Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə2/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
1   2   3   4   5   6   7   8

RULING



THE DEPUTY SPEAKER: Nirreferi għall-point of order imqajjem mill-Ministru Joe Mizzi dwar il-kliem li ntqal mill-Onor. George Pullicino meta l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali kienet qed tirrispondi mistoqsija supplimentari tal-Onor. Carmelo Abela. Il-Ministru Mizzi talab lis-Sedja biex tisma’ r-recording tad-diskors tal-Onor. Pullicino u tikkonferma li dak li qal l-Onor. Pullicino fil-konfront tal-Ministru Coleiro Preca mhuwiex aċċettabbli. Is-Sedja semgħet l-ewwel intervent tal-Onor. Pullicino u nikkwota dak li qal:
“Filwaqt li napprezza dak kollu li qed tgħid il-Ministru, peress li hawnhekk qegħdin fi question time u mhux f’lecture time, nippretendi li żżomm mal-mistoqsija li saritilha u li tkun konċiża kif diġà deċiż mill-iSpeaker. Inkella qegħdin nilagħbu biex nirredikolaw dan il-Parlament jew inkella hemm xi mistoqsija li n-naħa tal-Gvern ma tridx li l-Oppożizzjoni tagħmlilha llum.”.
Dan kien id-diskors testwali li qal l-Onor. George Pullicino.
Irrid nagħmel referenza wkoll fuq dak l-istess punt għal deċiżjoni li kienet ingħatat mill-iSpeaker fis-Seduta 25 tat-Tnejn, 3 ta’ Ġunju, 2013 dwar it-tul kemm tad-domandi kif ukoll tar-risposti li għandhom jingħataw. Hemmhekk diġà kien hemm direzzjoni ċara li la d-domanda u lanqas ir-risposta m’għandha tkun twila żżejjed. Però rrid ngħid li d-domanda li għamel l-Onor. Carmelo Abela kienet waħda li riedet ċertu tul ta’ risposta u r-risposta sal-mument li kienet imwaqqfa milli tkompli tingħata kienet għadha fil-limitu, għalkemm kont wasalt fil-limitu li nwaqqaf lill-Ministru. Imma dak kien limitu ta’ tul li wieħed jista’ jqis bħala aċċettabbli. Fl-istess ħin, billi qam dan il-punt, nixtieq nistaqsi lill-Onor. George Pullicino jipprova jiċċara dak id-diskors li ntqal. Però s-Sedja ma tħossx – almenu f’dan l-istadju – li hemm xi każ ta’ naming fil-konfront tal-persuna li qiegħda tagħmel dan id-diskors.
L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Sur President, filwaqt li napprezza l-ġudizzju tiegħek, nixtieq ngħid li dak li għedt mhuwiex fil-konfront tal-Onor. Coleiro Preca, imma kont qed nitkellem b’mod ġenerali anke fuq pattern fejn aħna ta’ din in-naħa qed ikollna nisimgħu lin-naħa tal-Gvern tagħti risposti fit-tul b’tali mod li m’aħniex qed inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu mistoqsijiet kif inhu d-dritt tagħna.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Pullicino, il-pożizzjoni tas-Sedja hija li kull membru fil-ħin tad-domandi kif ukoll il-Ministru fil-ħin tar-risposti għandu kemm jista’ jkun jillimita t-tul tar-risposta b’mod partikolari. Sal-mument li l-Ministru kienet qed tagħmel ir-risposta tagħha, sakemm inqalgħet il-konfużjoni li nqalgħet, konna qegħdin noqorbu lejn it-tmiem ta’ dik ir-risposta. Pero naħseb li fil-verità, kif diġà esprimejt ruħi, mhuwiex il-każ jiġi nnejmjat xi membru ta’ din il-Kamra, la wieħed u lanqas iktar, kemm jekk ikun innejmjat minn xi ħadd jew inkella jrid jassoċja ruħu ma’ membru ieħor, u għalhekk jekk m’hawnx iktar talbiet nipproċedu bil-kumplament tax-xogħol tal-Kamra.
L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, jiena nista’ ninterpeta dak li qal l-Onor. Pullicino li jekk id-diskors tiegħu nftiehem li kien qed jgħid xi ħaġa fil-konfront tal-Ministru Coleiro Preca, dan qed jiġi rtirat?
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. George Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Sur President, jiena kont ċar anke meta tajt l-ispjega. Id-diskors, anke kif erġajt iċċitajtu inti, kien f’sens kollettiv u din il-Kamra għandha timxi, kif għedt tajjeb inti, ma’ deċiżjonijiet li ħadet is-Sedja diġà f’din il-leġiżlatura. Hawn mhux qed nitkellem fuq deċiżjonijiet f’leġiżlaturi oħrajn, imma f’din il-leġiżlatura.
THE DEPUTY SPEAKER: Ma nafx jekk hawnx xi rimarki oħrajn. L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jiena qed nifhem li allura l-Ministru Mizzi qed jirtira n-naming?
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Agius, jiena tajt ruling li mhuwiex każ li xi membru ta’ din il-Kamra jiġi nnejmjat abbażi ta’ dak li ntqal u li hu recorded. Jiġifieri hija deċiżjoni tas-Sedja u ta’ ħadd iktar li m’hemmx każ ta’ naming. Nista’ inżid, jekk irrid, li fit-tul ta’ snin li ilni f’din il-Kamra kien hemm każi ferm u ferm iktar gravi ta’ diskors minn dak li ntqal illejla u l-membru li qalu qatt ma ġie nnejmjat.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, biex nibdlu ftit l-atmosfera nixtieq, f’isem l-Oppożizzjoni, nawgura lill-Prim Ministru u anke lill-Onor. Kristy Debono li llum it-tnejn jagħlqu sninhom.
THE DEPUTY SPEAKER: Meta jkun hemm xi ħadd li jkollu l-birthday normalment iġib il-pasti. Ladarba hawn tnejn li għandhom il-birthday, neħodha li hawn xi party?
Ngħaddu issa għal Tqegħid ta’ Karti. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali.

TQEGĦID TA’ KARTI



ONOR. LOUIS GRECH (Deputat Prim Ministru u Minisru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali): Sur President, f’isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar sejħiet għall-ingaġġ ta’ ħaddiema fi gradi ta’ messaġġiera fis-Servizz Pubbliku ppubblikati fl-2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7035; u
f’isem il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-ftehim li sar fit-23 ta’ Ottubru 2012 bejn il-Kunsill Malti għall-iSports (KMS) u Naxxar Lions FC b’rabta mal-grawnd tal-futbol tan-Naxxar, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6811.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi s-seating capacity u s-sena ta’ manifattura tal-vetturi li jintużaw fuq l-iskeda tat-trasport pubbliku f’Għawdex, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7115; u
f’isem il-Ministru għal Għawdex inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi s-sejħiet għall-offerti għal xogħlijiet fir-rigward tal-proġett tal-Masterplan taċ-Ċittadella, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7117.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
ONOR. CHRIS CARDONA (Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar direct orders li ngħataw mid-dekasteru li għalih huwa responsabbli l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u d-9 ta’ Jannar 2014, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6911.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi fondi approvati mqabbla mal-ispiża prevista fuq benefiċċji soċjali għas-sena 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5154;
Informazzjoni dwar miżuri monetarji li ttieħdu sabiex jitjieb id-dħul finanzjarju ta’ persuni li huma f’riskju ta’ faqar, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5283;
Tabella li turi l-konsulenti u s-settur li għalih taw konsulenza fid-dekasteru li għalih hi responsabbli l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5380;
Informazzjoni dwar it-twaqqif taċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6983; u
Tagħrif dwar servizzi ġodda li se jibdew jingħataw miċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6984.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għas-Saħħa.
ONOR. GODFREY FARRUGIA (Ministru għas-Saħħa): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar testijiet tad-demm li saru fl-Isptar Mater Dei bejn Ottubru u Novembru 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6500;
Tagħrif dwar testijiet tad-demm li saru f’kull Ċentru tas-Saħħa bejn Ottubru u Novembru 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6501;
Tagħrif dwar testijiet tas-CT-Scan, MRI u testijiet simili li saru bejn Ottubru u Novembru 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6502;
Tabella li turi l-għadd ta’ persuni li qed jistennew għal CT-Scan, MRI u testijiet simili u ż-żmien tal-istennija, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6503; u
Kopja tal-Hospital Activity Report tal-Isptar Mater Dei għal Ottubru 2013, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6504.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.


Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə