Interruzzjoni tal-udjenzi minħabba l-attentat kontra l-Papa tat-13 ta’ Mejju



Yüklə 52 Kb.
tarix12.10.2018
ölçüsü52 Kb.
#73303

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI
L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru 1981

[Interruzzjoni tal-udjenzi minħabba l-attentat kontra l-Papa tat-13 ta’ Mejju]



Il-kliem tad-“djalogu mas-Saduċej” essenzjali għat-tejoloġija tal-ġisem

1. Nerġgħu llum naqbdu, wara pawsa pjuttost twila, il-meditazzjonijiet li ilhom isiru għal xi żmien u li aħna ddefinejna riflessjonijiet dwar it-tejoloġija tal-ġisem..

Fil-kontinwazzjoni, ikun tajjeb, din id-darba, li nmorru fuq il-kliem tal-Vanġelu, li fih Kristu jagħmel referenza għall-qawmien mill-imwiet: kliem li għandu mportanza fundamentali biex nifhmu ż-żwieġ fis-sens nisrani u wkoll “iċ-ċaħda” għall-ħajja konjugali “għas-saltna tas-sema”.

Il-każistika kkumplikata tat-Testment il-Qadim fil-qasam matrimonjali mhux biss jimbotta lill-Fariżej biex jersqu fuq Ġesù ħalli jressqulu l-problema tal-indissolubiltà taż-żwieġ (cf. Mt19,3-9; Mk 10,2-12) imma wkoll, għal darb’oħra, lis-Saduċej biex jistaqsuh dwar il-liġi tal-hekk imsejjaħ levirat (din il-liġi, li tinsab fid-Dt 25,7-10, tirrigwarda l-aħwa li kieni jgħixu taħt l-istess saqaf. Jekk wieħed minnhom kien imut bla ma jħalli wlied, ħu l-mejjet kellu jieħu b’martu l-armla tal-mejjet. It-tarbija li kienet titwieled minn dan iż-żwieġ kien ikun magħruf bħala bin il-mejjet, sabiex ma tinqeridx id-dixxendenza tiegħu u tkun ikkunservata fil-familja l-eredità [cf. Dt 3,9-4,12]). Tali djalogu huwa rrappurtat b’mod konkordanti mill-evanġelisti sinottiċi (cf. Mt 22,24-30; Mk 12,18-27; Lq 20,27-40). Għalkemm it-tlieta li huma l-verżjonijiet huma kważi identiċi, madankollu ninnutaw bejniethom xi differenzi żgħar, imma fl-istess ħin, sinifikattivi. Minħabba li d-djalogu huwa riferut fi tliet verżjonijiet, dawk ta’ Mattew, Marku u Luqa, jitlob analiżi iktar profonda, minħabba li fih kontenuti li għandhom sinifikat essenzjali għat-tejoloġija tal-ġisem.

Ħdejn iż-żewġ djalogi importanti l-oħra, jiġifieri: dak li fih Kristu jagħmel referenza għall-“bidu” (cf. Mt 19,3-9; Mk 10,2-12), u l-ieħor li fih jagħmel referenza għall-intimità tal-bniedem (għall-“qalb”), waqt li jindika x-xewqa u l-konkupixxenza tal-ġisem bħala sors tad-dnub (cf.Mt 5,27-32), id-djalogu li qegħdin nipproponu issa biex nissottomettu għal analiżi, jikkostitwixxi, jkolli ngħid, it-tielet element tat-trittiku tal-espressjonijiet ta’ Kristu nnifsu: trittiku ta’ kliem essenzjali u kostituttivi għat-tejoloġija tal-ġisem. F’dan id-djalogu Ġesù jalludi għall-qawmien mill-imwiet, waqt li hekk jiżvela dimensjoni kompletament ġdida tal-misteru tal-bniedem.

2. Ir-rivelazzjoni ta’ din id-dimensjoni tal-ġisem, stupenda fil-kontenut tagħha - u għalkemm avolja marbuta mal-Vanġelu moqri fit-totalità u sal-aħħar - toħroġ fid-djalogu mas-Saduċej, “li jiddikjaraw li mhemmx qawmien mill-imwiet” (1); huma ġew għand Kristu biex jesponulu argument li - skond il-fehma tagħhom - jwettaq ir-raġun tal-pożizzjoni tagħhom. Tali argument kellu jikkontradixxi “l-ipotesi tal-qawmien mill-imwiet”. Ir-raġunament tas-Saduċej huwa dan li ġej: “Mgħallem, Mosè ħallilna miktub li jekk imut l-ewwel fost l-aħwa u jħalli mara bla tfal, ħuh irid jieħu lil martu biex inissel dixxendenti għal ħuh” (Mk 12,19). Is-Saducej hawn jagħmlu referenza għall-hekk imsejħa liġi tal-levirat (cf. Dt25,5-10), u waqt li jorbtuha mal-preskrizzjoni ta’ din il-liġi antika, jippreżentaw il-“każ” li ġej: “Kien hemm sebat aħwa: l-ewwel fosthom iżżewweġ u miet bla ma ħalla dixxendenza; allura l-mara żżewwiġha t-tieni, imma miet mingħajr ma ħalla dixxendenza; u t-tielet l-istess, u ħadd mis-sebgħa ma ħalla dixxendenza. Fl-aħħar warajhom kollha mietet ukoll il-mara. Fil-qawmien mill-imwiet, meta jqumu, ta’ min minnhom tkun il-mara? La darba hija kienet il-mara tas-sebgħa kollha” (Mk 12,20-23. Is-Saduċej, waqt li daru lejn Ġesù għal “każ” purament tejoriku, attakkaw fl-istess ħin il-konċezzjoni primittiva tal-Fariżej dwar il-ħajja wara l-qawmien mill-imwiet tal-iġsma; jinsinwaw infatti li l-fidi fil-qawmien mill-imwiet tal-iġsma twassal biex wieħed jammetti l-poliamdria, kontrastanti mal-liġi ta’ Alla).

3. It-tweġiba ta’ Kristu hija waħda mit-tweġibiet ewlenin tal-Vanġelu, li fiha tiġi rivelata - appuntu biex nibdew mir-raġonimenti purament umani u f’kuntrast magħhom - dimensjoni oħra tal-kwistjoni, jiġifieri dik li tikkorrispondi mal-għerf u mal-qawwa ta’ Alla nnifsu. B’mod analogu, per eżempju, kien ġie ppreżentat il-każ tal-munita tat-taxxa bl-immaġni ta’ Ċesare u tar-rapport korrett bejn dak li fl-ambitu tal-awtorità huwa divin u dak li hu uman (“ta’ Ċesare”) (cf. Mt 22,15-22). Din id-darba Ġesù jwieġeb hekk: “Mhuwiex intom forsi li tinsabu fl-iżball mill-waqt li ma tafux l-Iskritturi, lanqas il-qawwa ta’ Alla? Meta jqumu l-mejtin, infatti, la jieħdu mara u lanqas raġel, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet” (Mk 12,24-25). Din hija t-tweġiba fundamentali tal-“każ”, jiġifieri għall-problema li hija hemm miġbura. Kristu, waqt li għaraf il-konċezzjonijiet tas-Saduċej, u waqt li ntuwixxa l-intenzjonijiet awtentiċi tagħhom, wara, dan jerġà jaqbad il-problema tal-possibiltà tal-qawmien mill-imwiet, miċħuda mis-Saduċej infushom: “Imbagħad, fir-rigward tal-mejtin li għandhom iqumu, ma qrajtux fil-ktieb ta’ Mosè, fir-rigward tas-siġra taqbad, kif Alla kellmu waqt li qallu: Jien Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb? Mhux Alla tal-mejtin, imma Alla tal-ħajjin” (Mk 12,26-27). Kif qegħdin taraw, Kristu jikkwota l-istess Mosè li għalih għamlu referenza s-Saduċej, u jispiċċa billi jiddikjara: Intom tinsabu fi żball kbir” (Mc 12,27).

4. Din id-dikjarazzjoni konklussiva, Kristu jtenniha wkoll għal darb’oħra. Infatti l-ewwel darba ippronunzjaha fil-bidu tal-ispjega tiegħu. Allura qal: “intom tqarrqu bikom infuskom, billi la tafu l-Iskritturi, linqas il-qawwa ta’ Alla”: hekk naqraw f’Mattew?” (Mc 12,24). Imma, l-istess tweġiba ta’ Kristu, fil-verżjoni ta’ Luqa (Lq20,27-36), hija nieqsa minn aċcent polemiku, ta’ dak il- “tinsabu fi żball kbir”. Mill-banda l-oħra huwa jipproklama l-istess ħaġa għaliex jintroduċi fit-tweġiba xi elementi li la jinsabu f’Mattew u linqas f’Marku. Dan huwa t-test: “Ġesù wieġeb: ulied din id-dinja jieħdu mara u jieħdu raġel; imma dawk li jitqiesu denji tad-dinja l-oħra u tal-qawmien mill-imwiet, la jieħdu mara u linqas raġel: u linqas ma jistgħu jmutu iktar, għaliex huma ugwali għall-anġli u, billi huma ulied il-qawmien mill-imwiet, huma ulied Alla” (Lc 20,34-36). Rigward il-possibiltà stess tal-qawmien mill-imwiet, Luqa - bħaż-żewġ sinottiċi l-oħra - jirreferi għal Mosè, jew aħjar għall-pass mill-Ktieb tal-Esodu 3,2-6, li infatti fih jirrakkonta li l-leġislatur il-kbir tal-Allejanza Antika kien samà mis-siġra taqbad, li “kienet tħeġġeġ fin-nirien u ma tikkunsmax ruħha”, il-kliem li ġej: “Jiena Alla ta’ missierek, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb” (Es 3,6). Fl-istess post, meta Mosè kien staqsa l-isem ta’ Alla, kien samà t-tweġiba: “Jien jien dak li jien” (Es 3,14).



Hekk mela, waqt li tkellem dwar il-futur qawmien mill-imwiet tal-iġsma, Kristu jagħmel referenza għall-qawwa stess ta’ Alla ħaj. ‘Il quddiem irridu nikkunsidraw b’mod iktar dettaljat dan l-argument.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >
Yüklə 52 Kb.

Dostları ilə paylaş:




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə