Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə4/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
1   2   3   4   5   6   7   8

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Robert Cutajar.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: Grazzi, Sur President. Nirringrazzja lill-Onor. Buontempo li segwejtu b’attenzjoni. Il-liġi li għandna quddiemna llejla se tkun qed tersaq lejn tragward ieħor importanti fil-mixja fil-qasam taż-żgħażagħ għax dan l-Abbozz se jkun qiegħed jirrikonoxxi lil dawk l-individwi Maltin u Għawdxin li jaħdmu maż-żgħażagħ, qasam tant importanti fil-formazzjoni tas-soċjetà Maltija. Bħala kelliem għall-Oppożizzjoni responsabbli minn dan il-qasam se nkun qed nagħti ħarsa minn fejn tlaqna, fejn qegħdin u fejn se mmorru. Tajjeb nirrikonoxxu wkoll, kif qal l-Onor. Buontempo, diversi għaqdiet non-governattivi, kemm dawk internazzjonali kif ukoll dawk fuq bażi lokali. Dawn għamlu ħidma li żgur tat il-frott tul is-snin u li llum qed ingawdu minnha. Meta qed nirreferi għal dawn l-għaqdiet, jien qed nifhem iċ-ċentri taż-żgħażagħ, youth centres fil-lokalitajiet tagħna fejn il-Knisja kienet minn ta’ quddiem nett fil-kontribut tagħha.
Għandna l-KDZ u anke l-MAS li wkoll taw il-kontribut tagħhom. L-Onor. Buontempo semma wkoll il-kongregazzjoni li għalija wkoll hija ta’ ċerta importanza għaliex ukoll għenitni biex kbirt, u forsi llum nirrikonoxxi ż-żmien li għamilt taħt is-Salesjani li nqisu bħala wieħed mill-isbaħ żmenijiet li kelli f’ħajti. Jiena proprju għamilt numru ta’ snin fil-Kulleġġ Savio fejn ukoll tgħallimt verament x’ifisser li tkun parti mis-Salesjani. Naħseb li hemm ukoll numri ta’ eżempji oħra fosthom l-iScouts, il-Girl Guides kif ukoll għaqdiet oħra ta’ żgħażagħ li twieldu minn diversi każini, fosthom dawk tal-baned imferrxa madwar il-gzejjer Maltin. Dawn kollha taw u għadhom qed jagħtu kontribut siewi b’risq is-soċjetà Maltija.

F’ħafna okkażjonijiet f’din il-ħidma rajna wkoll il-volontarjat fl-aqwa tiegħu. Dan il-valur jien inqisu fost il-pilastri ewlenin fis-soċjetà Maltija. Il-volontarjat ta u għadu qed jagħti kontribut fil-qasam taż-żgħażagħ u komplejna naraw ħidma sħiħa li poġġiet lil pajjiżna fuq sisien sodi. Nemmen li x-xogħol fost iż-żgħażagħ - u hawn qed nirreferi wkoll għal dawk li qed jagħtu kontribut anke fl-iskejjel tagħna – għandu importanza kbira għax dawn iż-żgħażagħ huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada. Dawn iż-żgħażagħ huma l-mexxejja ta’ għada. Dawn iż-żgħażagħ fil-fatt huma l-protagonisti tal-lum u għada se jkunu huma li jirrispondu għal dak li se nħallulhom aħna llum. Aħna llum sibna dak li ħallewlna missirijietna, u għalhekk aħna obbligati li nħallu l-aħjar ambjent u l-aħjar għodda biex lill-ġenerazzjoni futura inħallulha pajjiż aħjar milli sibnieh aħna.


Iż-żgħażagħ għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tas-soċjetà tagħna. Amministrazzjonijiet preċedenti mmexxija mill-Partit Nazzjonalista ma qagħdux b’idejhom fuq żaqqhom, imma ħolmu, welldu u kabbru wkoll numru ta’ inizjattivi u ideat sabiex is-settur taż-żgħażagħ seta’ jimraħ u jikber fir-realtà ta’ żmenijiet dejjem jinbidlu. Din il-mixja bdejnieha forsi ftit tard fl-1993 meta dakinhar twaqqaf l-istudji taż-żgħażagħ u kompliet bit-tfassil tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. F’dawn l-aħħar tliet snin rajna titwaqqaf f’pajjiżna l-Aġenzija Żgħażagħ, aġenzija li ħadmet qatigħ.
Nistgħu ngħidu li saru wkoll inizjattivi li għal pajjiżna kienu innovattivi. Insemmu fost l-oħrajn il-youth cafès, il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ u ħemel ta’ opportunitajiet oħra li dawn iż-żgħażagħ irrispondew għalihom b’mod pożittiv. Insemmi wkoll il-Youth Activity Centres f’Marsaxlokk u Villa Psaigon u numru ta’ programmi li ġew minn fondi Ewropej u anke scholarships. Dan kollu sar fl-aħħar snin u jiena konvint li dan, iż-żgħażagħ jirrikonoxxuh. Opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin qegħdin hemm bħal kif inhuma għal kull żagħżugħ u żagħżugħa Ewropea. Għalhekk aħna kburin li aħna Maltin Ewropej.
Il-liġi li qegħdin niddiskutu llum se tkun qed tirrikonoxxi x-xogħol maż-żgħażagħ bħala professjoni. Ix-xogħol maż-żgħażagħ għandu wkoll l-importanza tiegħu, xogħol li fih innifsu trid tkun iddedikat għalih u wieħed jifhem l-iskop aħħari tiegħu. Nemmen bis-sħiħ li dan ix-xogħol jista’ jilħaq il-milja tiegħu jekk min iwettqu jkun qiegħed jagħmel dan b’sens ta’ vokazzjoni. Permezz ta’ dan l-Abbozz il-youth worker se jkollu warrant bħal professjonisti oħra, fosthom l-għalliema u l-infermiera fost l-oħrajn. Dan mhux biss se jagħtihom rikonoxximent professjonali u sodisfazzjon fil-ħidma tagħhom iżda wkoll se jpoġġi fuqhom responsabbiltajiet ġodda b’linji gwida u kodiċi ta’ etika professjonali. Dan dejjem fil-qafas fejn l-interess aħħari jkun dak favur iż-żgħażagħ tagħna.
Sur President, irrid naċċenna wkoll dwar punt li qed jirrepeti ruħu b’mod konsistenti fil-ħidma ta’ dan il-Gvern, b’mod partikolari fil-qasam li jien responsabbli minnu. Bħala kelliem tal-Oppożizzjoni nista’ ngħid li m’għaddietx ġimgħa waħda minn dawn l-għaxar xhur, anke fil-qasam tal-sports - għax jien responsabbli kemm mill-qasam tal-isports kif ukoll mill-qasam taż-żgħażagħ – fejn ma ngħatatx l-impressjoni li dan il-Gvern faqqas ideat ġodda u bħal bakketta maġika fi ftit xhur wettaqhom u fassal xi strateġija biex iwettaqhom! Irrid nieħu spunt ukoll mid-diskors li għamel l-Onor. Buontempo.
Jiena ma kontx se nsemmihom, però hu semma l-garanzija taż-żgħażagħ. Din hija xi ħaġa li hija importanti u nfakkar lil dan il-Gvern u lill-Onor. Buontempo li f’memorandum li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea proprju din il-ġimgħa, Malta hija fost il-pajjiżi li għadha ma tatx il-pjan dwar il-garanzija taż-żgħażagħ. Dan apparti wkoll li rridu ngħidu li armejna x-xugaman u għaliex għandna riżultati miksuba f’dak li għandu x’jaqsam mal-qgħad fir-rigward taż-żgħażagħ, bħal donnu armejna l-possibbiltà li nġibu għajnuna madwar il-mejda fi Brussell biex anke l-Gvern ikun jista’ jfassal il-pjan li s’issa Brussell għadhom qed jistennew.
Irrid ngħid ukoll li l-inizjattivi li semmejt iktar qabel f’dan id-diskors kienu mertu tal-amministrazzjonijiet preċedenti. Issa dan il-Gvern, jiddispjaċini ngħid, għandu l-ardir li jgħid li dawn wellidhom hu! M’għandux il-kuraġġ jgħid li dan kien kollu wkoll mertu tal-amministrazzjoni preċedenti. Hawnhekk hawn l-Onor. Clyde Puli. Jiena ma niddejjaqx ngħidlu li ħalla s-sodda mifruxa biex illum qed jieħu kredtu ħaddieħor. Però fl-aħħar mill-aħħar, kif dejjem nemmen, fil-politika ministru jiġi u jmur, però l-ġid li jħalli Gvern jibqa’ jitgawda.

Hawn nixtieq nikkwota x’kien qal il-kelliem responsabbli miż-żgħażagħ dakinhar, l-Onor. Owen Bonniċi, li kien ingħata prominenza. Hawnhekk jien għandi silta tal-gazzetta “Kullħadd” datata 28 ta’ Marzu, 2010. Dakinhar kien qal hekk:


“Ir-realtà taż-żgħażagħ f’Malta hija waħda miskina, realtà li l-qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta huwa fost l-ogħla fl-Ewropa u Malta għandha fost l-inqas involviment taż-żgħażagħ fil-politika fis-sens wiesgħa tagħha. Huwa qal li għandna żgħażagħ li l-inqas li jattendu f’attivitajiet kulturali u qal ukoll li ovvjament il-politika nazzjonali tinjora kompletament dan il-ħsieb.”.
Kien qed jirreferi għall-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. Irrid infakkar lill-Onor. Buontempo li sal-lum, in-naħa tal-Oppożizzjoni ma ġietx mitluba, kif dejjem kienet il-prassi u kif dejjem ġara, biex tieħu sehem f’xi diskussjonijiet. L-Onor. Buontempo kien qalli li l-Oppożizzjoni kienet se tkun irrappreżentata. Sal-lum din l-istedina għadha ma waslet qatt u jien nittama li fil-ġranet li ġejjin l-Oppożizzjoni tkun mistiedna biex nagħtu l-kontribut. Però nerġa’ niġi għal dak li kien qal l-Onor. Bonnici, illum segretarju Parlamentari, fit-28 ta’ Marzu, 2010. B’wiċċi minn quddiem illum ngħid li ż-żgħażagħ Maltin m’għadhomx l-ikbar ammont fl-Ewropa li huma qiegħda. Illum niftaħru li ż-żgħażagħ f’pajjiżna huma r-raba’ l-inqas fl-Ewropa fir-rata li jfittxu x-xogħol.
Anke fil-politika, l-aħħar statistika li ħarġet mill-Eurostat proprju madwar 11-il xahar ilu turi li ż-żgħażagħ Maltin huma l-aktar attivi fil-politika, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ m’għadniex l-agħar fil-qasam kulturali, u m’għadniex l-agħar fil-qasam sportiv. Irridu naħdmu iktar, mela le! Wieħed m’għandux joqgħod fuq dawn ir-riżultati, però naħseb li wieħed għandu jirrikonoxxi dan il-fatt. Għaliex qed ngħid dan kollu? B’wiċċi minn quddiem ngħid li fl-aħħar snin fil-qasam taż-żgħażagħ għamilna passi ta’ ġgant. Dan huwa qasam li ma niddejjaqx nitkellem fuqu għaliex ir-riżultati qegħdin hemm biex wieħed jirrikonoxxihom.
Qed ngħid dan ukoll għaliex l-Abbozz li għandna quddiemna kien diġà tressaq l-Ewwel Qari tiegħu fis-26 ta’ Settembru, 2012, xi ħaġa li diġà semma l-Onor. Buontempo. Però rrid ngħid ukoll x’ġara fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru fl-istess sena, għax l-Onor. Buontempo ftit tal-ħin ilu fl-intervent tiegħu qal li jirrikonoxxi x-xogħol li sar fuq l-Ewwel Qari u x-xogħol li sar proprju fuq dan l-Abbozz, però ma qalx kollox u ta l-impressjoni li dan id-dokument ġie b’xi mod iffinalizzat proprju f’dawn l-aħħar għaxar xhur. Qed ngħid dan għax naf li hawn rappreżentanti anke taż-żgħażagħ li tajjeb li jkunu jafu. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2012, ftit ġranet biss wara li dan l-Abbozz tressaq għall-Ewwel Qari, l-Onor. Clyde Puli kien ta konferenza stampa, fil-preżenza wkoll ta’ uffiċjali għolja tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’rabta wkoll ma’ dan il-pass importanti fejn ix-xogħol maż-żgħażagħ kien se jibda jitqies bħala professjoni.
Dakinhar ukoll fil-website tal-Aġenzija Żgħażagħ datata – u għandi kopja tagħha hawnhekk – 3 ta’ Ottubru, kien irrapportat dan il-pass li kien qed jieħu l-Gvern immexxi dakinhar mill-Onor. Gonzi. U kif semmejt l-Aġenzija Żgħażagħ, nieħu l-okkażjoni li nsellem lil kulmin, inkluża c-CEO, ingħata kuntratt ġdid. Din kienet waħda mill-ftit li ma qalgħetx id-daqqa tal-mannara bħal numru ta’ persuni li kienu validi. Però l-Onor. Clyde Puli kien poġġa lil din il-persuna li issa ġiet ikkonfermata wkoll minn din l-amministrazzjoni. Dan ifisser li dik kienet għażla tajba u din il-persuna wkoll qed tagħti l-kontribut tagħha. Interessanti wkoll ngħid - u naf li hawn min qed isegwi b’attenzjoni – li fit-3 ta’ Ottubru fuq il-website uffiċjali tal-Aġenzija Żgħażagħ, fl-aħħar linja, fil-paġna li kienet qed tagħmel referenza għall-konferenza stampa li ta l-Onor. Clyde Puli kien hemm miktub: If you wish to download the Youth Work Profession Act, click here. Jien hekk għamilt.
U hawnhekk għandi kopja tad-dokument li wkoll inzerta li min poġġieh fuq il-website - qed nitkellem għal dak tat-3 ta’ Ottubru 2012 - nesa jneħħi li dan id-dokument kien dokument tal-Kabinett. Hawnhekk għandi d-dokument tal-Kabinett ta’ taħt l-amministrazzjoni preċedenti, u irrid ngħid li l-liġi li qed titressaq illum fit-Tieni Qari hija cut and paste ta’ dik il-liġi! Minħabba ċ-ċirkostanzi ovvjament din m’għaddietx mill-Parlament. Jekk kienx bi żball jew le, dan id-dokument għandu wkoll t-titlu: “Review Justice Unit, Cabinet Office”. Dan huwa dokument li ġie diskuss fil-Kabinett. Ma neskludix li seta’ kien hemm preżenza ta’ uffiċjali tal-Aġenzija Żgħażagħ, però llum dan il-Gvern għandu l-ardir li jiġi hawn u jgħid li ħadem bis-sħiħ fuq din il-liġi. Sur President, din il-liġi kienet fil-kexxun, dan il-Gvern fetaħ il-kexxun u ħareġ proprju din il-liġi kelma b’kelma! Anzi, biex inkun korrett ngħid li hemm linja li tbiddlet.
Sur President, hawnhekk nistaqsi lill-Onor. Buontempo: Dan huwa abbozz li kif ġie ppreżentat illum huwa kelma b’kelma minbarra linja waħda? Id-dokument li l-Gvern sab fil-kexxun tal-Aġenzija Żgħażagħ, li għadda mill-Kabinett ukoll u li għandi kopja f’idi hawnhekk, f’kapitlu minnhom jgħid li dan il-bord għandu jkun kompost minn seba’ membri. Imma dakinhar, fl-abbozz li kellu jitressaq u li qiegħed fuq il-website tal-Aġenzija Zgħażagħ kien hemm li l-formazzjoni ta’ dan il-bord kellha tkun erba’ membri maħtura mill-Ministru u tliet membri maħtura mill-NGOs. Forsi mhux b’sorpriża, l-uniku bidla li hemm f’dan l-Abbozz hi li neħħew il-parti fejn hemm stipulat li erba’ membri jinħatru mill-Ministru u tlieta mill-NGOs u għamluha li s-seba’ membri jinħatru mill-Ministru! (Interruzzjonijiet)
Onorevoli, jiena ħallejtek tispiċċa u allura nippretendi li lili tagħtini ċans nitkellem u mbagħad ikollok ċans jew xi ħadd min sħabek jitkellem. (Interruzzjonijiet) Jekk tpoġġiex bi żball dakinhar tat-3 ta’ Ottubru, 2012 mhux se nerfagħha jiena illum, però dan id-dokument ma kienx għadu tressaq quddiem dan il-Parlament, ħlief bħala l-Ewwel Qari fis-26 ta’ Settembru, 2012. (Interruzzjonijiet) Però jien stennejtek li se tiġi u tgħid li dan huwa dokument li sibtu fil-kexxun, ħallihulek l-Onor. Puli, u huwa cut u paste. (Interruzzjonijiet) Iva, inti għedt .... Mhux se noqgħod inwieġbek ...... (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Cutajar, indirizza lis-Sedja.
ONOR. ROBERT CUTAJAR: Hekk se nagħmel. Li qed ngħid, Sur President, biex inkun qed nindirizza lilek, hu li l-Onor. Buontempo fl-introduzzjoni tiegħu rringrazzja lil min ħadem fuq dan l-Abbozz qabel u min ħadem issa. Jien nixtieq inkun naf x’bidel minnu ħlief il-linja tal-kompożizzjoni fejn issa s-seba’ membri tal-bord se jkunu kollha nnominati mill-Ministru! (Interruzzjonijiet). Ma nbidel prattikament xejn ħlief dik il-linja li qrajt jien! Għandi d-dokument. Jien m’għandix problema u nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tajjeb li nagħtu l-istampa veritiera, Onor. Buontempo! Kif għedt diversi drabi, jiena ma nixtieqx li l-qasam taż-żgħażagħ jew tal-isport ikunu issues politiċi, però l-kredtu għandu jieħdu min ħadem mill-bidu sal-aħħar. (Interruzzjonijiet) Naħseb li l-union responsabbli ..... (Interruzzjonijiet) Min qed isegwina naħseb li jista’ jinduna li l-Onor. Buontempo donnu mhux qed jieħu gost b’dawn l-affarijiet! Jien konvint li hawn min qed isegwi u jaf li dan li qed ngħid huwa veritier. Wieħed jista’ jidħol fuq il-website datata 3 ta’ Ottubru, 2012 u jniżżel dan id-dokument li bħal donnu skoprejnieh illum proprju fit-Tieni Qari.


Irrid ngħid ukoll li filwaqt li tajjeb li kien hemm il-konsultazzjoni, wieħed irid jirrikonoxxi li x’imkien trid tinqata’ l-linja rigward rekwiziti li wieħed għandu jkollu biex jieħu l-warrant. Jiena nirrikonoxxi wkoll ix-xogħol li qegħdin jagħmlu l-professional youth support workers u forsi t-tieni pass għandu jkun li naraw li b’xi mod, it-tip ta’ xogħol li jitwettaq minnhom għandu jiġi elenkat, anke jekk mhux f’din il-liġi.
Irrid niċċara li minkejja dan kollu li qed ngħid, aħna bħala Oppożizzjoni qegħdin naqblu ma’ dan l-Abbozz, u ma nistgħux ma naqblux, għaliex proprju kienet l-amministrazzjoni preċedenti li fasslet dawn it-33 faċċata li fih dan l-Abbozz jekk tgħodd il-Malti u l-Ingliż. Dan huwa l-Abbozz li konna qed nitkellmu fuqu qabel u allura aħna se nkunu qegħdin naqblu. Ovvjament wieħed irid jifhem ukoll li aħna għandna d-dover li niċċaraw xi punti li forsi jistgħu jinftiehmu between the lines. Hemm bżonn li ċerti punti jingħataw l-attenzjoni biex naraw li nkunu ċari f’dak li qegħdin ngħidu.
Sur President, lill-Onor. Buontempo rrid ngħidlu li jien qrajtha din il-liġi u qrajt ukoll dak li kellu fil-kexxun, dak li sab lest mill-amministrazzjoni preċedenti, li huwa l-istess dokument kelma b’kelma. Forsi wkoll, jekk wieħed jara klawsola 10(3) hemm li:
“Kull ħaddiem maż-żgħażagħ li jkun suġġett għal xi inkjesta li ssir mill-Bord għandu jingħata l-opportunità kollha biex jagħmel id-difiża tiegħu u jġib il-provi favur tiegħu u għal dan l-għan jista’ jkun rappreżentat minn avukat jew minn xi persuna oħra li jagħżel hu.”.
Forsi tajjeb li flimkien mal-avukati u persuna oħra li jagħżel l-individwu ninkludu wkoll “union”. Din hija xi ħaġa li ma kenitx speċifikata fl-abbozz tal-amministrazzjoni preċedenti u lanqas qiegħda fid-dokument li ppreżenta llum is-Segretarju Parlamentari. Fil-fatt dan l-Abbozz jirrikonoxxi d-dritt ta’ dawn il-ħaddiema professjonisti li jkunu rappreżentati f’union. Fl-istess klawsola, jiġifieri klawsola 10(3)(vii) tissemma l-penali. Jiena naħseb li wieħed għandu jkun aktar speċifiku dwar il-penali għaliex fi klawsola 10(3)(vii) hemm:
“... u kull penali oħra li tista’ tiġi preskritta.”.
Forsi din qiegħda miftuħa żżejjed u wieħed jista’ wkoll jikkonsidra li jressaq emenda biex din tkun ftit iktar dettaljata.
Fi klawsola 14 wieħed jingħata x’jifhem ukoll li din ir-rappreżentanza tal-youth workers li issa se jkunu rikonoxxuti b’mod professjonali jistgħu jsibu posthom ukoll fl-MCESD. Wieħed irid jara l-interpretazzjoni u jekk kif inhi miktuba l-liġi jagħtix il-lok li rappreżentanza tal-youth workers ikunu jistgħu jitpoġġew ukoll jew jingħataw l-vuċi anke fil-MCESD. Tajjeb li wieħed jifhem ukoll li l-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta diġà qed takkredita l-Masters in Youth Ministry. Dan ukoll hemm referenza għalih li għandhom jiġu saħansitra rikonoxxuti. Jiena nixtieq nerġa’ nsemmi s-Salesjani u ċerti għaqdiet taż-żgħażagħ li forsi b’raġun jistaqsu: Imma l-ħidma tagħna se tiġi rikonoxxuta? Aħna nafu li hemm numru ta’ nies li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ li ggradwaw fix-xjenza tat-teoloġija, fost affarijiet oħra, u jaħdmu maż-żgħażagħ. Hawnhekk ukoll wieħed irid jara l-interpretazzjoni tal-liġi.
Sur President, aktar kmieni jiena għedt li dan l-abbozz huwa prattikament cut and paste tal-istess dokument tal-amministrazzjoni preċedenti, però għall-korrettezza rrid ngħid li fid-dokument il-bord kien elenkat bħala bord konsultattiv u fl-Abbozz preżenti l-kelma “konsultattiv” ġiet eleminata. Bħala Oppożizzjoni aħna naqblu li l-kelma “konsultattiv” tneħħiet, però wieħed m’għandux jeskludi li jkun hemm lok fejn wieħed ikun jista’ jikkonsulta biex b’hekk żgur inkunu tajna vuċi lil kulħadd. Nerġa’ naċċenna wkoll għall-professional youth support workers li wkoll qegħdin jagħtu l-kontribut. Kif inhija l-liġi llum lil dawn qed teskludihom, però forsi wieħed jista’ jikkonsidra wkoll anke xi ħaġa fuq din il-linja fil-pass li jmiss.
Qabel nagħlaq nixtieq ngħid li jkun tajjeb li nifhmu x’ifisser dan is-suġġett li qegħdin nitkellmu dwaru llum. Huwa mportanti li wieħed qiegħed jirrikonoxxi wkoll il-ħidma ta’ dawn il-persuni billi issa dawn se jkollhom ukoll dan il-warrant. Dawn il-ħaddiema jiena nqishom li huma ħaddiema vokazzjonali, irrispettivament mill-paga li wieħed jista’ jkollu, għaliex biex wieħed jifhem il-problemi taż-żgħażagħ, biex wieħed jipprova jkun spalla għaż-żgħażagħ tagħna bil-problemi kollha li dawn jistgħu jiffaċċjaw, irid ikollu vokazzjoni. Fuq kollox dan ix-xogħol li jagħmlu dawn il-youth workers se nkunu qegħdin naraw il-frott tiegħu għada, għax kif qal tajjeb l-Onor. Buontempo, dan jeffettwa l-formazzjoni tal-karattru tal-irġiel u n-nisa ta’ għada.

Sur President, tajjeb nispiċċa b’kumment ta’ persuna mill-Ingilterra li qiegħda fl-istudji tagħha biex fis-snin li ġejjin taħdem f’dan il-qasam interessanti. Se nikkwota bl-Ingliż:


Providing positive, engaging activities and continue to create opportunities for exploring, addressing and tackling the issues which affect the young people makes this a very challenging but incredibly rewarding load.”.
Irrid nagħlaq dan id-diskors tiegħi proprju b’dan il-ħsieb, għaliex il-fatt li qed nisimgħu dan mingħand dan iż-żagħżugħ juri kemm dan qed jagħmlu b’vokazzjoni. Huwa tajjeb li qed infasslu din il-liġi biex f’pajjiżna verament inwaqqfu s-sisien u nibdew nieħdu l-frott fis-snin u fix-xhur li ġejjin. Jien nerġa’ ngħid lill-Onor. Buontempo li din in-naħa tal-Kamra trid tagħti l-kontribut tagħha fil-qasam taż-żgħażagħ u nerġa’ nappellalu biex malajr kemm jista’ jkun ikompli fuq il-prassi tal-predeċessuri tiegħu biex anke l-Oppożizzjoni tkun mistiedna tipparteċipa fit-tfassil tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ.
Biex nibagħtu l-proposti rridu nkunu mistiedna. Ma nistgħux nibagħtu proposti jekk inti, unofficially, off mike, waqt konferenza partikolari tgħidli li se tistednuna u issa għaddew sitt xhur u għadek ma bgħattx l-istendina! Persuna li qiegħda hawnhekk fil-Kamra u li hija konsulenta tiegħu wkoll wassaltilha dan il-messaġġ. Din il-persuna qiegħda hawnhekk u nirrispetta x-xogħol tagħha. (Interruzzjonijiet) Ma nistax nibgħatlek proposti jekk inti ma stedintnix *biex nibgħat il-proposti f’isem l-Oppożizzjoni! (Interruzzjonijiet) Mela ibgħatha bil-miktub u nassigurak li kif għamilna ... (Interruzzjonijiet) Jien mhux talli ma rridx naħdem talli qed noffri ... (Interruzzjonijiet)
Sur President, l-Onor. Buontempo huwa dħuli. Naħseb li lkoll naqblu li huwa persuna fabbli ħafna u dħuli, però jien infakkru, għax forsi nesa, f’okkażjoni meta konna f’Villa Psaigon u dakinhar qalli li fil-ġranet li ġejjin konna se nirċievu uffiċjalment stedina għal dan il-kumitat, bord - għidlu li trid - li qed ifassal il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. Minn hawn f’din il-Kamra jaf x’qed ngħid għaliex jien ukoll għamilt referenza għal waħda mill-konsulenti tas-Segretarju Parlamentari Buontempo, imma minn dakinhar għaddew sitt xhur jew seba’ xhur u għadna ma rċevejna xejn! (Interruzzjonijiet) Onor. Buontempo, l-email tiegħi tafu, jekk tibgħatli stedina, nilqagħha bil-qalb kollha.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hawn iktar rimarki? L-Onor. Silvio Parnis.
ONOR. SILVIO PARNIS: Grazzi ħafna, Sur President. Li kellhom jgħiduli li wasal iż-żmien li nagħtu ġieħ lil persuna li taħdem fost iż-żgħażagħ ngħid li jkun diffiċli għaliex f’dan il-pajjiż tagħna huma ħafna dawk il-persuni li jaħdmu fost iż-żgħażagħ. Huwa suġġett delikat ħafna. Dwar iż-żgħażagħ spiss ngħidu li huma moħħ ir-riħ u li mhumiex maturi biżżejjed. Jien ma nħarisx lejn dan is-settur tant importanti b’dan il-mod imma ngħid li ż-żgħażagħ huma nies li għandhom ħafna sfidi, huma nies li jgħaddu minn bidliet fil-ħajja tagħhom, fejn filli kellhom il-wens tal-ġenituri u tal-familji tagħhom u filli jridu jaqdfu għal rashom.
Iż-żgħażagħ għandhom ħafna sfidi u aħna bħala politiċi, bħala nies li rridu noħolqu l-policies, irridu naħdmu bis-serjetà u naraw li f’dan il-Parlament niġbdu ħabel wieħed għall-ġid tal-poplu tagħna. In-nies hemm barra dak li jridu. Iridu li jaraw fina nies li għalkemm ikollna l-battibekki bejnietna, aħna ma nkunux qegħdin nagħmlu dan għaliex għandna xi ħaġa kontra l-persuna imma għaliex nemmnu li dak li qegħdin nagħmlu huwa l-aħjar. Ejja naħdmu flimkien ħalli fl-aħħar mill-aħħar nagħtu verament dak li jixraq lill-poplu tagħna.

Sur President, fil-bidu tad-diskors tiegħi nixtieq nirringrazzja lil dawn is-sinjuri li għandna magħna hawnhekk li huma esperti f’dan il-qasam. Nirringrazzjahom tax-xogħol li jagħtu. Nirringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni preċedenti tal-Partit Nazzjonalista li ftit tax-xhur ilu kienet fuq il-bankijiet ta’ din in-naħa. Naħseb u nemmen li tat kontribut f’dan il-qasam. Għaldaqstant ejja ħalli issa flimkien inkomplu naħdmu biex verament lin-nies hemm barra nagħtuhom sinjal ċar li dak li qegħdin nagħmlu qegħdin nagħmluh għall-ġid tal-familji tagħna u għall-ġid taż-żgħażagħ tagħna.


Naħseb li jekk nitilqu minn dak il-punt, imbagħad in-nies jibdew jifhmu li dak li qegħdin nagħmlu f’dan il-Parlament qegħdin nagħmluh għaliex nemmnu li nistgħu nagħmlu l-bidliet għall-aħjar. Kulmin jidħol f’dan il-Parlament jiġi hawnhekk għaliex jemmen li nistgħu nagħmlu l-bidliet għall-aħjar. Forsi hemm barra jaħsbuna li aħna għaddejjin xi ħajja ta’ papa, xi ħajja li kollox jiġi kif irridu aħna. Imma mhux dik hija r-realtà! In-nies hemm barra jridu jifhmu li hawn membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra li huma impenjati li jbiddlu l-ħajja tan-nies għall-aħjar. Ikun hemm min forsi jistona, ma jkollux dak il-ħsieb u l-ideal, imma verament għall-maġġoranza l-kbira f’dan il-Parlament dan huwa l-iskop.
Din il-liġi qiegħda tagħti aktar għarfien liż-żgħażagħ tagħna. Is-Segretarju Parlamentari pprova jwassal il-messaġġ li kien hemm affarijiet li huma tajbin u x-shadow minister min-naħa tal-Oppożizzjoni forsi pprova jagħti l-kredtu kollu lill-Partit tiegħu għax qal li aħna sibna kollox lest fil-kexxun. Jiena ma nafx għal-liema kexxun kien qiegħed jgħid, għax aħna l-kxaxen kollha vojti sibna! Imma, apparti dan, irrid ngħid li l-Partit Laburista dejjem emmen f’dan is-settur. Emmen f’dan is-settur mhux biex jieħu l-voti tagħhom. Dwar dan is-settur tkellem anke l-leader tagħna l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, li llum nawguralu f’għeluq sninu li jkompli jaħdem. Huwa prim ministru żagħżugħ b’ideat żagħżugħa u b’ħidma li ma taqta’ xejn.
Sur President, aħna tkellimna fuq il-garanzija taż-żgħażagħ qabel l-elezzjoni u llum qegħdin nattwaw dak li tkellimna u ppridkajna qabel l-elezzjoni. Jiena rrid nara iktar żgħażagħ ikunu fuq quddiem biex jagħmlu l-bidliet li hemm bżonn li jsiru għal pajjiżna. Jiena mal-kelma “żgħażagħ” nassoċja kliem bħal “futur” u “sfidi”. Iż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna! Iż-żgħażagħ għandhom ħafna sfidi! Aħna, bħala politiċi li rridu nagħmlu u nibnu l-policies irridu nkunu qegħdin hemmhekk biex nilqgħu, għaliex għalkemm qegħdin nitkellmu dwar din il-liġi, irridu nitkellmu wkoll dwar sfidi. U liema huma l-isfidi għaż-żgħażagħ? Hemm l-isfidi tax-xogħol, tal-edukazzjoni u anke sfidi fejn żgħażagħ jiltaqgħu ma’ vizzji li aħna rridu nilqgħu għalihom.
Jiena ma rridx inkun dak il-politiku li nilgħab il-logħba ta’ min l-iktar li ħoloq xogħol f’pajjiżna għaż-żgħażagħ, imma irrid nistaqsi: X’iridu ż-żgħażagħ tagħna? Iż-żgħażagħ tagħna jridu li jkollhom xogħol deċenti. Aħna bħala Gvern, u ftit tax-xhur ilu mill-Oppożizzjoni, konna nitkellmu dwar il-prekarjat fuq ix-xogħol. Politiku jrid jibni policies u jwassal il-messaġġ, imma jrid ikun ukoll qrib in-nies. Jien dejjem nenfasizza fuqha li politiku jrid ikun qrib in-nies mhux biss f’dawk ix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni, imma jrid tkun qrib in-nies u qrib iż-żgħażagħ tul il-ħames snin sħaħ. Ma tridx tkun qiegħed fil-politika biex qabel l-elezzjoni toqgħod tuża liż-żgħażagħ billi noqogħdu nwegħduhom ħafna affarijiet imbagħad jiġu wara l-elezzjoni u ma nkunux nistgħu nagħtuhom dak li wegħedniehom.
Liż-żgħażagħ iridu nagħtuhom id-dinjità u nuruhom li mhux biss naraw fihom xi ħaġa li nistgħu nakkwistaw, imma aħna x’nistgħu nagħtuhom bla ma nidħku bihom. U jiena ninkwieta meta jiġu tant żgħażagħ u jgħidulna li kulħadd iħaddimhom imma bil-prekarjat. Aħna bħala Gvern diġà bdejna naħdmu fuq dan u hawn anke ngħid prosit lill-unions f’pajjiżna li qegħdin jenfasizzaw, jitkellmu u jilqgħu għal din l-isfida tal-prekarjat. Meta nitkellem fuq xogħol irrid insemmi wkoll ix-xogħol b’kuntratt ta’ xahar b’xahar. Meta mbagħad imorru biex jieħdu loan biex jibnu futur, il-banek tagħna jgħidulhom li ma jistgħux jissellfu għaliex qegħdin bil-kuntratt. Dawn huwa l-isfidi.
Sur President, meta nkunu qegħdin niddiskutu liġi interessanti bħal din, irridu nitkellmu wkoll dwar l-edukazzjoni. Jiena mhux se noqgħod ngħid f’dan il-Parlament min l-iktar ħadem fuq l-edukazzjoni għax nemmen li mal-milja taż-żmien iż-żewġ partiti politiċi taw x’inhuwa tajjeb liż-żgħażagħ tagħna. Il-Prim Ministru nhar is-Sibt ġewwa l-Fgura semma l-miljuni investiti, li lanqas kienu biss fil-Baġit, li qegħdin nagħtu liż-żgħażagħ tagħna f’computers. Dan huwa tajjeb. Aħna għandna mandat ta’ ħames snin, imbagħad huwa l-poplu li jrid jiġġudikana dwar jekk konniex leali lejn in-nies, jekk tajniex dak li wegħedna lin-nies. Imma dwar edukazzjoni, iva, il-partiti politiċi t-tnejn ħadmu.
Il-Partit Laburista fetaħ l-edukazzjoni għal kulħadd, inkluż għal min ġej minn klassi tal-ħaddiema, għadu jaħdem dwar dan, u għadu joħloq miżuri biex l-edukazzjoni ma tkunx aċċessibbli biss għal min hu sinjur imma tkun miftuħa għal kulħadd mingħajr klassi jew kulur. Illum jiena qiegħed immexxi kunsill konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u qegħdin nemfasizzaw ħafna fuq dan l-aspett u qegħdin nippreparaw rapporti biex naraw għaliex fl-Università l-iktar li jidħlu nies hu min-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Irridu naraw għaliex l-istatistika dejjem turi li r-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta qegħdin verament f’livell iktar ’l isfel. Irridu naħdmu dwar dan u jridu jsiru rapporti dwar dan. Irridu naraw li f’pajjiżna jkollna level playingfield, ikollna lil kulħadd bl-istess kundizzjonijiet biex ikun jista’ jkompli l-edukazzjoni.
Hemm ukoll l-isfidi taż-żgħażagħ tagħna li jiltaqgħu ma’ ħafna vizzji. Anke aħna, bħala Gvern, irridu nilqgħu għal dan. Din il-ġimgħa ġie għandi żgħażugħ li għadda minn żmien diffiċli fil-ħajja tiegħu minħabba l-problema tad-droga. Dan ħareġ minnha, għamel il-programm, imma mbagħad meta jmur iħabbat biex jerġa’ jibda l-ħajja tax-xogħol, kulħadd jagħlaqlu l-bieb f’wiċċu. Irridu nilqgħu għal dan! Naħseb li wasal iż-żmien biex b’kollaborazzjoni mal-Ministru għall-Edukazzjoni jkollna unit li tilqa’ lil dawn iż-żgħażagħ tagħna li jew ikunu ħarġu mill-ħabs minħabba xi żball li jkunu għamlu, jew inkella jkunu għaddew mill-problema ta’ droga jew minn xi problema oħra bħal dik tal-alkoħol, u meta jmorru jħabbtu l-bieb biex isibu mpjieg, dawn jagħlquhom il-bieb f’wiċċhom! Dan għaliex il-passat tagħhom ma kienx xi passat sabiħ!
Naħseb li wasal il-mument li s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, permezz tal-ETC, jaslu għal dan. Dawn il-liġijiet huma kollha tajbin, imma rridu li verament nilqgħu għal dawn l-isfidi taż-żminijiet tal-lum. Dak li kien tajjeb għaxar snin ilu mhux bilfors għadu tajjeb illum. Nista’ ngħid li minn sena għal sena jinbidlu l-ideat dwar kif taħdem, tant għaddejjin b’ħajja mgħaġġla. Irridu nemfasizzaw dwar il-valuri u l-apprezzament ta’ dak li ż-żgħażagħ qed isibu lest, u mhux illum qisu xejn mhu xejn. Illum qed niddiskutu liġi li ppreparajna biex nagħtu iktar dinjità liż-żgħażagħ tagħna.
Dan ma ġiex mix-xejn, imma ġie b’ħidma u b’tant investiment biex verament inkunu qegħdin nagħtu l-aħjar liż-żgħażagħ tagħna. Qegħdin ngħixu f’dinja li qiegħda tinbidel, dinja li, kif għidt, dak li kien tajjeb għaxar snin ilu, illum inbidel, kważi ġie mormi, u rridu naħsbu f’affarijiet oħra. Illum iż-żgħażagħ tagħna qegħdin jiffaċċjaw dinja ta’ komunikazzjoni differenti, ta’ social media, ta’ computers, ta’ kuntatt b’mod differenti minn kif konna nagħmlu aħna fiż-żminijiet l-imgħoddija. Naħseb li rridu nilqgħu għal din l-isfida pożittiva, fejn kważi nista’ ngħid li ż-żgħażagħ tagħna saru iktar magħqudin flimkien u jifhmu iktar lil xulxin.
L-Onor. Buontempo tkellem dwar il-bidla li ż-żgħażagħ tagħna jiltaqgħu magħha meta minn tfal isiru żgħażagħ u mbagħad isiru rġiel u nisa. Meta ssir raġel, ma tibqax żagħżugħ biss, imma ssir żagħżugħ li trid taqdef għall-familja, li trid taqdef għall-ħajja tiegħek. Naħseb li iva, irridu nilqgħu għal dawn l-isfidi li għandu dan is-settur tant importanti fil-ħajja tagħna, u għalhekk naħseb li huwa tajjeb li f’din il-liġi qegħdin nagħtu iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna. Forsi qabel koppja kienet tiżżewweġ, kien jibqa’ jaħdem ir-raġel u l-mara kienet tibqa’ d-dar. Illum, lanqas kieku trid ma tagħmel hekk, u dawn huma l-isfidi ġodda li għandna f’pajjiżna. Jien naqbel li l-mara għandha toħroġ taħdem. Quddiemi għandi lill-Onor. Deborah Schembri li għamlet żmien tibni karriera. Ma jfissirx li għax waqt il-karriera żżewwiġt għandek tarmi jew tieqaf minn dik il-karriera.
Dan li qegħdin nippruvaw nemfasizzaw f’din il-liġi, jiġifieri li nħeġġu iktar liż-żgħażagħ tagħna billi nagħtuhom iktar dinjità fil-karriera tagħhom biex huma jkomplu jaħdmu fil-ħajja tagħhom. Bħala Gvern irridu noffru iktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jaħdmu. Ma tagħmilx sens li tagħmel xi tmien snin tistudja mbagħad ma ssibx dak ix-xogħol li tkun stinkajt għalih. Illum tant l-edukazzjoni sar għandha rwol importanti fid-dinja kollha li lanqas tagħtik ċans li tieqaf tistudja. Meta jiena nibda nfittex fuq l-internet, dejjem nara affarijiet ġodda. Id-dinja, it-teknoloġija, il-ħajja inbidlet. Jiena llum niskanta kif anke tfal ta’ erba’ jew ħames snin jafu jużaw il-computer. Din ukoll hija bidla li saret fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna.
Sur President, qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu fost iż-żgħażagħ. Naħseb li nkunu qegħdin nonqsu mir-rispett lejn il-ħidma tagħhom jekk ma nsemmux lil dawn in-nies li jaħdmu fost iż-żgħażagħ, fosthom l-għalliema, lill-għaqdiet mhux governattivi li hawn f’pajjiżna. Irrid insemmi wkoll lill-Knisja li tat formazzjoni tant importanti liż-żgħażagħ. Jien dejjem ngħid li kull kategorija li wieħed jaħdem fiha jkollha r-realtajiet tagħha. Jekk qed taħdem fost l-anzjani fiha t-tbatija u forsi trid iktar paċenzja, imma meta taħdem fost iż-żgħażagħ, xi kultant issib li dawn ikunu qegħdin jgħallmu lilek aktar milli tkun inti qed tgħallem lilhom, għaliex il-ħajja tant inbidlet.
Hawn irridu nuru r-rikonoxximent tagħna lejn dawk kollha li jaħdmu u jagħtu formazzjoni liż-żgħażagħ tagħna. Kieku ma kenux dawn in-nies għada pitgħada konna nsibu dinja differenti u dinja mfarrka. Naħseb li l-iktar ħaġa importanti hi li l-bniedem ikollu l-valuri, u huwa valur li issa għandek liġi li se tagħti iktar dinjità u iktar rispett u iktar importanza liż-żgħażagħ tagħna. Jiena naħseb li anke bħala Gvern irridu nagħfsu fuq il-valuri. Irridu nuru u nagħtu l-apprezzament tagħna lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tant sensittiv. Mhux hekk biss, imma rridu naraw kif noħolqu iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna.
Jien niftakar kont mort f’post fil-Perù fost nies mill-iktar foqra. F’dan ir-raħal tassew fqir kien hemm ħanut li kien ġab computer. Iż-żgħażagħ ta’ dak il-post bdew jaraw is-suċċess u l-ġid u l-ħajja mibdula minn fejn kienu jgħixu huma u bdew jirribellaw u jgħidu: Imma kif dawn għandhom dawn il-ħwejjeġ, il-computers, dak it-tip ta’ ikel, dak it-tip ta’ divertiment u ħruġ, u aħna le? Bdew jirribellaw u jirrabjaw u jgħidu: Għaliex aħna ngħixu f’din it-tbatija u dawn jgħixu f’dan il-lussu? Jien naħseb li f’dan il-pajjiż tant żgħir tagħna fejn kulħadd jaf lil xulxin irridu naraw li kull min għandu interess fiż-żgħażagħ tagħna ma nnaqqsulu l-ebda opportunità milli jkun jista’ jkompli javvanza u jagħmel suċċess fil-ħajja tiegħu. Jekk iż-żgħażagħ tagħna jkunu jippromettu u jistgħu jagħmlu suċċess fil-ħidma tagħhom fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, għandna ninkoraġġuhom.
Din il-liġi hija liġi li qiegħda twassal messaġġ u sinjal ċar lill-familji tagħna, b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Qegħdin inwasslu messaġġ ċar li dan il-Gvern qiegħed jemmen fiż-żgħażagħ tagħna. Aħna rridu nagħtu iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna, rridu naraw li ż-żgħażagħ ikomplu jirnexxu. Irridu nemmnu fiż-żgħażagħ tagħna. Irridu nafdaw liż-żgħażagħ tagħna. Irridu nemmnu li għandhom ikunu l-futur ta’ pajjiżna. Irridu li ż-żgħażagħ ikunu involuti u jagħtu s-sehem tagħhom fil-bidliet li jsiru f’pajjiżna. Irridu nkunu aħna, il-Gvern, li nħajruhom jersqu ‘l quddiem biex jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-policies għax aħna għandna fiduċja fihom. Meta tagħti fiduċja lil xi ħadd, u tgħidlu: “Ħa, din il-biċċa xogħol ħudha f’idejk, aħdimha u tini r-riżultat”, ikollok riżultati tajbin.
Sur President, aħna għaddejna minn żmien f’dan il-pajjiż – mhux qed ngħid gvern jew ieħor – fejn liż-żgħażagħ tagħna konna nibżgħu nagħtuhom il-ħabel biex imexxu, u meta bdejna nagħtuhom il-ħabel, indunajna li dawn huma nies kapaċi. Jiena nawgura li din il-liġi taħdem tajjeb biex verament inkunu qegħdin nagħtu l-aħjar li nistgħu liż-żgħażagħ tagħna. Imma rridu mmorru bl-ewwel argument li aħna nemmnu fihom, għandna fiduċja fihom u nħajruhom jingħaqdu ma’ dan il-Gvern f’dak kollu li nkunu qegħdin nagħmlu, għaliex huma importanti u huma jistgħu jagħtu sehem biex nagħmlu l-bidliet għall-aħjar għal pajjiżna. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Se tibqa’ in possession?
ONOR. SILVIO PARNIS: Le.
THE DEPUTY SPEAKER: Sar il-ħin. Nistieden lill-Onor. Stefan Buontempo biex, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.


Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə