Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 128,49 Kb.
səhifə5/8
tarix28.07.2018
ölçüsü128,49 Kb.
#59301
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR. STEFAN BUONTEMPO: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 27 ta’ Jannar 2014, fis-6:00 p.m. b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 6) - Tielet Qari
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ - Tieni Qari (Kont.)
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Liġijiet tal-Komunikazzjonijiet - Tieni Qari
Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta miżuri tal-Estimi - Tieni Qari (Kont.)
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet ta’ Ħarsien)- Tieni Qari
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur - Tieni Qari
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Trusts u Trustees - Tieni Qari
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Periti - Tieni Qari
Jew xi aġenda oħra li tista’ tiġi kkomunikata aktar tard.
__________________
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 5) - Kumitat Permanenti
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta - Kumitat Permanenti
Abbozz ta’ Liġi dwar Unjonijiet Ċivili - Kumitat Permanenti
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 3) - Kumitat Permanenti
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 4) - Kumitat Permanenti
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Joseph Cassar.

ONOR. JOSEPH CASSAR: Nirringrazzjak, Sur President. Illum nixtieq nitkellem ftit dwar suġġett li jirrigwarda l-edukazzjoni, però b’mod partikolari xi ħaġa li dan l-aħħar qiegħda tkun fil-media. Din hija d-definizzjoni tal-kelma “konsultazzjoni”. Jien nemmen ħafna fil-qawl Malti li biex tiskonġra trid tkun pur, u dan il-qawl lill-Gvern verament jolqtu fil-laħam il-ħaj. Fil-leġiżlatura li għaddiet kellna lill-Onor. Evarist Bartolo jgħajjar lill-Ministru preċedenti, dak iż-żmien Dolores Cristina u lill-ħaddiema kollha fil-qasam maniġerjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq reform fatigue. Dan għaliex skont hu kienu qed isiru ħafna riformi u ma kenux qed jagħtu biżżejjed nifs lill-għalliema sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom biex jaderixxu ma’ dawn ir-riformi. Minn hawn nixtieq nibda billi nsellem liż-żewġ ex-Ministri tal-leġiżlatura ta’ qabli, lil Dolores Cristina u lil Dr Louis Galea li l-edukazzjoni, naħseb jien - u ħafna jaħsbuha bħali – mexxewha ’l quddiem b’passi ta’ ġgant.
Forsi l-ikbar ħaġa li għamilna meta konna fil-gvern kienet li l-edukazzjoni tajnieha aċċessibbiltà assoluta b’mod li kull persuna f’Malta setgħet tiftaħar li kellha l-aqwa edukazzjoni. U ġejna għal din il-leġiżlatura fejn għandna Ministru li jew waqt il-ħolm tiegħu jew bil-lejl jimmaġina lin-nies li qed jikkonsulta magħhom! Jiena jiddispjaċini meta hu joħroġ jitkellem fil-media u jgħid li kkonsulta saħansitra ma’ kull min huwa kkonċernat dwar bidla ta’ policy, direzzjoni jew riforma fil-qasam edukattiv, fosthom il-Malta Union of Teachers, meta jidher li ma jkunx għamel hekk. Tant il-Malta Union of Teachers ma kenitx ikkonsultata li meta l-istess Ministru laqqa’ l-kumitat fuq il-ko-edukazzjoni wara li aħna bħala Oppożizzjoni mbuttajnieh biex jibqa’ jlaqqgħu, l-MUT, li ma kenux ikkonsultati, ħarġu stqarrija u telqu minn dan il-kumitat. U l-Ministru jibqa’ joħlom li qed jikkonsulta!
Ilbieraħ fil-mistoqsija parlamentari 7107 jien staqsejt lill-istess Ministru dwar jekk hux qed jikkonsultaw. Jekk vera kkonsultaw, nitolbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-konsultazzjoni li saret mal-MUT, rapport dettaljat tal-konsultazzjoni li saret mal-amministrazzjoni ċentrali, rapport dettaljat tal-konsultazzjoni li saret mal-amminstrazzjoni tal-iskejjel, rapport dettaljat li saret mal-edukaturi, rapport dettaljat tal-konsultazzjoni li saret mal-learning support assistants, mal-kindergarten assistants, mal-counsellors, mas-social workers, mal-ġenituri u mal-istudenti. Peress li l-konsultazzjoni kienet wiesgħa, jiena tlabtu wkoll biex ipoġġi l-kwestjonarju jew kwestjonarji li seta’ bagħat lil kull sezzjoni indikata u r-riżultati tagħhom. Il-Ministru Bartolo rrispondieni hekk:
“Il-Ministeru ilu minn Ġunju 2013 jaħdem fuq id-dħul tal-ko-edukazzjoni sekondarja u ħadem id f’id mal-MUT ....”
Infakkar li dawn ħarġu għax ma kienx hemm konsultazzjoni magħhom. Ħadem id f’id mal-prinċipali! Fejn qegħdin il-laqgħat li tlabtek? Fejn qiegħed ir-rapport dettaljat? Dwar konsultazzjoni mal-kapijiet, fejn qiegħed ir-rapport dettaljat? Fejn qegħdin il-kwestjonarji? Kemm-il laqgħa għamilt mal-assistenti kapijiet? U jsemmi lista! U tawh reazzjoni pożittiva! Mhux talli hekk, imma talli qal li prinċipali u kapijiet oħra talbuh huma stess biex jagħmel ko-edukazzjoni fl-iskejjel kollha. Imbagħad kompla jgħid li r-rapport tal-pilot project fil-Kulleġġ Santa Klara għadu mhux lest. Mela għamel kumitat biex jistudja r-rapport tal-pilot project, imma l-pilot project għadu mhux lest! U allura ma seta’ jpoġġi xejn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jien jiddispjaċini! Imma kif nistgħu ma nikkonsultawx fuq riformi daqshekk kbar, fuq xi ħaġa daqshekk sensittiva bħalma hi l-ko-edukazzjoni? Daqshekk importanti għalina l-edukazzjoni ta’ uliedna, dan il-pilastru importanti li hu l-futur ta’ uliedna? Jien nistaqsi lill-Ministru: Kemm studja u kemm-il studju ra, anke negattivi? Għax jien nispera li m’aħniex qed nagħtu l-impressjoni li fuq dan is-suġġett studji pożittivi biss jeżistu! Fil-każ jiena lest li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport ta’ studji li juru li f’ċerti pajjiżi l-ko-edukazzjoni fil-fatt ma ħadmitx! Nerġa’ ngħid, m’iniex qed nitkellem hawn favur jew kontra. Jien qed ngħid: Ejjew flimkien nistudjaw dan il-fenomenu!
Il-Professur Mary Darmanin, li hija soċjologu ta’ ċertu kalibru f’pajjiżna, nhar il-Ħadd li għadda fuq Newsbook tat intervista interessanti u dettaljata fejn fiha tkellmet ċar dwar xi tfisser ko-edukazzjoni. Din żgur li ma tfissirx li tpoġġi s-subien u l-bniet fl-istess klassi, imma tfisser li

inti tkun ċert li fl-istess klassi jkun hemm ekwità, li tfisser li inti trid tħares lejn il-kultura. X’qed jiġri? X’inhija l-kultura. Qalet hi stess li m’għandniex nagħmlu l-iżball li ngħidu li għax hemm il-ko-edukazzjoni fl-iskejjel indipendenti, allura nistgħu naqbdu u nestrapolawha fuq skejjel pubbliċi. Dan għaliex hemm diversi affarijiet li huma differenti.


Kemm aħna ppreparati psikoloġikament, soċjalment u psiko-soċjalment biex nidħlu f’dan il-qasam? Imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar, l-iktar ħaġa importanti: X’inhu l-għan? X’risposta qiegħed jagħti l-Gvern għal din il-mistoqsija dwar x’inhu l-għan li jagħmel il-ko-edukazzjoni u l-middle schools? X’inhu l-għan? Liema problema se jirranġa jew jindirizza b’dan il-pass? Jien, fuq wieħed mill-programmi tat-televiżjoni lill-Ministru Bartolo staqsejtu jekk għandux xi studju f’idejh li juri ċar li l-ko-edukazzjoni u l-middle school se jsolvu waħda mill-uġigħat ta’ ras li hu jitkellem fuqhom, il-mixed ability. Hu qalli iva, però mbagħad jien mort niċċekkja ma’ nies akkademiċi.
Jidher li ma jeżisti l-ebda studju b’saħħtu li juri li l-ko-edukazzjoni u l-middle schools jirrispondu għal din il-problema. Saħansitra - u hawnhekk nikkwota lill-istess Professur Darmanin – kien hemm min qal li r-raġunijiet prinċipali għalfejn iridu jiddaħħlu l-ko-edukazzjoni u l-middle schools huma raġunijiet amminstrattivi jew finanzjarji. Mhumiex raġunijiet akkademiċi jew raġunijiet ta’ żvilupp mentali jew psiko-soċjali tat-tfal tagħna. Saħansitra, studji internazzjonali b’saħħithom juru li peress li s-subien u l-bniet, speċjalment fil-ħajja teenage tagħhom, jiżviluppaw differenti u l-wiring tagħhom – biex nuża l-kliem ta’ dawn l-istudji - huwa differenti, qed ikun hemm problemi f’ċerti stadji, speċjalment fis-subien meta jkunu f’sistema ta’ ko-edukazzjoni. Saħansitra hemm studji li juru li tista’ tidħol id-dipressjoni. Ħa nerġa’ ngħid: Jien m’iniex qiegħed hawn biex ngħid li l-Oppożizzjoni hija kontra.
L-Oppożizzjoni qiegħda hawn biex tgħid lill-Ministru u lill-Ministeru għall-Edukazzjoni li hemm diversi affarijiet li jridu jiġu studjati. L-ebda pilot project ma jkun pilot project indikattiv qabel ma jgħaddu s-snin minn fuqu. Ma tistax tgħid li għamilt pilot project jekk inti kull ma għamilt huwa ftit xhur b’dan il-pilot project! Ejjew ma nidħkux bin-nies! Wara kollox x’inhi din l-għaġla kollha? Għalfejn qegħdin ngħaġġlu? Għaliex għadna ma għamilniex konferenza waħda nazzjonali fejn jipparteċipaw il-ġenituri u jipparteċipaw l-għalliema? Għaliex ma nagħmlux konferenzi fuq il-livell ta’ kunsilli lokali biex ikun hemm iktar parteċipazzjoni fuq dawn is-suġġetti, fejn inġibu esperti lokali u minn barra biex jispjegaw l-importanza ta’ dawn l-affarijiet? Imbagħad inkunu verament nistgħu npoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra dak li għandna npoġġu: ir-riżultat ta’ konsultazzjoni!
Sur President, sfortunament il-Gvern qed juri biċ-ċar li nganna lill-poplu Malti b’kelma waħda li baqa’ jirrepeti, li hi “roadmap”. Illum il-poplu Malti huwa poplu intelliġenti, huwa poplu li jifhem, u qed jifhem li l-Partit Laburista daħak bih għaliex fl-ebda qasam ma wera li għandu roadmap. Jiddispjeċini ngħid li fil-qasam tal-edukazzjoni, li għandu jkun qasam fejn verament għandna naħdmu flimkien biex ikun hemm kunsens veritier fuq livell nazzjonali wkoll, il-Ministru Bartolo sbarazza ruħu min-nies ta’ ċerta intelliġenza fuq livell ta’ diretturi ġenerali u segretarji permanenti u hija ovvja li issa sfortunatament hemm vacuum qawwi għaliex ma hemmx xi ħaġa li qed tkompli. Dak li huwa qed joħlom li hija konsultazzjoni, jiddispjaċini ngħid li ma hija konsultazzjoni xejn! Nirringrazzjak, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Sur President, xtaqt niddedika dan l-Aġġornament għal ftit punti dwar l-affarijiet barranin. Xtaqt mill-ewwel nitkellem dwar dak li qed jiġri bħalissa fl-Ukrajna u dwar l-aġir żbaljat tal-Gvern ta’ dak il-pajjiż fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet li għandhom ikunu paċifiċi u li m’għandhomx jiddeġeneraw. Qed naraw sitwazzjoni fejn il-gvern qed jieħu attitudni repressiva, attitudni li jipprova jżomm lill-poplu mil-libertà tiegħu li jassoċja ruħu, jingħaqad u jipprotesta. Naħseb li m’għandhiex tkun aċċettabbli għalina f’dan il-pajjiż li nħallu li wara dak kollu li għaddiet minnu, wara d-diffikultajiet li għaddiet fi żmien id-dittatura Sovjetika, id-demokrazija fl-Ukrajna terġa’ titlef mill-valur tagħha u flok iżżid, tiġi f’pożizzjoni li tiġi pperikolata.
Żgur li bħalissa hemm kriżi. Din il-kriżi ġiet mibdija proprju minħabba deċiżjoni żbaljata li ħa l-Gvern li l-pajjiż ma jagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li żgur kienet se tagħti żbokk ġdid lil dan il-pajjiż biex jimxi ’l quddiem fl-aspirazzjonijiet tiegħu lejn il-ġustizzja, libertà u lejn il-paċi fir-reġjun. Għalhekk nibda biex nesprimi l-kundanna għal din ir-repressjoni u nuri s-solidarjetà sħiħa tagħna mal-poplu ta’ dak il-pajjiż. Jidhirli li, bħala pajjiż, għandna nibqgħu nagħtu l-attenzjoni u l-appoġġ. M’għandna qatt naċċettaw li pajjiż bħall-Ukrajna, li qiegħda fiż-żona Ewropea, b’xi mod jonqos minn din id-dimensjoni.
Xtaqt ukoll nitkellem dwar is-Sirja. Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija wkoll waħda diffiċli. Nittamaw li l-proċess ta’ negozjati li bdew ġewwa Montreux f’Ġinevra, dak l-imsejjaħ Geneva 2, jibda xi mod jirreġista xi forma ta’ passi ’l quddiem sabiex forsi naraw il-bidu tal-paċi u stabbiltà fis-Sirja. Huwa diffiċli ħafna għax hija sitwazzjoni komplikatissima fejn kull ġurnata qed naraw ferm iktar nies imutu u qed naraw iktar persuni li qed jaħarbu minn dan il-pajjiż. Illum il-ġurnata għandna wisq refuġjati u persuni li ħarbu minn dan il-pajjiż li mhumiex qegħdin jingħataw il-kura u l-attenzjoni partikolari. Is-Sirja hija pajjiż li titlob ħafna attenzjoni. Filwaqt li aħna nieħdu pjaċir nirreġistraw li pajjiżna qed joħroġ €25,000 biex jgħin lil dawn il-persuni li qed jaħarbu l-gwerra ċivili, però jidhrilna li pajjiżna għandu jikkonsidra li jikkontribwixxi ferm iktar flus biex jgħin f’din il-kriżi.
F’pajjiżna għandna diġà komunità żgħira ta’ nies li huma mis-Sirja, nies li ilhom hawn Malta, nies li ħafna minnhom huma miżżewġin Maltin. Naħseb li għandna nuru s-solidarjetà tagħna b’mod iktar konkret għax hemm tbatija kbira, speċjalment għat-tfal f’dan ir-reġjun. Irrid però hawnhekk nesprimi l-inkwiet tagħna għall-proċess fejn qed jinqerdu l-armi kimiċi. Infakkar li l-armi kimiċi li kienu qed jiġu wżati mir-reġim ta’ Assad kontra r-ribelli llum ġew kollha kkonfiskati u se jiġu distrutti. Qegħdin nifhmu li dawn se jiġu distrutti fi proċess elaborat ġewwa Gioia Tauro ftit ’il fuq minna. Hawn nesprimi l-preokupazzjoni tal-Oppożizzjoni għar-riskji li huma involuti fil-mod ta’ kif dan il-proċess se jsir li jista’ jkun ta’ piż jew jaffettwa s-sitwazzjoni f’pajjiżna. Dan prinċipalmet għaliex ingħad li dan il-materjal jew parti minnu se jiġi dumped f’parti mis-search and rescue zone ta’ pajjiżna.
Hemm bżonn li jkollna iktar assigurazzjonijiet daparti tal-Gvern fuq dan il-punt, iktar u iktar meta issa qegħdin insiru nafu li l-Gvern qed joħroġ €15,000 sabiex jinqered dan il-materjal. Il-Gvern ta’ Malta qed jikkontribwixxi ma’ pajjiżi oħrajn sabiex dawn l-armi kimiċi jiġu distrutti. Aħna qegħdin nikkontribwixxu s-somma ta’ €15,000. Naħseb li l-poplu Malti għandu bżonn ikollu moħħu mistrieħ li l-ewwel nett din l-operazzjoni mhi se tinvolvi ebda riskju ta’ xejn għalih u t-tieni li dan mhux se jkun b’xi mod xi preċedent li se jaffettwa d-drittijiet tagħna fis-search and rescue zone tagħna. It-tielet, wieħed għandu jitlob li, almenu daparti tagħna, ikun hemm Maltin li jiġu appuntati jew jiġu mistiedna biex ikunu jistgħu jissorveljaw biex jaraw li l-mod kif qed issir din id-distruzzjoni mhi se tkun ta’ ebda effett negattiv għal pajjiżna.
Wara li tkellimt fuq l-Ukrajna u fuq is-Sirja, xtaqt ukoll nitkellem fuq il-Maltin ta’ barra. Ilbieraħ qrajt fil-ġurnal The Times artiklu bit-titlu: “Maltese-Australians launch petition against passport plan.” Din l-aħbar li dehret fil-ġurnal The Times tesprimi l-preokupazzjoni ta’ diversi Maltin tal-Awstralja. Meta ġejna għad-dibattitu fuq il-Baġit kelli l-opportunità li nqajjem u niġbed l-attenzjoni tal-Gvern li diversi Maltin li qegħdin jgħixu fl-Awstralja, fil-Kanada u fl-Amerika qed jesprimu d-diżappunt tagħhom u qed juru l-preokupazzjoni tagħhom dwar din l-iskema. Irrid ngħid li minn dak li qrajt fil-gazzetta, hemm ċar li hemm ċertu moviment b’saħħtu li jitlob lill-Gvern jagħtih attenzjoni.
Sinċerament nittama li l-Gvern ma jinjorax lill-Maltin ta’ barra, bħalma ilu jinjorahom għal dawn l-aħħar xhur, imma jagħtihom attenzjoni u l-assigurazzjonijiet neċessarji billi jċaqlaq u jbiddel din l-iskema. Dr Victor Borg, li hawnhekk huwa rrappurtat mill-ġurnalista Ivan Camilleri, qal li:
I have received tens of requests to do something about this, and the response of more than a 1,000 signatures in one week is overwhelming.”.
Naħseb li din hija xi ħaġa li għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern Malti, li jekk jinjorana hawn Malta, ma jagħtix kas ta’ dak kollu li qed jingħadlu hawn Malta, almenu jagħti kas tad-diversi Maltin li qegħdin fl-Awstralja u f’postijiet oħra! Meta naqra l-kliem ta’ Dr Victor Borg, bħal:
Many have followed the European Parliament debate on television even here, and the comments by members of Parliament about Malta were quite embarrassing. It seems that the Maltese Government is not aware that Malta is becoming an international joke, and we are very hurt about this. Until a few weeks ago, everyone talked highly about Malta. Now, everyone is passing jokes about us. We cannot stomach this any longer and that is why we have to do something about it.”.
Dan il-kliem ta’ Dr Victor Borg jirrifletti dak li jien tajt avviż lill-Gvern li se jiġrilu, u fil-fatt dan seħħ. Nittama li ma nitilfux mill-ġid li rnexxielna nagħmlu mal-komunità ta’ Maltin barra.
Infakkar li taħt gvernijiet Nazzjonalisti għamilna diversi liġijiet biex nagħtu l-opportunità lill-Maltin tal-Awstralja, tal-Kanada u dawk li jgħixu l-Amerika biex ikunu jistgħu japplikaw għal dual citizenship u jieħdu ċ-ċittadinanza Maltija. Infakkar ukoll li konna għaddejna liġi fil-Parlament li feliċement qed taħdem sabiex ikun hawn dan il-kumitat konsultattiv għad-drittijiet tal-Maltin ta’ barra. Naħseb li f’dan il-kumitat, waħda mill-issues li se jkun hemm se tkun proprju din l-iskema taċ-ċittadinanza. Biex jagħmlu dan m’hemmx aqwa mill-Maltin ta’ barra, għax huma nies li baqgħu jħobbu lil pajjiżna u jistgħu jħarsu oġġettivament fuq dak kollu li qed jiġri. Aħna li qegħdin hawn Malta forsi ma jkollniex dik id-dimensjoni oġġettiva, però dawn il-Maltin ta’ barra għandhom. Onestament, kont qed naħseb li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien se jwieġeb u jagħti r-risposta għal dan ir-rapport li deher f’The Times, però dan ma sarx. Nittama li fiż-żmien li ġej dan isir.
Infakkar li fid-dibattitu tal-Baġit jien kont għidt lill-Ministru li għandu fuqu din ir-responsabbiltà li jieħu ħsieb li jara li l-ilmenti u d-diffikultajiet tal-Maltin ta’ barra jiġu indirizzati. Aħna diġà indirizzajna diversi problemi li huma jsibu fil-ħajja tagħhom meta jiġu hawn Malta u affarijiet simili bħal dawn. Jidhirli li din il-kwestjoni ta’ passaporti għall-bejgħ hemm bżonn li tiġi indirizzata għaliex m’għandniex inwaqqgħu għaċ-ċajt il-Maltin tagħna li jgħixu ħajjithom kollha barra minn Malta. M’hemmx agħar minn dak id-diskors dispreġġjattiv li jsir fuq il-post tax-xogħol, fil-ħajja soċjali, fuq il-Maltin meta jkun hemm sitwazzjonijiet simili. Għalhekk nittama u nappella li jingħata widen għal dan l-ilment tal-Maltin ta’ barra.
Xtaqt nesprimi l-preokkupazzjoni tiegħi wkoll dwar l-infiq li qed isir fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Jidher ċar mill-analiżi tad-domanda parlamentari 6904 magħmula mill-kollega l-Onor. Marthese Portelli rigward xiri ta’ affarijiet b’direct orders, li fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jidher li hemm ċertu ndħil minn Kastilja sabiex ikun hemm infiq b’ordni diretta u mhux bil-proċedura normali li s-soltu ssir fejn wieħed iġib il-kwotazzjonijiet u jagħżel dak li jkun l-aħjar. Meta wieħed iħares lejn din id-domanda parlamentari wieħed jibqa’ ftit skantat bin-numru kbir ta’ direct orders, però l-iktar ħaġa li tiskantak hija fuq xiex sar dan l-infiq. Pereżempju, insibu a new heavy duty photocopier for Kuwait li swiet €17,800! Din saret b’direct order fil-Kuwait.
Ma nemminx li fil-Kuwait supplier wieħed biss hemm! Nixtieq inkun naf għalfejn fl-Ambaxxata tagħna fil-Kuwait hemm bżonn ikollna photocopier li tiswa’ €18,000! L-istess għax-xiri ta’ karozzi bid-direct order. Is-sena li għaddiet inxtrat karozza ġdida Volvo f’Ġinevra, Mercedes ġdida fit-Tuneżija, f’Washington xtrajna BMW ġdida u fil-Polonja wkoll xtrajna BMW ġdida. Komplessivament is-sena l-oħra xtrajna b’€120,000 f’karozzi b’direct orders! Bir-rispett kollu, naħseb li f’Ġinevra hemm iktar minn supplier wieħed tal-karozzi, Tuneż ukoll, l-Amerika wkoll, u l-Polonja wkoll! Żgur u mhux forsi ngħid li wieħed għandu jiġġustifika għalfejn inxtrat karozza kompletament ġdida, u mbagħad għalfejn inxtrat permezz ta’ direct order!
Imma l-iktar ħaġa li timmerita attenzjoni f’dan kollu huwa ċertu nfiq li sar ġewwa Washington fejn b’direct orders kellna l-ewwel din ix-xiri ta’ karozza BMW li swiet €30,500, imbagħad tiswijiet fis-saqaf tal-ambaxxata f’Washington ta’ €28,900. Imbagħad - interessanti ħafna - kellna removal of several hazardous plants mir-residenza tal-ambaxxatriċi jew tal-ambaxxata tagħna ġewwa Washington li sewa €8,240. Komplessivament is-sena li għaddiet f’direct orders fl-ambaxxata tagħna ġewwa Washington intnefqu b’€70,00 affarijiet li huma saqaf, karozza, u dan ir-removal ta’ hazardous plants! Nixtieq inkun naf x’inhuwa dan il-ħaxix li kien hemm f’Washington li kien daqshekk hazardous għall-ambaxxatur jew l-ambaxxatriċi l-ġdida li għandna hemm!
L-iktar li joħroġ minn dawn id-direct orders huma l-ispejjeż kbar li kellhom isiru minħabba t-tibdil fl-ambaxxaturi li l-Gvern għamel tul is-sena li għaddiet. F’direct orders biss hawn kważi €160,000 li ntnefqu fi trasportar ta’ oġġetti personali jew ta’ ambaxxaturi li se jiċċaqilqu minn pajjiż għal pajjiż ieħor jew ambaxxaturi li se jiġu lura Malta jew inkella ta’ vjaġġi ta’ nies li sejrin min-naħa għal oħra. Dan b’direct orders! Dawn apparti iktar spejjeż li ntefqu minn min kien bil-għaqal u ma għamilx direct orders. Id-direct orders jistgħu jkunu neċessarji, però huma odjużi. F’dawn il-każijiet kollha li semmejt setgħet faċilment tintalab quotation għalihom. Photocopier il-Kuwait, dawn il-karozzi kollha, u affarijiet oħra! Din hija xi ħaġa preokkupanti u naħseb li qed ikun hemm wisq indħil minn Kastilja rigward x’jista’ jagħmel u x’ma jistax ambaxxatur ieħor. Jien ma nistax nemmen li nies li huma seasoned fiċ-Ċivil, li dejjem jieħdu ħsieb li jkollhom iktar minn kwotazzjoni waħda, jippermettu li jkun hemm dan l-infiq daqshekk qawwi u mhux ikkontrollat b’direct orders! L-iktar waħda tajba kienet dan l-infiq ta’ €8,000 f’removal of several hazardous plants f’Washington! Nirringrazzjak, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 27 ta’ Jannar 2014, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif ikkomunikata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport. Grazzi lil kull min semagħna. Il-lejl it-tajjeb lil kulħadd.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 128,49 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə