Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə6/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
1   2   3   4   5   6   7   8

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB




BENEFIĊĊJI SOĊJALI – FONDI ALLOKATI
5154. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-benefiċċji soċjali li se jkun hemm ħtieġa ta' allokazzjoni addizzjonali għalihom sal-aħħar ta' din is-sena u liema se jkun hemm savings fuqhom? Kemm jammontaw dawn il-varjanzi f’kull każ?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: L-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

GĦAQDIET VOLONTARJI – RIFORMI
5159. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru taghti iktar informazzjoni dwar ir-riformi li qed tiddiskuti mal-għaqdiet volontarji dwar it-tqassim aħjar tal-benefiċċji soċjali? Tista' tgħid min huma dawn l-għaqdiet? Kif intgħażlu? Meta mistenni li jingħataw ir-rakkommandazzjonijiet dwar dawn it-taħdidiet?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.

PERSUNI F’RISKJU TA’ FAQAR - MIŻURI
5283. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru telenka l-miżuri monetarji li ħadet kemm ilha Ministru sabiex itejjeb id-dħul finanzjarju tal-persuni li huma f'riskju tal-faqar?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: L-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI – INGAĠĠ TA’ PERSUNI
5379. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5142 u tgħid kemm għandha persuni jaħdmu fis-segretarjat tagħha llum, min huma dawn il-persuni u x’karigi jokkupaw? Kemm minnhom ġejjin mis-servizz u mis-settur pubbliku u kemm minnhom ġejjin mill-privat? Liema huma dawk il-karigi li fihom kien hemm bidla ta’ persuni li jokkupawhom minn Marzu 2013 sal-lum?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Nitlob lill-Onor. Interpllant jirreferi għad-dokument Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats, li kopja tiegħu tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta numru 7, tal-15 t’April 2013. Sadanittant l-unika kariga li kien hemm bidla ta’ persuni hija ta’ Chief of Staff.

MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI - KONSULENTI
5380. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5143 u tgħid min huma u min kienu l-konsulenti tagħha u tas-Segretarju Parlamentari mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum? Fuq liema settur tingħata din il-konsulenza? Xi proċedura ntużat fl-ingaġġ tagħhom? Tista’ tippreżenta kopja tal-kuntratt ta' ingaġġ tal-istess konsulenti u, f'każ li kien hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, kopja tal-korrispondenza fuq l-istess bejn il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali (inkluż is-Segretarjat Parlamentari) u l-Ministeru tal-Finanzi? X’pakkett ta’ salarju u kundizzjonijiet għandhom jew kellhom dawn il-konsulenti?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: L-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

HOUSING ESTATE - MANUTENZJONI
6366. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tgħid jekk tiswijiet, fuq barra u li għandhom x'jaqsmu mal-istruttura tal-bini, ta' flats li jinsabu f'housing estates tal-Gvern hux responsabbli li jagħmilhom id-Dipartiment tas-Social Housing jew l-inkwilin?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar hi responsabbli għal tiswijiet f’dawk il-binjiet residenzjali li huma proprjetà tal-Awtorità tad-Djar u tal-Gvern. Tiswijiet tal-istruttura fuq barra tal-binja jinkludu dak kollu li jagħmel parti mill-komun, jiġifieri dawk il-partijiet li jiġu użati mir-residenti kollha tal-binja. Tiswijiet jinkludu tibdil ta’ struttura ta’ gallarijiet fejn dawn ikunu perikolużi kif ukoll tibdil ta’ kontrabejt, ġebel deterjorat f’ħitan ta’ opramorti, tronob tat-taraġ u ħitan ta’ parapetti fejn dawn ikunu komuni biss. Tiswijiet oħra li jsiru mill-Awtorità biss fuq bażi ta’ priorità, huma tikħil ta’ faċċati, tronob u opramorti.

ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA - TWAQQIF
6983. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar il-viżjoni tagħha għat-twaqqif taċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja u kif dawn se jkunu differenti miċ-Ċentri Aċċess?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: L-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA - SERVIZZI
6984. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk is-servizzi li sal-lum mhux jingħataw fil-pajjiż u se jibdew jingħataw għall-ewwel darba miċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: L-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA - SERVIZZI
6985. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk is-servizzi li sal-lum mhumiex aċċessibbli fil-komunitajiet u issa se jibdew jingħataw għall-ewwel darba miċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6984.

FTUĦ TA’ ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA
6986. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tgħid jekk hekk kif jiftħu ċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja hux se jingħalqu ċ-Ċentri Aċċess?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li l-viżjoni tal-proġett hija waħda li tagħmel użu mir-riżorsi eżistenti, iċ-ċentri tal-ACCESS se jkunu integrati f’Ċentri tal-Iżvilupp Reġjonali.

ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA - TMEXXIJA
6987. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tgħid jekk iċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja hux se jibqgħu jitmexxew mill-istess entità li tmexxi ċ-Ċentri Aċċess?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentri tar-rizorsi għall-familja se tkun il-fergħa operattiva taċ-ċentri għall-żvilupp soċjali li se tkun bħala forma ta’ żvilupp taċ-Ċentri tal-ACCESS (fejn ikunu jeżistu)/dawn se jkomplu jitmexxew mill-MFSS.

ĊENTRI TAR-RIŻORSI GĦALL-FAMILJA – ŻIEDA
6988. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa maħsub li jkun hawn Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja madwar Malta u Għawdex? Kemm se tkun iż-żieda fin-numru ta’ Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja meta mqabbel man-numru ta’ Ċentri Aċċess?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpllant li se jinfetħu sitt ċentri tal-Iżvilupp Reġjonali, wieħed f’kull reġjun. Il-ftuħ taċ-ċentri tar-Riżorsi tal-familja jiddependu mid-domanda li jkun hemm f’kull area. Filwaqt li għat-tieni parti tal-mistoqsija rreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 6986.

AWTORITÀ TAD-DJAR – KAŻ TA’ INDIVIDWU
7103. L-ONOR. SILVIO SCHEMBRI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex imur għandha l-perit tal-Awtorità tad-Djar għaliex allegatament qed issir ħsara strutturali fil-post tagħha minħabba attività ta’ terzi li joqogħdu f’appartament fuq tagħha?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-postijiet inkwestjoni huma tal-Privat u għalhekk m’hijiex policy tal-Awtorità tad-Djar li tibgħat periti tagħha sabiex jispezzjonaw proprjetà privata.
DETENTION CENTRES – IMPJEGATI TRASFERITI
3347. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jispjega xi proċedura ġiet adoperata biex ħames impjegati tad-detention services Għawdxin ġew impjegati mat-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex fl-aħħar ġranet?
ONOR. EMANUEL MALLIA (Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija skoretta.


IMMANIĠĠAR TAT-TRAFFIKU
3365. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jispjega għala qed ikun hemm sitwazzjoni xejn feliċi tal-immaniġġar tat-traffiku fin-naħa ta' isfel ta' Malta partikolarment il-Marsa ħdejn iċ-ċimiterju u l-Istamperija tal-Gvern kull filgħodu peress li qed ikun hemm konġestjonijiet mhux normali fl-inħawi ukoll ta' Ħal Qormi u Ħal Luqa? Jaf il-Ministru li t-Tlieta 25 ta’ Ġunju 2013 numru ta' studenti u għalliema waslu tard fi żmien l-eżamijiet fl-iskola sekondarja tal-bniet tal-Ħandaq minħabba t-traffiku? Peress li bħalissa normalment it-traffiku jibda jnaqqas għax l-iskejjel, inkluż istituzzjonijiet oħra bħall-Università, l-ITS u l-MCAST, waslu biex jispiċċaw, x’inhi r-raġuni li s-sitwazzjoni hi bħal ma tkun f’Ottubru meta jkunu reġgħu bdew l-iskejjel?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffiku ġewwa Malta kollha żdied b’ammont konsiderevoli minn Lulju tas-sena 2011 minn meta ġiet imnedija r-riforma fit-trasport pubbliku mill-Gvern preċedenti, liema riforma naqset milli taqdi l-ħtiġijiet tal-poplu Malti.
Minn studju tat-traffiku li sar dan l-aħħar fl-inkroċju bejn Vjal Santa Luċija u Vjal Sir Paul Boffa jirriżulta li l-konġestjonijiet tat-traffiku naqsu b’madwar terz. Dan kien possibbli bix-xogħol li sar minn dan il-Gvern billi nfetħet it-triq li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 li tilqa’ għat-traffiku li joriġina mill-inħawi tal-Kottonera, Xgħajra, Kalkara u partijiet minn Ħaż-Żabbar, Żejtun u Fgura u wkoll minħabba xogħol li sar fuq il-ħinijiet tat-traffic lights ta’ dan l-inkroċju.
Il-konġestjonijet li qed jinħolqu ġewwa Ħal Qormi huma minħabba l-vetturi kbar tal-ex Arriva li jridu jgħaddu mir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin sabiex jidħlu fil-Park and Ride ta’ Ħal Qormi hekk kif kien ġie ddisinjat u mibni mill-gvern preċedenti. Transport Malta ħejjiet proposta li ttejjeb kemm is-sigurtà kif ukoll tnaqqas mill-konġestjoni fuq ir-roundabout tas-Serkin.
KORP TAL-PULIZIJA – KĊINA GĦAL IKLIET UFFIĊJALI
3366. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jispjega kif l-Gvern tiegħu jgħid li hu pro-business u fl-istess waqt il-Ministeru għall-Intern jitħalla jorganizza ikliet uffiċjali u flok outside caterers iqabbad il-kċina tal-Korp tal-Pulizija?
ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern huwa kommess li jaħdem mas-settur privat kollu, u mhux parti minnu, fejn jagħti l-opportunità wiesgħa lil kull min irid jipprovdi servizzi. Barra minn hekk, lesti naħdmu wkoll ma' dipartimenti u NGOs biex kulħadd iħossu inkluż.

SERVIZZ TAS-SIGURTÀ – SCREENING U INTERVIEWS
3367. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx jaf li l-Ministru għall-Intern u l-Kap tas-Segretarjat tal-istess Ministru kienu qed ikunu preżenti għall-iscreening u jieħdu sehem fl-interviews tas-Servizz tas-Sigurtà?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Il-kwistjoni kollha ġiet diskussa f’ laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà li saret fit-2 ta’ Lulju 2013, fit-termini tal-liġi.

MALTA SECURITY SERVICE
3368. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ħa wara li sar magħruf li l-Ministru għall-Intern u l-Kap tas-Segretarjat tiegħu kienu qed ikunu involuti direttament fl-għażla ta' dawk li se jkunu fil-Malta Security Service?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3367.

SERVIZZ TA' SIGURTÀ
3370. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jaf il-Prim Ministru li mkien u f'ebda pajjiż demokratiku, inkluż fl-Ewropa, ma jkun hemm Ministru, iktar u iktar dak tal-Intern, li jkun involut direttament fit-tmexxija tas-Servizz ta' Sigurtà ta' dak il-pajjiż?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3367.

SPTAR MATER DEI – TESTIJIET TAD-DEMM
6500. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm fl-Isptar Mater Dei bejn Ottubru u Novembru 2013, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b’xahar?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: It-testijiet tad-demm li saru fl-Isptar Mater Dei bejn Ottubru u Novembru 2013 tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

ĊENTRI TAS-SAĦĦA – TESTIJIET TAD-DEMM
6501. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm f’kull ċentru tas-Saħħa bejn Ottubru u Novembru 2013, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Ninsab infurmat li l-figuri li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti huma ta’ nies li tteħdilhom id-demm iżda ħafna drabi kull individwu jkollu aktar minn test wieħed.
Infurmat ukoll li ma tinżammx statistika għal kull tip ta’ test li ttieħed, ħlief ta’ l-INR.

CT SCAN/MRI - TESTIJIET
6502. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet CT Scan, MRI jew testijiet simili, kategorija b`kategorija, bejn Ottubru u Novembru 2013, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Ninsab infurmat li testitjiet tas-CT Scan, MRI u oħrajn simili li saru f’Ottubru u Novembru 2013 huma kif imqassma għal kull kategorija fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

CT Scan/MRI - LISTA TA' STENNIJA
6503. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew għal CT Scan, MRI jew testijiet simili, kategorija b`kategorija, u meta hu l-aktar appuntament fil-bogħod?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

SPTAR MATER DEI – HOSPITAL ACTIVITY REPORT
6504. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-hospital activity report tal-Isptar Mater Dei għax-xahar ta’ Ottubru 2013?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Kopja tal-Hospital Activity Report għax-xahar t’Ottubru 2013 tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

SETTUR TAS-SAĦĦA – BENEFIĊĊJI GĦALL-ĦADDIEMA
6505. L-ONOR. CLAUDIO GRECH staqsa lill-Ministru għas-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa għandhomx xi benefiċċji marbutin mas-servizzi tas-saħħa (eż. mediċini b’xejn, prijorità fuq aċċess għas-servizzi eċċ.)? Jekk iva, jista’ jelenkahom fid-dettall u jgħid kif dawn huma regolati?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Ninsab infurmat li diversi ċirkolari ħarġu matul is-snin relatati ma’ kategoriji ta’ ħaddiema fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u l-intitolament ta’ mediċini b’xejn. L-aħħar ċirkolari, DH 375/13, ġiet maħruġa fit-12 ta’ Diċembru 2013 fejn il-Medicines Entitlement Unit fi ħdan id-Directorate for Pharmaceutical Affairs se jibda joħroġ dan it-tip ta’ intitolament (Kartuna Griża) fuq awtorizzazzjoni tad-Direttur/Kap Amministrattiv jew delegat awtorizzat minnhom.

Mediċini awtorizzati fuq dan it-tip ta’ intitolament huma dawk immarkati bħala pink positive fuq il-Formularju tal-Gvern u li ħa jintużaw f’każ ta’ mard jew korriment relatat max-xogħol.


IS-SWIEQI – ZUNTIER – BDIL TA’ PAVIMENTAR
6643. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5864, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx stima mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet ta' kemm jiġi jiswa dan ix-xogħol u jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li dan ix-xogħol jibda s-sena id-dieħla?
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari 5864.

BIRŻEBBUĠA – TRIQ GĦAR DALAM – SPEED CAMERAS
6644. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5865, fid-dawl ta' diversi inċidenti li sfortunatament saru f'din it-triq fejn l-aħħar wieħed kien fatali, jista’ l-Ministru jagħti prijorità għall-installazzjoni ta' speed cameras fi Triq Għar Dalam?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se timplimenta Vehicle Activated Sign fi Triq Għar Dalam bħala miżura sabiex jiġi kkontrollat sewqan eċċessiv li jista’ jsir f’din it-triq.

IS-SWIEQI – SKEMA TA’ PARKEĠĠ
6645. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5863, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Parking Management Policy ġdida se tiġi mnedija u meta se jibda u jagħlaq il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar din il-policy?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tibda l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati fil-jiem li ġejjin u sussegwentament titnieda l-polza l-ġdida.
SERVIZZ TAT-TRASPORT PUBBLIKU – ROTTA BEJN IS-SWIEQI U L-GŻIRA
6646. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5860, jista’ l-Ministru jgħid meta se jintlaħaq il-ftehim bejn il-Gvern u l-operatur tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi se jiġu diskussi mal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku meta dan jintgħażel wara l-proċess ta’ ħruġ t’espressjoni t’interess.

BORD TA’ TRANSPORT MALTA - MEMBRU
6647. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid jekk membru fil-Bord ta' Transport Malta huwiex wkoll shareholder kif wkoll direttur ta' kumpanija li tieħu ħsieb it-Theory Test Centre tal-Liċenzji fi ħdan l-istess Transport Malta? Jista’ jikkonferma li l-istess persuna kien involut f'audit li sar reċentement fuq is-sistemi tal-IT ta' Trasport Malta?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membru tal-Bord imsemmi minnu kien iddikjara l-interess tiegħu fil-kumpanija li tmexxi t-Theory Test Centre fl-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi ta’ Transport Malta. Infurmat ukoll li dan l-istees membru m’għadx għandu interess la bħala direttur u lanqas bħala shareholder fil-kumpanija msemmija.

ROAD MAINTENANCE UNIT
6648. L-ONOR. TONI BEZZINA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Peress li f'April li għadda l-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed iwaqqaf Road Maintenance Unit, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-unit ingħatatx il-backing staff neċessarju biex ħofor u ħsarat oħra f' diversi toroq jiġu rranġati b'mod immedjat però mhux iżjed tard minn 24 siegħa minn meta tinqala’ tali ħsara?

ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Maintenance Monitoring Unit twaqqfet sabiex tinnota u tiġbor rapporti tal-ħsarat relatati mat-toroq, liema rapporti jiġu mgħoddija lill-entitajiet rispettivi. Dawk il-ħsarat li jkun jeħtiegu intervent mhux daqshekk immedjat qiegħdin jiġu ndirizzati fl-anqas ħin possibli. Dawk meqjusa perikolużi, l-intervent isir fi żmien 24 siegħa b'kollaborazzjoni mal-Project Implementation Directorate, Transport Malta u l-MSD, jiddependi n-natura tax-xogħol.

MFA – FTEHIM IFFIRMAT
6809. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Football Association (MFA) fl-aħħar jiem jinkludix fih faċilitajiet li diġà nbeda x-xogħol fuqhom mill-amministrazzjoni preċedenti?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol): Ninsab infurmat li l-faċilitajiet li se jiġu ffinanzjati se jkunu proġetti fejn ix-xogħol fuqhom beda fi żmien l-amministrazzjoni preżenti.

FTEHIM BEJN IL-GVERN PREĊEDENTI U L-MFA – SOMMA ADDIZZJONALI
6810. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-11-il grawnd li għalihom hemm referenza fl-istqarrija maħruġa mid-DOI numru 2823 u jgħid ukoll jekk is-somma indikata mis-segretarju parlamentari fl-istess ftehim hija addizzjonali għal dak li kien miftiehem mill-amministrazzjoni preċedenti jew hija parti mill-istess somma li fuqhom kien hemm qbil bejn l-istess Malta Football Association (MFA) u l-Gvern preċedenti?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Rigward liema huma l-grawnds imsemmija fil-ftehim, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6808.
Peress li ma kien hemm l-ebda ftehim iffirmat bejn l-MFA u l-Gvern preċedenti, wieħed ma jistax jitkellem fuq somma addizzjonali jew jekk hijiex parti mill-istess somma.

FTEHIM BEJN IL-KMS U NAXXAR LIONS FC FUQ GRAWND TAL-FUTBOL
6811. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien ġie ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) u Naxxar Lions FC f’Ottubru 2012 b’rabta mal-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR - LISTA TA' DIRECT ORDERS
6911. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar: Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
ONOR. CHRIS CARDONA (Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar): L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti.

MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI - LISTA TA' DIRECT ORDERS
6912. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI - LISTA TA' DIRECT ORDERS
6913. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə