REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru .../...
XXX
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tat-Terra (E 553b) u tax-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u l-użu tax-Xellak (E 904) fuq bajd mhux imqaxxar
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel1, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(5) tiegħu,
Billi:
-
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.
-
Dik il-lista tista' tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel2.
-
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista' tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.
-
Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tat-Terra (E 553b) u tax-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u l-użu tax-Xellak (E 904) fuq bajd mhux imqaxxar, u saret disponibbli għall-Istati Membri.
-
Meta użati fuq wiċċ il-bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar, l-addittivi tal-ikel Terra (E 553b), Xama' tal-Karnawba (E 903) u Xellak (E 904) jistgħu jżejnu billi joħolqu effett xi ftit jew wisq ta' tlellix. Barra minn hekk, ix-Xellak (E 904) jista' jikkontribwixxi għal preservazzjoni aħjar tal-bajd mgħolli kollu li mhux imqaxxar meta jintuża fuq il-wiċċ tiegħu.
-
Dawk l-additivi tal-ikel mhumiex mistennija li jippenetraw fil-parti ġewwinija edibbli tal-bajda minħabba l-insolubbiltà tagħhom u l-piż molekulari għoli tagħhom. L-użu ta' dawn l-addittivi tal-ikel x'aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem peress li x-xama' tagħhom tibqa' fuq il-qoxra tal-bajda. Għalhekk huwa xieraq li t-Terra (E 553b) u x-Xama' tal-Karnawba (E 903) jitħallew jintużaw fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar, u x-Xellak (E 904) jitħalla jintuża fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar kemm ikkulurit kif ukoll mhux ikkulurit.
-
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x'aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem.Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tat-Terra (E 553b), ix-Xama' tal-Karnawba (E 903) u x-Xellak (E 904) fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma tħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
-
Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta' Novembru 2011 li jemendaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxu lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel3, l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvata għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu, japplika mill-1 ta' Ġunju 2013. Sabiex jitħalla l-użu tat-Terra (E 553b) u x-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq il-bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u x-Xellak (E 904) fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar qabel dik id-data, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata data aktar kmieni tal-applikazzjoni fir-rigward ta' dawk l-addittivi tal-ikel.
-
Il-miżuri sabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiddaħħlu dawn l-entrati li ġejjin fil-kategorija tal-ikel 10.2 "Bajd u prodotti tal-bajd ipproċessati" wara l-entrata għall-E 520-523:
"
|
E 553b
|
Terra
|
5 400
|
|
fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar
|
Il-perjodu tal-applikazzjoni:
Minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]
|
|
E 903
|
Xama' tal-Karnawba
|
3 600
|
|
fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar
|
Il-perjodu tal-applikazzjoni:
Minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]
|
|
E 904
|
Xellak
|
quantum satis
|
|
fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli mhux imqaxxar
|
Il-perjodu tal-applikazzjoni:
Minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]
|
"
MT MT
Dostları ilə paylaş: |