Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə1/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
  1   2   3   4   5   6   7   8
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI


MALTA
DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI

(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IT-TNAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru. 111


L-Erbgħa, 22 ta’ Jannar, 2014

Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50

IT-TNAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru. 111

L-Erbgħa, 22 ta’ Jannar, 2014

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.00 p.m.

Talba

Seduta Nru. 111

It-Tlieta, 22 ta’ Jannar, 2014


WERREJ


MINUTI 4

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 4

RULING 9

TQEGĦID TA’ KARTI 11

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 12

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROFESSJONI TAX-XOGĦOL MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 12

YOUTH WORK PROFESSION BILL 12

AĠĠORNAMENT 28



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 33


MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 110 li saret fil-21 ta’ Jannar, 2014 ġew ikkonfermati.

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI




MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI - INGAĠĠ TA' KONSULENT
1209. L-ONOR. FREDERICK AZZOPARDI (f’isem l-Onor. Charlò Bonnici) staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista' l-Ministru tgħid f'liema taqsima tal-ministeru tagħha ġie ngaġġat bħala konsulent l-individwu - li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament - u xi kwalifiki għandu? Tista' tpoġġi s-CV tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Saret sejħa biex jiġi magħżul dan il-konsulent? Xi ħlas u kondizzjonijiet oħra hemm marbuta ma' din il-konsulenza? Dan il-konsulent jista' jkompli bix-xogħol privat tiegħu?
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA (Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ngħatat kuntratt temporanju ta’ tliet xhur, mit-28 ta Marzu sal-aħħar ta Ġunju biex jagħti konsulenza l-ministeru marbuta ma servizzi notarili. Il-persuna msemmija kwalifikata fid-Dottorat tal-Ligi. Il-ħlas marbut ma’ din il-konsulenza huwa ta mhux aktar minn 20 siegħa fil-gimgħa bi ħlas ta €23 kull siegħa (inkluż VAT), iżda ma jistax jaqbeż l-ammont ta’ €5,980 tul il-kuntratt kollu. Tajjeb jingħad ukoll li l-persuna indikata ħadmet ferm aktar sigħat minn dak mitluba fil-kuntratt u għadha tagħti sigħat ta’ xogħol.
DJAR RESIDENZJALI - FAĊILITAJIET SANITARJI
4130. L-ONOR. CARMELO ABELA (f’isem l-Onor. Deo Debattista) staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn allokazzjonijiet residenzjali li m’għandhomx faċilitajiet sanitarji adegwati għaż-żminijiet li ngħixu fihom illum? X’beħsiebu jagħmel il-Gvern sabiex jgħin lil dawn l-individwi?

ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha 19-il applikazzjoni li m’għandhomx faċilitajiet sanitarji adegwati għaż-żminijiet li ngħixu fihom illum. L-Awtorità diġà toffri skemi sabiex tgħin lill-inkwilini jew sidien jagħmlu rranġar u titjib fir-residenza tagħhom jew mikrija lilhom biex ir-residenza tagħhom tiġi abitabbli.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Peress li anke f’din il-Kamra kemm-il darba qam is-suġġett ta’ social housing u d-diffikultajiet li hawn biex wieħed jakkomoda iktar minn 3,000 applikazzjoni f’dan ir-rigward, tista’ l-Ministru tgħidilna ftit x’qed isir bħalissa? Qed ngħid dan anke għax f’dawn l-aħħar jiem fil-media smajna dwar xi sejħa li saret mill-istess Awtorità tad-Djar. Forsi l-Ministru tista’ tinforma ftit lill-Kamra dwar dan.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Nirringrazzja lill-Onor. Abela ta’ din l-opportunità li nkomplu nispjegaw x’ħabbarna lbieraħ. Wara dawn ix-xhur tajna ħarsa tajba lejn x’assi jista’ għandha l-Awtorità u dan ukoll fix-xenarju tal-fatt li sibna Awtorità li hija f’deficit ta’ numru ta’ miljuni. L-issue tal-istabbiltà finanzjarja ta’ din l-Awtorità hija importanti għaliex esperti finanzjarji qalulna li kieku din kienet kumpanija privata kienet tagħlaq in-negozju tagħha u tieqaf. Ovvjament dan il-Gvern żgur li mhux se jikkontempla dan, anzi jrid jara kif jagħmel ħalli jagħti saqaf deċenti, dar deċenti, housing unit soċjali deċenti lil kull min hu vulnerabbli. Allura lbieraħ ħabbarna u għamilna stedina lis-settur privat biex jersaq ‘il quddiem b’ideat kreattivi u innovattivi ta’ kif jista’ jaħdem mal-Awtorità tad-Djar. Naturalment l-Awtorità se tkun qed tikkonsidra kwalukwe idea ta’ kif nistgħu nkunu sostenibbli fl-approaches tagħna għas-soluzzjoni u l-indirizzar ta’ din il-lista twila li llum qed tlaħħaq 3,300 applikant.
Fil-ġimgħat li ġejjin ukoll se nibdew eżerċizzju ta’ profiling tal-applikanti kollha. Qabel, l-applikazzjonijiet kienu jiġu skrutinizzati biss mill-eliġibbiltà finanzjarja. Qed insibu ħafna każijiet fejn filwaqt li jekk tikkonsidra lill-persuna jew lill-familja minn aspett finanzjarju, tgħid din mhijiex eliġibbli għax għandha dħul ta’ ċertu ammont, imma meta mbagħad tindaga u tagħmel assessment soċjali tiskopri li din il-familja għandha bżonn tassew l-għajnuna, u se nagħti eżempju. Sa dalgħodu stess kellna każ ta’ mara separata b’erbat itfal li d-dħul tagħha ġej minn impjieg full-time. Dan mhuwiex impjieg ta’ xi eluf kbar. Nista’ ngħid li huwa impjieg ta’ nursing aide, jiġifieri wieħed jaf bejn wieħed u ieħor x’income iddaħħal, imma għandha erbat itfal li huma dipendenti fuqha u wild minnhom hija single mother u allura wkoll għandha l-piż tat-tarbija. Jiġifieri qed nitkellmu fuq familja fejn hemm sitt membri, kulħadd qed jiekol mill-istess income limitat u qegħdin iħallsu €312 kera fix-xahar.
Meta tnaqqas minn dan l-ammont ta’ dħul minn dan l-impjieg full-time it-€312 u naturalment jekk tħares imbagħad iktar lejn spejjeż ta’ dawl u ilma, tiskopri li hawnhekk għandna familja li qed tgħix taħt il-linja tal-povertà, għax lanqas għandhom biżżejjed biex jieklu. Jekk aħna l-housing soċjali nibqgħu nħarsu lejh kif kienu jħarsu lejh qabel, allura qatt m’aħna se nagħmlu ġustizzja ma’ min tassew għandu bżonn. Għaldaqstant issa daħħalna u se nibdew dan l-eżerċizzju li qed ngħidulu profiling ħalli nkunu nistgħu nindagaw sewwa dwar is-sitwazzjoni soċjali proprja tal-familja, mhux biss għaliex irridu nassessjaw biex naraw l-eliġibbiltà u biex inkunu nistgħu nagħmlu prijoritizzazzjoni tal-każijiet li għandna, imma wkoll biex fil-proċess ta’ dan l-eżerċizzju, l-applikazzjoni tas-social housing inkunu qegħdin nużawha wkoll qisha bħal opportunità ħalli nindagaw fuq il-kawża proprja tal-problema. Aħna nafu li ġieli l-issue ta’ social housing tista’ tkun ġejja minn każi fejn għandek breakdown ta’ relazzjoni, għandek separazzjoni u għandek single parent family.
Jista’ jkun li l-issue ta’ social housing tiġi minħabba problema, pereżempju, ta’ saħħa mentali, fejn jieqaf id-dħul minn gainful occupation u tispiċċa fuq il-benefiċċji u ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-piż tal-kera. Jekk niskopru li għandna familja fejn hemm problema ta’ saħħa mentali u hemm bżonn l-għajnuna f’dak ir-rigward, ikun id-dmir tagħna wkoll, bħala ministeru, li nirreferu lil dik il-familja għal dik it-tip ta’ għajnuna. Jista’ jagħti l-każ li niskopru tfal li minħabba l-problema ta’ saħħa mentali qed ikunu traskurati u mhumiex qed imorru l-iskola, allura tista’ tiskatta problema ta’ assenteiżmu. Hemmhekk, permezz tal-applikazzjoni tas-social housing, inkunu nistgħu nirreferu wkoll għall-għajnuna lil dawk it-tfal biex nerġgħu ningranawhom fis-sistema edukattiva. Dan huwa eżerċizzju very labour intensive imma rridu nagħmluh, għaliex inkella nkunu qed immissu biss il-wiċċ tal-problema.
Aħna m’aħniex qegħdin nagħmlu policies li jkunu fiergħa li mmissu l-wiċċ biss tal-problema. Jekk aħna tassew irridu nkunu responsabbli, irridu nidħlu fil-fond tal-problemi u nindirizzaw il-kawżi. Qegħdin nagħżlu triq li nidħlu fi sħab kif jixraq mal-privat. Ma rridux nagħżlu t-triq il-faċli, kif sar sfortunatament mill-amministrazzjoni preċedenti, meta qisu f’sitwazzjoni ta’ kriżi – għax hekk ikolli niddeskriviha – l-Awtoritá qabdet kriet bl-addoċċ 400 unit mingħand il-privat mingħajr ma ħarset lejn is-sostenibbiltà finanzjarja. Dawn l-400 unit inkrew, bejn wieħed u ieħor €375 għal €400 fix-xahar għal għaxar snin biss li ġew allokati lill-familji vulnerabbli b’income baxx, familji ħafna minnhom bit-tfal żgħar. Issa l-Awtorità qiegħda toħroġ bejn €300 u €325 fix-xahar għal kull appartament għall-għaxar snin li ġejjin, ammont li se jaqbeż sew it-€12-il miljun.
Dan ifisser li we have to cater għal dak il-commitment li sar qabel, imma agħar minn hekk ukoll, għandna s-sitwazzjoni fejn għandna 400 familja li uħud minnhom, within seven years time - għax ilu mikri għandhom diġà tliet snin - irridu nsibulhom l-alternattivi. Dan għaliex it-tip ta’ ftehim li sar mal-privat hu li jista’ jingħata lok li jkun ikkonsidrat li dawn il-familji jingħataw l-opportunità li jixtru, imma hawn qegħdin nitkellmu fuq familji vulnerabbli b’income baxx, uħud minnhom anke huma low skilled. Jiġifieri anke l-potenzjal tax-xogħol li jistgħu jsibu dawn se jibqa’ f’dik il-kategorija, u dawn qatt mhuma se jkunu f’qagħda li jixtru b’rati kummerċjali ta’ ċertu tip. Wieħed irid jgħid ukoll li dawn huma units li wħud minnhom qegħdin on the high end ta’ dik li hija proprjetà.
Għalhekk wieħed jistenna li min bniehom, min irranġahom, irid jitħallas kif inhu xieraq għalihom, għax aħna nagħrfu li l-privat irid jieħu l-profitt ġust tiegħu, u allura hemmhekk żgur se jkollna sitwazzjoni fejn se jkollna madwar 400 familja li rridu naraw x’se nagħmlu wkoll bihom. Dawn apparti t-3,300 li għandna fuq il-lista sal-lum. L-inkwiet tagħna huwa wkoll wieħed ta’ ċertu impatt soċjali. Għandek tfal żgħar li daħlu f’dawn il-units, daħlu f’dawn l-irħula, dawn għamlu n-network soċjali tagħhom, bnew ħbiberiji, u jekk se jkollhom jinqalgħu minn dawn il-units u jiġu allokati x’imkien ieħor, jiena kważi kważi ngħidilhom displaced, se jkollhom ċertu impatt għax ikunu jridu jerġgħu jibdew jibnu n-network soċjali tagħhom. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Skużani, Onor. Ministru. L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Filwaqt li napprezza dak kollu li qed tgħid l-Onor. Ministru, peress li dan huwa question time u mhux lecture time, nippretendi li żżomm mal-mistoqsija li saritilha u tkun konċiża kif diġà ġie deċiż mill-iSpeaker, inkella qegħdin nilagħbu biex nirredikolaw dan il-Parlament għax forsi hemm xi mistoqsija li n-naħa tal-Gvern ma tridx li l-Oppożizzjoni tagħmlilha llum!
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Pullicino, kif taf il-Kamra kollha, hemm anke deċiżjoni tal-iSpeaker li tgħid li r-risposta m’għandhiex tkun fit-tul. In-natura tad-domanda li għamel l-Onor. Carmelo Abela qed tippermetti li jkun hemm ċertu tul, però lanqas jien mhu se nippermetti li r-risposta għad-domanda tibqa’ sejra għal dejjem! Dik hija l-pożizzjoni tas-Sedja. (Interruzzjonijiet)
Il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca, on a point of order.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Jiena, Sur President, nitolbok titlob lill-Onor. Pullicino jirtira dak li qal għaliex jiena qatt ma ġejt hawnhekk biex nirredikola l-Parlament. Jien ġejt mistoqsija a blanket question.
ONOR. JOE MIZZI (Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura): Dik mhijiex aċċettata fil-Parlament!
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Għalija din hija offiża personali u offiża lil dan il-Parlament u lill-parlamentari serji u responsabbli li għandu dan il-pajjiż. Jien hawn ġew qatt ma ġejt biex nirredikola l-Parlament. Jekk inti lili twaqqafni jfisser li tajtni giljottina għaliex it-tip ta’ mistoqsija li kelli hija biex nispjega l-Awtorità illum x’qed tagħmel. Però li xi ħadd jgħidli li jien qed nuża l-ħin tal-Parlament biex nirredikola l-Parlament jew nevita sempliċi mistoqsja li ma rridx inweġibha, bir-rispett kollu dan huwa diskors li għandu jiġi rtirat. Hawnhekk nitlob il-protezzjoni tiegħek, Sur President, f’ġieħ din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna!
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Ministru, is-Sedja qiegħda hawnhekk biex tipproteġi kull membru ta’ din il-Kamra miż-żewġ naħat tal-Kamra.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Anke l-ġieħ tal-Kamra.
THE DEPUTY SPEAKER: Anke l-ġieħ tal-Kamra! Issa l-ġieħ tal-Kamra jinżamm b’kull ħaġa li kull wieħed minna jagħmel hawn ġew. Jiena ma waqqaftekx, kif taf inti, għaliex id-domanda li għamel l-Onor. Abela kienet ta’ ċertu tip. Fl-istess ħin nippretendi wkoll li ma nibqgħux inkaxkru ħafna għaliex hemm ukoll deċiżjoni tas-Sedja li tgħid li hemm limitazzjoni. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Joe Mizzi, on a point of order.
ONOR. JOE MIZZI: Forsi s-Sedja ma ndunatx li d-Deputat implika xi ħaġa li skont l-iStanding Orders ma tistax timputaha, li f’dan il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, qisna qed niżżufjettaw. Dik mhijiex aċċettabbli, u taf li skont ir-regolamenti mhijiex aċċettabbli u għalhekk ġbidtlek l-attenzjoni. L-Onor. kollega bir-raġun qed titlob li dak li ntqal jiġi rtirat, u jekk ma jiġix irtirat, imbagħad nitolbok li tinnejmjah. Jiena qed inkun raġjonevoli u nitlob biex dak li qal jirtirah. Jekk ma jirtirahx, se nitolbok biex tinnejmjah.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi, il-proċedura ta’ din il-Kamra tafha daqsi. (Interruzzjonijiet) Onor. Mizzi, inti taf daqsi li t-twerżiq min-naħa għall-oħra tal-Kamra mhuwiex il-mod kif jitqajmu l-affarijiet! Il-Ministru Coleiro Preca għamlet punt, issa qed tagħmel punt ieħor inti wkoll, u jiena se nitlob lill-Onor. Pullicino jintervjeni ħalli nara x’inhi r-reazzjoni tiegħu. L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Sur President, nitolbok tisma’ r-recording biex tisma’ preċiż dak li għedt jien. Il-verb li wżajt kien ċarissimu, kien fil-kollettiv. Jiena għedt: “Inkella qegħdin nilagħbu biex nirredikolaw dan il-Parlament”. Sur President, ħalli nagħmilha ċara, mhux biss hija n-naħa tal-Gvern li tista’ tirredikola l-Kamra, imma wkoll azzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni. Imma ġaladarba diġà hemm ċar u tond deċiżjoni ċarissima min-naħa tal-iSpeaker għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tul ta’ tweġibiet li jkun hemm, nirrepeti li huwa dritt ukoll ta’ din in-naħa li l-ħin tagħna u ta’ kulħadd jiġi utilizzat kif jitolbu d-deċiżjonijiet tal-iSpeaker u l-iStanding Orders tal-Kamra u t-tweġibiet ikunu għall-mistoqsijiet li jkun hemm u ma jkollniex lectures fuq sempliċement mistoqsijiet.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Joe Mizzi, on a point of order.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, issa hawnhekk l-implikazzjoni qiegħda iktar agħar, għax minflok ministru biss issa hawn implikati l-membri tal-Kamra kollha! Jiena tlabt .... (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Dan mhuwiex point of order.
ONOR. JOE MIZZI: X’mhux point of order! Meta nitlob point of order naf x’jien nagħmel! Mhux se tgħallimni int! Mhux inti tiddeċiedi jekk huwiex point of order imma l-iSpeaker!
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi u Membri kollha ta’ din il-Kamra, nerġà ngħid li l-point of order u l-mod ta’ kif naġixxu f’din il-Kamra ma jkollhom l-ebda aktar enfasi bit-twerżiq! Kompli bil-point of order tiegħek.
ONOR. JOE MIZZI: Jien għandi dritt nitkellem u dak huwa l-istil tiegħi kif nitkellem, però ma nigdibx u dan huwa importanti f’din il-Kamra. Li ma nipprovax nintimida lil xi ħadd huwa importanti. L-istil tiegħi kif nitkellem kulħadd jafu! Mr Speaker, l-Onor. Membru issa implika ... (Interruzjonijiet)
ONOR. DAVID AGIUS: Point of order, Sur President, u nitolbok tagħti ruling.
DEPUTY SPEAKER: Hija s-Sedja li tiddeċiedi fuq point of order, Onor. Agius. Ikompli l-Ministru Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: L-Onor. Kollega implika, issa mhux fis-singular, imma fil-plural, lill-Membri ta’ din il-Kamra. L-Onor. kollega talbek biex tisma’ r-recording u jiena nitolbok tisma’ r-recording, u la ma rtirahiex, allura nitolbok biex tinnejmjah. Isma’ r-recording, ara ftit l-affarijiet biex tiddeċiedi u qed nitolbok ruling. Għandi dritt nitlob ruling, u qed nitlob ruling lis-Sedja.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Il-poplu - mhux aħna f’dawn il-bankijiet tal-Oppożizzjoni - naħseb jixraqlu aħjar. Diġà kellna sitwazzjoni fejn kellna talba għal Ksur ta’ Privileġġ fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Issa kellna dan kollu għaliex l-Onor. Pullicino talab li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari tkun suċċinta u konċiża u mhux wieħed itawwal inutilment u għax għamel kumment ġeneriku li jista’ jinstema’ fuq ir-recording jekk hemm bżonn. Allura qegħdin ngħidu li l-privileġġ li kull deputat ta’ din il-Kamra jgawdi minnu, ta’ libertà tal-espressjoni ......
Hawnhekk l-Onor. Joe Mizzi qed jallega li l-libertà tal-espressjoni ma ġietx abbużata mill-Onor. Marie Louise Coleiro Preca għaliex forsi tawlet fir-risposta tagħha, però l-użu tal-privileġġ li jgawdu minnu kull membru ta’ din il-Kamra ġie abbużat mill-Onor. Pullicino! Ara kif nipprovaw indawru l-affarijiet f’din il-Kamra! L-appell tiegħi huwa għall-kalma f’din il-Kamra għaliex ma naħsibx li qegħdin nagħmlu ġieħ, mhux lilna nfusna, Sur President, imma lill-poplu hemm barra li qed jismagħna, lil dawn il-ġurnalisti li qegħdin hawnhekk u li jirrappurtaw dak li ngħidu u li għada għandhom il-qarrejja u l-udjenzi tagħhom.
Fl-elezzjoni ġenerali dejjem nisimgħu li l-poplu jixraqlu aħjar, u naħseb li verament il-poplu jixraqlu aħjar. Meta niġu hawnhekk noqogħdu ntawlu inutilment biex inwieġbu mistoqsija parlamentari u għaliex l-Onor. Pullicino jgħaddi kumment dwar dan it-tul, nallegaw li dan huwa ksur tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni li teżisti f’kull demokrazija parlamentari. Jien hawnhekk flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni qegħdin nassoċjaw ruħna mal-kummenti li għadu kemm għadda l-Onor. Pullicino u, jekk jixtieq, il-Ministru Mizzi jista’ jżomm lilna kollha responsabbli talli aħna qegħdin mhux niksru d-dritt ta’ privileġġ, imma talli aħna qegħdin neżerċitaw id-dritt tal-espressjoni tagħna.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, jiena jiddispjaċini niġi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u l-Oppożizzjoni tabbuża mid-demokrazija bħalma diġà għamlet. L-Oppożizzjoni taf illi d-drittijiet tagħha mhux qed jiġu miċħuda, imma xi ħadd min-naħa tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Ministru Coleiro Preca li qed tiġi tiżżufjetta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta jafu li hemm ir-regolamenti ċari li ma tistax takkuża b’dan il-mod lil xi ħadd li qed jagħmel xogħlu u dmiru fil-Parlament. Tajba! Jiġifieri qed tinterferi max-xogħol tal-Ministru, qed topponiha milli tagħmel xogħolha, imbagħad tiġi tipprova tgħid li aħna qed nipprovaw noħonqulkom il-libertà tal-espressjoni! Fejn ħnoqnielkom il-libertà tal-espressjoni? Imkien! Għandkom id-dritt tiddiskutu. Jiena niftakar meta kelli mozzjoni biex nikkontesta ruling ......
THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili ftit, Onor. Mizzi. Issa qiegħed assolutament barra mis-suġġett. Nitolbok tkun konċiż.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, qed inkun konċiż u qed ngħid għaliex mhux qed noħonqu l-libertà. Meta jien kont ikkontestajt ruling ta’ Speaker li wara jumejn suppost li tiġi diskussa, qatt ma ddiskutejtuhieli. Dawk joħonqu l-affarijiet! Aħna min-naħa tagħna dejjem tajna dik il-fakultà.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi, nitolbok tieqaf għaliex issa morna lil hinn minn dak li konna qegħdin ngħidu. Onor. Carmelo Abela, għandek point of order?
ONOR. JOE MIZZI: Jiena tlabtek ruling.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi, se mmur nisma’ r-recording ukoll jekk hemm bżonn. Mhux problema!
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, qed nitlob ruling.
THE DEPUTY SPEAKER: Issa nisma’ r-recording u nagħti r-ruling skont dak.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, trid timxi skont l-iStanding Orders. Jiena tlabt ruling.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Mizzi, smajtek.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, trid timxi skont l-iStanding Orders.
THE DEPUTY SPEAKER: L-iStanding Orders mhux l-Onor. Mizzi biss jafhom! Din is-Sedja tafhom ukoll!
L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, kif inhu d-dritt tiegħi bħala membru tal-Kamra, għamilt mistoqsija supplimentari. Kif taf inti, Sur President, jien għandi dritt ukoll nagħmel mistoqsija supplimentari u l-Ministru kienet qed twieġeb kif ġustament għedt int ukoll, Sur President. Naturalment ċertu kliem li ntqal min-naħa l-oħra naħseb li seta’ ma ntqalx. Setgħu forsi talbu lis-Sedja tirregola. Jiena m’għandix dubju li s-Sedja taf tirregola, għandi l-fiduċja tiegħi li s-Sedja taf tirregola, però sfortunatament illejla smajt ċertu diskors li naħseb li għandna nevitawh. Il-Ministru, jekk ġiet mistoqsija, għandha tingħata ċ-ċans li twieġeb u se mai tirregola s-Sedja. Ma naħsibx li għax il-Ministru twieġeb qed toħnoq lil xi ħadd milli jistaqsi, imma l-Onor. de Marco, bir-rispett kollu, dawwar kollox bil-maqlub. Sewwa, mela għax il-Ministru qed twieġeb, qed toħnoq! Mela jekk il-Ministru ma tweġibx ma tridx tagħti l-informazzjoni, u jekk imbagħad twieġeb, qed toħnoq! Iridu jiddeċiedu. Naħseb li s-Sedja għandha tirregola dawn l-affarijiet hi.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Abela, inti taf li ħafna drabi rrepetejt, anke f’diskussjonijiet privati, li l-ewwel nies li jridu jirrispettaw lil din il-Kamra huma aħna, u aħna jfisser id-69 membru ta’ din il-Kamra, mhux wieħed jew l-ieħor, imma sfortunatament mhux dejjem nimxu b’dak il-mod.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jekk kemm-il darba l-Ministru Joe Mizzi se jinsisti fuq it-talba tiegħu li jiġi named l-Onor. George Pullicino, jien nixtieq nagħmilha ċara li qiegħed nassoċja ruħi mal-kliem kollu li qal l-Onor. Pullicino, kif għamel l-Onor. Mario de Marco, u allura nistiednek li r-ruling tiegħek tagħtih fil-konfront tiegħi u ta’ kull membru ieħor tal-Oppożizzjoni li jixtieq jesprimi dan.
THE DEPUTY SPEAKER: Qabel ma nkun f’pożizzjoni li nagħti ruling fuq xi ħaġa rrid immur nisma’ r-recording, għaliex wisq nibża’ li bejn dak li qed jiġi allegat hawnhekk u dak li fil-fatt hemm recorded hemm differenzi pjuttost kbar.
L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jiena ningħaqad mal-Kap tal-Oppożizzjoni u jekk dak hu li qed jitlob il-Ministru Mizzi, agħmel ukoll lili bħala dik il-persuna li qegħdin hawnhekk nipprovaw inwaqqgħu għar-redikolu l-Parlament Malti.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jiena qed nitolbok biex tmur tisma’ r-recording, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Se nwaqqaf is-Seduta biex immur nisma’ r-recording. Il-Kamra hija sospiża.
Fis-6.29 p.m. il-Kamra kienet sospiża u rriżumiet fis-6.58 p.m.


Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə