifhmu u nagħdru liż-żgħażagħ tagħna li għandhom sfidi li jinbidlu kull ħin u kull mument. Huma għandhom sfida biex jegħlbu l-peer pressures, sfida biex ma jaqgħux fil-vizzji tax-xorb jew tad-droga, sfida biex jibdew il-karriera tax-xogħol tagħhom, sfida biex iwaqqfu familja u biex ikomplu l-istudju. Iżda aħna għandna fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna. Nemmnu li ż-żgħażagħ tagħna kapaċi jegħlbu dawn l-isfidi u rridu ngħidu liż-żgħażagħ li huma se jsibu ’l-Gvern warajhom, Gvern li lest li jassisti - u se ngħinu - liż-żgħażagħ tagħna biex b’hekk ikollna soċjetà b’saħħitha.
Pereżempju, il-garanzija għaż-żgħażagħ hija miżura li se ssaħħaħ il-pedamenti biex iż-żgħażagħ jirnexxu fil-qasam tax-xogħol diċenti. Il-Gvern jemmen li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-aqwa edukazzjoni u għax-xogħol li jagħti sens ta’ sodisfazzjon u dinjità. Għalhekk qed naħdmu biex kull tifel, kull tifla, kull żagħżugħ, kull żagħżugħa, huma min huma, huma minn fejn huma, ikollhom id-dritt tal-edukazzjoni. Naqblu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-mobilità soċjali biex titwettaq il-ħolma ta’ kull omm, ta’ kull missier li uliedhom ikunu aħjar minnhom. Il-garanzija għaż-żgħażagħ hija parti essenzjali mill-istrateġija tagħna fil-ġlieda dejjiema kontra l-faqar, kontra l-prekarjat, kontra l-qgħad u kontra l-kriminalità u l-isfruttament taż-żgħażagħ. Il-Gvern tal-Partit Laburista huwa favur l-edukazzjoni u x-xogħol, favur il-kompetittività, favur l-inklużjoni soċjali, favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u favur il-familja.
Tajjeb ukoll insemmi l-eżenzjoni tat-taxxa fuq l-ewwel €150,000 fuq ix-xiri tal-ewwel residenza. Din hija miżura li qed tgħin lil ħafna żgħażagħ. Lil dawn qed nagħtuhom nifs akbar ħalli jkunu jistgħu jibdew ħajjithom u jitnaqqsulhom il-piżijiet u l-pressjonijiet li dawn għandhom. Ma nistax ma nsemmix ukoll miżura oħra li ħadna f’dan il-Baġit fejn se noħolqu sinerġija bejn l-isport u l-qari. Din se tkun inizjattiva li se tibni fuq il-popolarità tal-isportivi Maltin biex dawn iħeġġu lit-tfal u liż-żgħażagħ jersqu aktar lejn il-qari. Irrid insemmi wkoll l-istrateġija nazzjonali tal-qari li qed titmexxa mill-kollega tiegħi l-Ministru Evarist Bartolo.
Din l-istrateġija qed tħeġġeġ il-qari mill-membri tal-familja u anke ġew identifikati role models biex ikabbru l-popolarità tal-qari. Tnediet ukoll skema ġdida ta’ taħriġ f’esperjenza tax-xogħol għall-Għawdxin u oħrajn li jixtiequ jaħdmu f’Għawdex. Il-Work and Training Experience Scheme se toffri opportunità lil dawk l-Għawdxin biex jiksbu esperjenza ta’ xogħol ħalli jkabbru l-prospetti tagħhom. Il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ se tkun waħda inklussiva u ż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu magħhom se jkomplu jkunu involuti fit-tfassil tagħha biex b’hekk tkun politika mfassla għaż-żgħażagħ miż-żgħażagħ.

Din il-politika nazzjonali se tkopri u tindirizza realtajiet u żviluppi li qed iseħħu f’dan il-qasam kemm fuq bażi lokali u naturalment ukoll fuq bażi internazzjonali. Il-politika tagħna taż-żgħażagħ tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta’ inklużjoni, u għalhekk qed ninkludu inizjattivi immirati għal dawk iż-żgħażagħ li bħalissa jinstabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Aktar tard din is-sena se nniedu proġett biex permezz tal-isport inkunu qed nintegraw lil dawn iż-żgħażagħ li għaddejjin minn perjodu diffiċli f’ħajjithom biex jippreparaw ruħhom għall-futur meta jerġgħu lura fis-soċjetà. Dan hu proġett li ħabbarna fil-Baġit li għadda. B’hekk inkunu qegħdin noħolqu mpjiegi ġodda u fl-istess ħin inkunu qed naħdmu ħalli naraw li ż-żgħażagħ ikollhom ir-rispett li verament jixirqilhom, aktar awtonomija u li jagħtu sehemhom fix-xogħol, fil-komunità u fil-lokalitajiet tagħna.


Sur President, saħħaħna u se nkomplu nsaħħu l-programm tal-empowerment li jinkludi taħriġ, konkorsi għal-letteratura, drama, mini festivals u arti bħall-proġetti ta’ Divergent Thinkers. Insibu taħriġ u żvilupp mużikali fid-diversi każini tal-baned li għandna f’dawn il-gżejjer u l-proġett “Tħażżiż” għall-kittieba żgħażagħ. Bdejna wkoll inizjattiva bl-isem “Ktieb Kafè’” fejn ħloqna spazju biex inħajru liż-żgħażagħ jaqraw aktar bil-Malti. Il-Gvern, flimkien mal-ambaxxata Amerikana, qed jaħdem mal-Malta Gay Rights Movement fejn nidejna servizz biex nassistu żgħażagħ ta’ orjentazzjoni sesswali differenti u lill-familji tagħhom ħalli huma wkoll ikunu f’pożizzjoni li jirbħu l-isfidi tagħhom.
Din is-sena wkoll saħħaħna l-istrutturi għall-informazzjoni taż-żgħażagħ fejn barra li ġie ffirmat ic-Charter mal-European Youth Information and Counselling Agency (ERYICA) nidejna servizz fil-Belt imsemmi “Youth Information One Stop Shop”. Il-ftuħ uffiċjali tiegħu sar f’Lulju li għadda u diġà kellna ’l fuq minn 400 żagħżugħ u żagħżugħa li għamlu użu minn dan is-servizz. Irrid ngħid ukoll li barra mit-tisħiħ fl-istrutturi u s-servizzi, se jsir ukoll investiment dirett fir-riżorsi umani billi se jiġu ngaġġati aktar ħaddiema maż-żgħażagħ fil-Youth Cafes. Il-Gvern irid verament jagħti widen liż-żgħażagħ. Kien għalhekk li nidejna inizjattivi fejn iż-żgħażagħ ipparteċipaw f’dibattitu kostruttiv, u l-iskop wara dan il-proġett hu li ż-żgħażagħ tagħna jiġu mrawma fil-ħsieb kritiku kif ukoll inħajruhom għall-ħajja pubblika. Dawn il-ħaddiema taż-żgħażagħ se jkunu qed imexxu dawn il-programmi.
Estendejna wkoll is-servizz tal-Youth Hub. Issa dan is-servizz se jiġi offrut anke fl-MCAST u aktar ’il quddiem se nestendu dan is-servizz fil-Junior College u anke f’Giovanni Curmi Higher Secondary School. Dan ifisser aktar opportunitajiet ta’ impjiegi għall-youth workers li, jekk l-Bambin irid, wara li ngħaddu dan l-Abbozz ikunu professjonisti. Is-servizz ġdid imsemmi Youth Direct se jkun immirat lejn iż-żgħażagħ tal-Kottonera u l-lokalitajiet tal-madwar u se jkun ibbażat fiċ-Ċentru Aċċess. Dan is-servizz se jkun qed jingħata mill-Aġenzija Żgħażagħ u se jkun qed jgħin lil dawk iż-żgħażagħ li jkollhom bżonn ta’ pariri dwar kif isibu xogħol u jiġu megħjuna wkoll biex ikabbru l-ħiliet tagħhom. Eżempju ta’ għajnuna li ż-żgħażagħ se jingħataw huwa kif timtela applikazzjoni għax-xogħol, preparazzjoni ta’ CV, kif għandhom jippreparaw ruħhom għall-interview u pariri oħra simili li ż-żgħażagħ ikollhom bżonn u li aħna naraw ta’ ċerta importanza.
Proġett li se jkun imniedi fil-jiem li ġejjin huwa l-Youth Help. Il-Gvern għaraf li biex nilħqu liż-żgħażagħ kollha hemm bżonn li dawn l-ħaddiema maż-żgħażagħ imorru huma qrib u jfittxu ż-żgħażagħ fil-postijiet li jiffrekwentaw. Dan huwa proġett ta’ outreach, u dan is-servizz se jkun qed jilħaq ukoll lil dawk iż-żgħażagħ li għal xi raġuni jew oħra mhumiex membri ta’ xi għaqda. Bħala bidu, is-servizz se jkun qed jiffoka fuq postijiet bħal Paceville. Dan huwa servizz delikat, u hemm bżonn li min jagħtih ikun imħarreġ sew f’dan il-qasam ta’ servizz soċjali. Quddiem l-isfidi li għandhom iż-żgħażagħ il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ hija bżonnjuża ferm. Fost il-miżuri li qed jieħu dan il-Gvern hemm il-Vot 16, dan l-Abbozz tal-Youth Workers u inizjattivi oħrajn li jikkomplementaw l-iżviluppi f’dan il-qasam fuq livell Ewropew. It-tiġdid tal-koperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ issa qiegħda fil-qofol tagħha u qed issir diskussjoni kif din il-koperazzjoni tista’ tevolvi tul dan il-perjodu. Il-programm Erasmus Plus se jiffoka fuq materji ta’ mobilità, innovazzjoni u riforma fil-politika tas-seba’ snin li ġejjin.
Sur President, f’Malta ma jistax jonqos li jinħass il-bżonn tal-youth workers. Jekk irridu pajjiż b’saħħtu jeħtieġ nassiguraw li f’pajjiżna jkollna strutturi sodi u ppreparati biex jgħinu liż-żgħażagħ tagħna jilqgħu għall-isfidi fil-ħajja tagħhom. Li tkun professjonist tfisser li tkun individwu li jaderixxi ruħu ma’ standards etiċi u jkunu rikonoxxuti mill-pubbliku bħala persuni li għandhom il-ħiliet u għerf miksubin mir-riċerka, minn edukazzjoni u minn taħriġ, minn istituzzjonijiet edukattivi li huma ppreparati biex jeżerċitaw dawn il-ħiliet biex jgħinu lill-oħrajn. Il-youth workers huma kategorija ta’ dawn il-professjonisti. Il-youth workers Maltin u Għawdxin huma mħarrġa mill-Università ta’ Malta permezz ta’ kors li ilu mwaqqaf, kif għedt diġà, sa mis-sena 1993.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn żgur li d-dipartiment tal-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Komunità fl-Università ta’ Malta kiseb biżżejjed esperjenza f’dan il-qasam. Illum kważi 20 sena wara, għandna ‘l fuq minn 130 ħaddiem maż-żgħażagħ kwalifikati, gradwati u akkreditati li lesti sabiex jieħdu l-istatus ta’ professjonisti f’dan il-qasam. Ix-xogħol li jsir maż-żgħażagħ huwa bbażat fuq sensiela ta’ attivitajiet u tagħlim mhux formali maħsub għall-iżvilupp ħolistiku taż-żgħażagħ, iqis l-aspetti kollha tal-iżvilupp personali, emozzjonali, soċjali u politiku taż-żgħażagħ.
Il-prinċipju tax-xogħol maż-żgħażagħ huwa bbażat fuq l-informalità, l-empowerment, il-parteċipazzjoni volontiera taż-żgħażagħ, il-ħbiberija, l-integrità, d-diversità u l-etika. Dan ix-xogħol minn dawn il-ħaddiema jitwettaq kullimkien. Dan l-Att huwa parti minn kullana ta’ inizjattivi favur iż-żgħażagħ li dan il-Gvern qed iwettaq. Il-liġi se tkun qed issaħħaħ ir-role u l-livell tas-servizz offrut mill-youth workers fl-istess waqt li tkun qed tingħata aktar responsabbiltà, rikonoxximent, u wara kollox, l-importanza liż-żgħażagħ.
Il-Gvern, sabiex ikompli jgħolli s-servizz li jingħata liż-żgħażagħ tagħna, qed jara li x-xogħol maż-żgħażagħ jiġi regolarizzat, jinħolqu benchmarks, jiddaħħlu kodiċi ta’ etika u fl-istess ħin is-servizz li l-youth workers jagħtu jiġi mpoġġi taħt skrutinju minn professjonisti oħra għas-serħan il-moħħ ta’ min qed jieħu dan is-servizz. Dan l-Att dwar Regolazzjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ li qiegħed jiġi ppreżentat illum jagħti għarfien professjonali formali u status lill-ħaddiema maż-żgħażagħ kif ukoll jirregola l-professjoni u jistabbilixxi kwalifiki u kondizzjonijiet li taħthom il-ħaddiema żgħażagħ joperaw.

Kif għedt fil-bidu tad-diskors tiegħi dan kien ukoll mwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Dan l-abbozz għandu jintlaqa’ b’entużjażmu mhux biss mill-ħaddiema maż-żgħażagħ iżda wkoll minn dawk kollha nvoluti fil-qasam taż-żgħażagħ u minn dawk li jappoġġjaw l-iżvilupp u l-benesseri taż-żgħażagħ. Nixtieq nerġa’ nfakkar li kien proprju dan il-Gvern li fi ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura ħadem bis-sħiħ biex dawn il-ħaddiema taż-żgħażagħ jkunu rikonoxxuti bħala professjonisti. Grazzi, Sur President.


Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə