Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 170,67 Kb.
səhifə4/8
tarix28.07.2018
ölçüsü170,67 Kb.
#59303
1   2   3   4   5   6   7   8

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nirringrazzja lill-Onor. José Herrera li fehem li kelli nitkellem qabel, għax irrid inkun mal-Onor. George Vella fuq it-television.
L-ewwel nett, naħseb li l-poplu Malti ftit qed japprezza l-liġi li qed ngħaddu llum fil-Parlament. Smajt ftit id-diskorsi, u min-naħa tal-Gvern żgur li dwar din il-liġi li għandna quddiemna qed jgħidu ftit li xejn. Qed jgħidulna ħafna affarijiet dwar x’qed jagħmel il-Gvern f’qasam jew f’ieħor, imma x’qed jagħmel f’din il-liġi li qed niddiskutu llum fil-Parlament ma smajna assolutament xejn, u bir-raġun kollu. Fil-fatt, din il-liġi hija l-eħxen liġi li qatt rajt jien li ġiet ippreżentata bħala implimentazzjoni ta’ baġit, liġi ta’ 119-il faċċata kollha taxxi, ’il fuq minn 400 żieda f’miżati li jiċċarġja l-gvern, u taxxi oħrajn.
Irrid ngħid li nistagħġeb kif bħal donnu l-kelliema tan-naħa tal-Gvern ma jsemmu xejn dwar x’qed tagħmel din il-liġi, waqt li qed jitolbu lil dan il-Parlament japprovaha mingħajr ma nispjegaw lin-nies x’fiha. Nistagħġeb, għax meta tisma’ r-retorika tal-istess nies meta kienu fl-Oppożizzjoni, li għal kull bidla li seta’ kien hemm f’miżata, żgħira kemm hi żgħira, kbira kemm hi kbira, dejjem kienu jitolbu l-hekk imsejjaħ social impact assessment biex inħarsu lejn l-impatt soċjali li dik iż-żieda f’miżata jew f’taxxa kienet se tħalli fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Issa, bħal donnu m’għadux importanti li nħarsu lejn l-impatt li t-taxxi li qed jgħaddi dan il-Gvern se jħallu fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Minflok, dan il-Gvern għaddej jitkellem fuq ħafna affarijiet oħra waqt li jnessi n-nies dawn il-miżati, żidiet, taxxi u piżijiet li qed ipoġġi fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Bl-akbar leġġerezza, il-Ministru għall-Finanzi qed jgħidilna: Għaliex qed tinkwetaw? Kull m’għamilna żidna l-miżati kollha tal-gvern b’10%. Dawk li mhumiex taxxi oħrajn, għax hemm taxxi li żiedhom aktar minn hekk. Jista’ jgħidli l-Ministru kemm kellna familji li minn dan il-baġit gawdew żieda fid-dħul tagħhom ta’ 10%, ta’ €1 għal kull €10 li jaqilgħu? Safejn naf jien, dan il-gvern kulma ta lill-ħaddiem kien 58ċ fil-ġimgħa, li ħadhielu jekk, pereżempju, se jkollu bżonn imur jagħmel passaport ġdid. Issa ġejna fir-redikolaġni li jekk immur inġedded il-passaport fix-xhur tax-xitwa, jiswieli irħas milli jekk immur inġeddu fix-xhur tas-sajf. Nixtieq inkun naf x’differenza tagħmel. Meta jagħlaqlek il-passaport ma niddeċidux aħna; jagħlaqlek il-passaport skont meta tkun ġeddidtu l-aħħar. Issa trid toqgħod tippjana u tgħid: Meta se mmur inġeddu; immur fix-xitwa għax niffranka €20? Għad irrid nara l-loġika ta’ dan it-tip ta’ miżati.
Huwa evidenti li f’dan il-Baġit, dan il-Gvern, waqt li pprova jagħtih libsa – u smajt lill-Ministru tgħidilna kemm kien baġit għall-familja – ir-realtà hija li kien baġit li lill-familja taha ftit u ħadilha ħafna. Ħadilha ħafna b’dawn il-miżati li ħafna minnhom qed jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat u diżorganizzat.
Sur President, rajna s-sitwazzjoni fil-qrati ta’ pajjiżna, kif dawn il-miżati ġew implimentati, tant li wasslu biex anke l-avukati ngħaqdu u għamlu protest lill-Gvern għall-mod kif dawn ġew applikati. Għax, normalment, dan it-tip ta’ miżati jiġu diskussi. L-unika taxxa li dan il-Gvern qabel li jiddiskuti kienet biss meta suppost ġie biex ineħħi t-taxxa tal-eko-reduzzjoni, għax hemmhekk qal li ma jistax ineħħiha immedjatament. Se tibqa’ fis-seħħ sa Settembru li ġej, sakemm jiddiskuti x’se jagħmel. Ma qalilniex li mhu se jagħmel xejn. U nafu li se jagħmel! Għax hu, pereżempju, x’għamel fuq it-tyres? Neħħa l-eko-kontribuzzjoni fuq it-tyres, u daħħal is-sisa, li fissret li għal vetturi kummerċjali l-prezz tat-tyres qed jiżdied b’mod esaġerat. Fl-aħħar mill-aħħar, meta tgħabbi – hekk kienu jgħidulna, infakkarhom x’kienu jgħidulna meta n-naħa tal-Gvern kienu fl-Oppożizzjoni – l-piż fuq in-negozju, dak il-piż imur fuq il-prodotti u l-prezzijiet tagħhom. U min iħallas għalih? Iħallas għalih il-konsumatur. Illum, dan il-Gvern ma jinteressahx aktar mill-konsumatur, u allura żidna l-miżati tal-qrati, meta tiġi biex tinsinwa, il-passaporti, anke l-annimali lqatniehom f’kull sens. M’hemmx xi ħaġa li tmiss mal-annimali – forsi għax dawk ma jgergrux! – li ma missejnihiex; l-ispettorat tas-saħħa, anke dawk li huma servizzi li jagħti s-settur tal-Affarijiet Barranin, li llum jien kelliem għalih. Hemm numru ta’ miżati li żdiedu. Effettivament żdiedu ’l fuq minn 400 miżata jew taxxa. Altru milli kien baġit ħanin fuq il-familji Maltin u Għawdxin!
Għalhekk, bir-raġun kollu, l-Oppożizzjoni qed tinsisti fuq il-Gvern, li tant saħaq fuq l-importanza li jkun hemm impact assessment, li jitwaqqaf working group kompost mir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti – u jiena ngħid anke tas-soċjetà ċivili – għax ħafna minn dan l-impatt huwa fuq il-familji, sabiex dawn ikunu jistgħu jiflu, wara li jsir impact assessment b’dawn it-tariffi u l-mod kif dawn qed jiddaħħlu, u allura dak li jiddaħħal, jiddaħħal bi qbil u mhux b’impożizzjoni mill-Gvern u mingħajr ebda proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Gvern kellu opportunità wkoll li juża dan il-mument biex jipprova jnaqqas l-ispiża tal-gvern, u allura jekk se nagħmel xi bidliet fil-miżati, waqt li ngħolli l-miżati għal min imur fuq il-counter għal servizz li jeħtieġ li jkun hemm skrivan li jagħtihulu, u allura dak is-servizz qed jiswih spiża lill-Gvern, il-miżata tkun irħas jekk l-individwu, pereżempju, ċertifikat, passaport, hu x’inhu s-servizz, jitolbu minn fuq l-internet għax b’dan il-mod lill-Gvern ikun qed inaqqaslu l-pressjoni fuq ir-riżorsa umana fis-settur pubbliku. Hawnhekk ninsisti li l-Gvern jieħu opportunità minn din iċ-ċirkostanza biex jagħraf jgħin lilu nnifsu jnaqqas in-nefqa tal-gvern, u allura l-ħtieġa li nibqgħu ningaġġaw dawn il-ħaddiema mal-gvern li, kif nafu, mill-elezzjoni ’l hawn issa laħqu l-4000, u minflok, nużaw ir-riżorsi tagħna b’mod effiċjenti u mingħajr ma nkunu ta’ piż aktar fuq il-poplu Malti u Għawdxi, u b’hekk innaqqsu l-piżijiet u mhux inkomplu nżiduhom.
Irrid nitkellem ukoll fuq waħda mit-taxxi partikolari li daħħal dan il-Gvern. Mhux se nitkellem fuq il-ħafna taxxi li żied tas-sisa, il-petrol u d-diesel, it-taxxa fuq it-tyres, u diversi taxxi oħrajn li żdiedu f’dan il-Baġit, imma se niffoka fuq waħda partikolari li fil-Baġit, il-Ministru, minflok bħala żieda ta’ taxxa, ippreżentaha lill-poplu Malti bħala tnaqqis ta’ taxxa. Qed ngħid għat-taxxa dwar il-proprjetà. Il-Ministru, fid-Diskors tal-Baġit qal – u hekk għadhom qed jgħidu diversi esponenti tal-Gvern – li naqqas ir-rata ta’ taxxa fuq il-proprjetà minn 12% għal dak li qed jgħid 10% jew 8%, skont it-tip ta’ kuntratt. Qed jgħidilna biex inċapċpulu għax raħħas it-taxxa. Però l-Ministru jaf - għax illum hemm kor ta’ vuċijiet li qed jersqu lejn il-Gvern u qed jistaqsuh jekk effettivament jafx x’inhu jagħmel – li b’din il-miżura l-Gvern mhux naqqas it-taxxa, imma naqqasha lil xi wħud li kienu jifilħu jħallsu dik it-taxxa, waqt li żiedha fuq min ma jiflaħx iħallas it-taxxa. Għaliex?
L-ewwel nett, ħalli nmur pass lura u nifhmu t-taxxa tagħna fuq il-proprjetà kif kienet. F’pajjiżna, t-taxxa fuq il-proprjetà ta’ meta tbiegħ proprjetà kellek l-għażla li jew tħallas 12% fuq il-valur tal-proprjetà li inti qed tbiegħ, jew tħallas it-taxxa normali ta’ 35%, mhux fuq il-prezz kollu, imma fuq il-qliegħ biss. U allura dan ħafna drabi kien ifisser ...
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, nitlobkom biex, jekk ma tridux tisimgħu dak li qed jingħad, toħorġu ’l barra. Minix niċċajta, jekk tibqgħu sejrin hekk, se nkeċċikom ’il barra jien.
ONOR. TONIO FENECH: Ħalli nerġa’ nispjega. Qabel dan il-Baġit, it-taxxa fuq il-bejgħ tal-proprjetà kienet jew 12% fuq il-valur kollu tal-kuntratt tal-bejgħ tal-proprjetà, jew 35% fuq il-qliegħ. L-għażla kienet għal min qed ibigħ, seta’ jagħżel li jħallas skont dak li l-aktar jaqbillu, li jfisser l-anqas minn jew 35% fuq il-qliegħ, jew 12% fuq il-bejgħ. Kien hemm ħafna ċirkostanzi fejn l-għażla kienet tkun li jħallsu t-taxxa fuq il-qliegħ. Għaliex? Għax nafu li, fir-realtà, jekk proprjetà m’ilhiex għandek, u qed tikkumerċjalizzaha billi tixtri u tbigħ, jew inkella tiżviluppa u tbigħ, u ma għaddewx numru ta’ snin biżżejjed, inti ma tkunx għamilt qligħ biżżejjed meta tiġi biex tbigħ biex taqla’ 12% fuq il-valur kollu tal-kuntratt, u allura tagħżel li tħallas bil-35%. Il-Gvern ma spjegax għaliex tneħħiet din l-għażla. Il-Ministru wara qal, iżda fil-Baġit ma qal xejn dwar dan. Però, skoprejna mil-liġi li l-għażla tneħħiet.
Effettivament, dan ifisser li inti llum jista’ jkun li se tbigħ proprjetà, u ma taqla’ xejn minnha. Jista’ jkun qed tbigħha għax mgħaġġel biex tbigħ. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi partikolari fejn il-valur tal-proprjetà naqas minħabba, pereżempju, għax inbena madwarek. Jista’ jkun li għandek problemi fin-negozju, u l-bank qed jispinġik biex tbigħ biex taqta’ ċertu self u garanziji li għandek mal-bank, allavolja l-prezz mhux tajjeb. Dawn ifissru li l-qligħ li tagħmel ma jkunx biżżejjed, u jkun anqas mit-taxxa li l-Gvern qed jitolbok tħallas. Jien naf anke b’ċirkostanzi fejn kuntratti qed jaqgħu għaliex min kien se jbigħ qed jgħidilhom li bil-liġi kif inhi ma jistax ibigħ, għax ma jistax ma jagħmilx qligħ u mbagħad xorta jrid iħallas it-taxxa. Lil dawn in-nies, dan il-Gvern mhux biss ma raħħsilhomx it-taxxa, imma għollielhom it-taxxa. U dawn mhumiex ftit. Tant mhumiex ftit li, meta qamet din il-kritika, fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Finanzi qal: Imma mhux ovvju, jekk aħna bbaġitjajna li se niġbru l-istess flus tas-sena li għaddiet u naqqasna r-rata, se niġbruhom minn xi mkien ieħor? Minn fejn hu xi mkien ieħor? Minn dik il-proprjetà li qabel kienu jħallsu rata ta’ taxxa anqas, għar-raġunijiet li qed nispjega, u issa se jħallsu taxxa ogħla.
Sur President, dan il-Gvern issa litteralment qaleb il-politika soċjali rasha ’l isfel, u qed jgħid lil min jiflaħ iħallas, bħal min tah il-parir li jagħmel hekk – għax din ma ħarġitx mill-Ministeru għall-Finanzi, din l-idea kulħadd jaf li ħarġet mill-President tal-Malta Developers Association, li hu l-uniku wieħed li qed joħroġ jiddefendi fin il-miżura fil-pubbliku. Mhux bilfors, jekk kien hu l-konsulent tal-Gvern li mbotta biex issir hekk? Issa ħafna qed jgħidulu li se jitilfu l-flus jekk ir-rata se tibqa’ kif inhi. Allura hemm imbottatura fuq il-Gvern biex idaħħal l-għażla. Jekk il-Gvern ried ġenwinament iraħħas it-taxxa, kulma ried jagħmel kien li jraħħas ir-rati, u mhux iraħħas ir-rati u jneħħi l-għażla, bil-konsegwenza li tispiċċa tħallas rata ta’ taxxa ogħla.
B’dan il-mod, il-Gvern laqat lil ħafna nies li fir-realtà mhux qegħdin hemm biex jagħmlu n-negozju mill-proprjetà, imma probabbilment kienu qed iżommu l-proprjetà tagħhom għar- raġunijiet li għamlu s-savings tagħhom f’dik it-tieni proprjetà, u li issa qed jiġu ffaċċjati b’sitwazzjoni li ma jaqblilhomx ibigħu, għax dak il-ftit qligħ li jkunu għamlu fuq il-proprjetà mhux se jirrealizzawh, għax ikollhom iħallsuh kollu taxxa.
Allura jien nappella lill-Gvern biex ma jgħaddasx rasu fuq din il-liġi li qed tweġġa’ lil ħafna nies. Ħafna nies qed jirrealizzaw dan meta jiġu fis-sitwazzjoni li jmorru kuntenti għand in-nutar u jgħidulu li se jbigħu l-proprjetà, u mbagħad, meta jibda jispjegalhom kif se jħallsu t-taxxa, jibdew jirrealizzaw li dawn se jħallsu aktar taxxa milli kienu se jħallsu taħt is-sistema preċedenti. Għal darb’oħra, nappella lill-Gvern biex, jekk huwa ġenwinament ried biss iraħħas it-taxxa fuq il-proprjetà, allura kulma kellu jagħmel kien li jnaqqas ir-rati, u jħalli l-għażla f’idejn min qiegħed ibigħ. B’hekk il-bejjiegħ ikun jista’ jara x’jaqbillu, jekk hux li jħallas bl-10% jew bit-8% fuq il-valur tal-proprjetà, skont il-kondizzjonijiet li jaqa’ taħthom, jew inkella jħallas 35% fuq il-qliegħ, jekk jagħmel il-qligħ.
Sur President, xi ħaġa oħra li bil-bidliet li qed jagħmel il-Gvern qed tintilef, u li biha se jintlaqtu ħafna negozji b’mod ħażin hu l-fatt li sal-lum it-taxxa fuq il-valur tal-proprjetà, il-capital gains tax, kienet income tax. Għal min jifhem tfisser li, għax hija taxxa fuq id-dħul, tiġi trattata, f’każ ta’ negozji li għandhom diversi attivitajiet bħala qligħ, bħal kull qligħ ieħor li jagħmel minn negozju ieħor, u allura tibbenefika mill-istess vantaġġi li jibbenefika kull negozju. Jekk jiena f’negozju partikolari qed nitlef il-flus, u f’ieħor qed naqla’, qabel ma nħallas it-taxxa, inpaċi l-qligħ u t-telf f’dak in-negozju, u nħallas biss jekk nagħmel aktar qligħ meta ngħoddhom flimkien. Jiġifieri jekk jien nagħmel qligħ ta’ €100 minn negozju, u nagħmel telf ta’ €80 fuq in-negozju l-ieħor, inħallas it-taxxa biss fuq l-€20, mhux nħallas fuq il-€180, u Alla m’għamlu t-telf li għamilt.
Il-liġi kif għamilnieha aħna kienet tippermetti li t-telf tista’ tieħu vantaġġ u tpaċih mal-qligħ li tagħmel minn xi mkien ieħor, għax inkella min ikollu negozju jista’ jgħid li fejn qed jitlef il-flus, jagħlaq mill-ewwel u jkeċċi l-ħaddiema. Aħna ma jaqblilniex: aħna jaqblilna nħallu li n-negozju jpaċi l-qligħ mat-telf, ħalli fejn jista’ jkun ikompli jikber mingħajr ma joqgħod jagħmel dan it-tip ta’ għażliet drastiċi minn sena għall-oħra.
Issa lin-negozjant qed ngħidulu li, jekk jagħmel qligħ minn proprjetà li jbigħ, imma fin-negozju tiegħu jagħmel it-telf, dak il-qligħ ma jistax ipaċih mat-telf, imma jrid bilfors iħallas it-taxxa fuq il-valur tal-proprjetà. Dan ifisser li wieħed ma jkunx jista’ jgawdi minn din l-aġevolazzjoni li kien hemm qabel, u dak in-negozju jfisser li jkun qed iħallas aktar taxxa. Għalhekk, jien nittama li l-Gvern iħares serjament lejn din is-sitwazzjoni.

Bħala kelliem għall-Affarijiet Barranin, ma stajtx ma nħarisx ukoll ftit lejn dan il-qasam, u kif il-Gvern qed iħares lejh finanzjarjament. Ninnota li l-Gvern, waqt li bil-miżuri li ħa, bid-deċiżjoni li jżid il-miżati, qed jikkalkula li se jiġbor €500,000 aktar minn dan il-Ministeru, li tradizzjonalment ma nħarsux lejh bħala minn fejn indaħħlu l-flus, imma aktar fejn ninvestu biex insaħħu r-relazzjonijiet tagħna internazzjonali. Jidher li l-Gvern qed jonfoq mal-€1,200,000 f’pagi aktar f’dan il-Ministeru u fil-qasam tal-Affarijiet Barranin. M’iniex se nikkritika n-nefqa nnifisha; imma mingħajr dubju, għan-nefqa nixtiequ naraw rendikont tax-xogħol li qed isir. L-Oppożizzjoni qiegħda tappoġġja lill-Gvern fil-ħidma tiegħu, fis-sitwazzjonijiet diffiċli, bħal pereżempju, il-Libja u s-sitwazzjoni tal-ISIS li temerġi hemm. Kellna anke l-istqarrija l-ġimgħa li għaddiet, li uriet li l-Gvern u l-Oppożizzjoni huma f’kuntatt kostanti u qed naħdmu mill-viċin biex nimmoniterjaw is-sitwazzjoni u nieħdu l-passi li hemm bżonn. Però, ovvjament il-qasam tal-Affarijiet Barranin mhux biss f’dik is-sitwazzjoni.


Meta llum tħares lejn l-ambaxxati tagħna f’pajjiżi oħrajn u l-ambaxxaturi li għandna, tara li f’din il-leġislatura hemm numru rekord ta’ ambaxxaturi li ġew appuntanti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin mhux miċ-Ċivil – dawk li ngħidulhom Career Diplomats – imma ġew appuntati bħala ambaxxaturi nies li ġejjin minn barra. Fiha nnifisha mhijiex xi ħaġa ħażina, imma wieħed kien jifhem li l-iskop li qabbadna lil dawn in-nies suppost kien li se jġibu aktar negozju lejn pajjiżna, u mhux negozju għalihom personali. Ambaxxatur m’għandux ikollu interessi ta’ natura kummerċjali fil-pajjiż li jkun qed iservi. Hawnhekk irrid nistaqsi lill-Gvern kif qed jimmoniterja, x’valur vera qed jieħu pajjiżna minn dawn l-ambaxxaturi, b’mod partikolari minn dawk li appunta mhux minn Career Diplomats, imma proprju minn persuni li ħafna drabi kienu viċin tiegħu, u li kellu fiduċja li se jagħmlu xogħol aħjar.
Sur President, jien nittama li eventwalment il-Ministru jagħti anke rendikont lill-Parlament biex naraw x’investiment qed iġibu dawn lejn pajjiżna, u x’riżultati konkreti qed nieħdu għal dawn il-€1.5 miljun aktar f’pagi u salarji oħrajn li qed nonfqu f’dan il-Ministeru. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. José Herrera.

ONOR. JOSé HERRERA: Sur President, sentejn ilu l-pajjiż kien għadda b’kampanja elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali, liema elezzjoni ġenerali tat mandat lil din in-naħa tal-Kamra biex tmexxi lill-pajjiż għall-ħames snin ta’ wara. Sentejn ilu, l-poplu kien qed jiżen dak li qed ngħidu aħna u dak li kienet tgħid l-Oppożizzjoni, li dak iż-żmien kienet fil-Gvern. L-għażla saret, ix-xogħol beda u r-riżultati bdew ġejjin. Illum, kważi sentejn wara, mill-10 ta’ Marzu 2013 ’l hawn, nistgħu niġu fil-Parlament u nagħtu rendikont lill-poplu tal-ħidma tagħna f’din l-ewwel parti tal-leġislatura.
Biex nagħtu rendikont tal-ħidma tagħna, naħseb li l-mistoqsija prinċipali li rridu nindirizzaw, u li n-nies iridu jwieġbu, hija jekk il-poplu llum hux qed jgħix aħjar jew agħar milli kien qed jgħix sentejn ilu. Biex nindirizza din il-mistoqsija llum se nagħżel li niffoka fuq ix-xogħol li ġejt fdat li nagħmel jien mill-Prim Ministru, jiġifieri dak bħala l-persuna responsabbli mill-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Umilment kulħadd jaqbel li l-ekonomija tal-pajjiż tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba. Jixhdu n-nies li bil-miżuri pożittivi li qed nieħdu llum qed jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar; jixhdu wkoll ir-rapporti u studji li ta’ sikwit jiġu ppubblikati dwar l-andament ekonomiku tal-pajjiż. Se nsemmi xi wħud l-aktar riċenti.
Dan l-aħħar kellna l-Eurostat li rrevediet ’l fuq ir-rata tat-tkabbir ekonomiku. Jirriżulta li, bejn Lulju u Settembru tal-2014, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-UE. F’rapport ieħor, il-Kummissjoni Ewropea tkellmet b’mod pożittiv ħafna dwar ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku għal pajjiżna. Ma’ dawn imbagħad hemm għadd ta’ miżuri li bħala Gvern qed nieħdu biex nikkontrollaw ir-rata tal-għoli tal-ħajja, li wkoll taffettwa l-kompetittività. Inflazzjoni baxxa tfisser nifs għall-familja tagħna. Pereżempju, f’Jannar tal-2015, l-inflazzjoni f’pajjiżna, skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, kienet tammonta għal 0.3%, li tfisser l-anqas rata ta’ inflazzjoni f’Malta mill-1985 ’l hawn. Hawn in-nies jistgħu jiġġudikaw bil-fatti. Taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, bħala medja, l-inflazzjoni kienet tħallaq 2.6% fis-sena, jew kważi 9 darbiet aktar minn dik irreġistrata fit-12-il xahar li għaddew. Raħħasna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji, u issa se nraħħsuhom ukoll għan-negozji. Ġibna stabbiltà fil-prezzijiet tal-fuels, u dan ix-xogħol qed iħalli riżultati pożittivi fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Filwaqt li, bejn Marzu tal-2008 u Marzu tal-2013, kull sena bħala medja l-prezzijiet tad-dawl, ilma, gass u fuel kienu jiżdiedu bi 13%, din is-sena naqsu bi 15.4%. It-tnaqqis fl-inflazzjoni wassal biex il-paga medja, meta mqabbla mas-sena li għaddiet, għoliet b’2.3%, li tikkontrasta mat-tnaqqir ta’ 0.5% fil-paga medja li kienet irreġistrat fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. F’termini aktar sempliċi, dan x’ifisser? Kif jispjega l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer li sar mill-Kummissjoni Ewropea, dan il-Gvern qed jindirizza waħda mill-akbar problemi li taffettwa lin-nies, cioè l-inflazzjoni. Filwaqt li qabel l-2013, il-poter tal-akkwist tal-ħaddiem medju kien mar lura bi €80, illum l-ħaddiem medju mar aħjar bi €315. Marru wkoll għall-aħjar il-finanzi tal-pajjiż. Skont stħarriġ tal-Bank Ċentrali, qed jirnexxielna nikkontrollaw id-defiċit, waqt li bħala pajjiż, minħabba l-inizjattivi li qed jittieħdu, qed jirnexxielna ndaħħlu aktar flus.
Sur President, jidhirli li jkun opportun li issa, waqt id-diskors tiegħi, nagħti rendikont daqsxejn aktar dettaljat ta’ uħud mill-oqsma li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà politika tiegħi, oqsma li huma l-muturi ewlenin biex nkattru l-ekonomija, u niżirgħu aktar kompetittività. Il-gaming, l-industrija tar-remote gaming li, mill-istatistika li ġibt u li se nippreżenta llum, jirriżulta li din qiegħda tikber sostanzjalment. Il-gaming u l-industrija tar-remote gaming kabbret il-kontributorju tagħha ta’ din l-industrija u l-industrija tal-logħob inġenerali fl-ekonomija tal-pajjiż.
Minn studju li sar riċentement, jirriżulta li din l-industrija llum qed tipprovdi aktar minn 5,500 impjieg ta’ kwalità, li jfisser 3.2% tal-impjiegi kollha full-time f’dan il-pajjiż. Forsi wieħed jistaqsi jekk dan hux biżżejjed. Jiena ngħid li żgur li le. Irridu nkomplu nikbru, u se nagħmlu l-almu tagħna biex inkomplu nikbru, filwaqt li nipproteġu u niddefendu dak li għandna. Pereżempju, aktar kmieni din is-sena, kont Brussell fejn hemmhekk ltqajt mal-Kummissarju responsabbli mill-isport biex niddiskutu l-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-manipulazzjoni fl-isport. Spjegajt li Malta taqbel mal-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni, iżda mhux se tikkonċedi għall-pressjoni ta’ xi pajjiżi li dak li ma għamlux fuq livell Ewropej jippruvaw jagħmluh b’din il-konvenzjoni. L-industrija tal-logħob f’pajjiżna mhijiex kwalunkwe industrija.
Fl-aħħar sentejn, saħħaħna din l-industrija billi saħħaħna l-irwol u l-funzjoni tar-regolatur. Biddilna saħansitra l-isem tar-regolatur minn Awtorità għal-Logħob u Lotteriji għal Awtorità Maltija għal-Logħob, biex b’hekk issa għandna awtorità li qed tirrifletti aktar l-ħteġijiet tal-industrija tal-lum u ta’ għada. Waqqafna l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, u dalwaqt se nwaqqfu l-id promozzjonali ta’ din l-industrija f’pajjiżna, jiġifieri l-Gaming Malta. Qed nikkonsolidaw dak li sar minn ta’ qabilna, waqt li nsostnu l-isfidi tal-futur. Ikolli ngħid li dak li sar tajjeb mill-Gvern preċedenti, aħna nagħtuh mertu.
F’din l-industrija jkolli ngħid li kien il-Gvern Nazzjonalista li għamel il-pedamenti, però qed ikun dan il-Gvern li issa qed ilaħħam u jsaħħaħ dawk il-pedamenti li sibna. Nixtieq nirringrazzja lill-Oppożizzjoni tal-kritika kostruttiva li tagħmel minn żmien għal żmien, u talli qed turi l-id ta’ kollaborazzjoni mal-Gvern meta niġu għal dawn is-setturi daqstant sensittivi. Għal darba oħra, nistieden lill-kelliema tal-Oppożizzjoni biex, jekk ikollhom xi suġġerimenti, jew xi punti li jixtiequ jiddiskutu miegħi, il-bieb huwa miftuħ għal dan it-tip ta’ dibattiti.
Bis-saħħa ta’ din l-eko-sistema li rnexxielna noħolqu, qed inżidu l-għadd ta’ liċenzji rreġistrati f’Malta, qed inżidu l-ammont ta’ kumpanniji li qed jagħżlu lil Malta bħala d-dar naturali tagħhom, filwaqt li qed inkunu aktar effiċjenti. Dan kollu qed jiġi rikonoxxut internazzjonalment, filwaqt li f’pajjiżna qed inkomplu niġbdu aktar kumpanniji ta’ kalibru kbir, bħal pereżempju, il-BetClic Everest Group, li minn Ġibilità ġabet l-operat tagħha għal ġewwa Malta. Naħseb li taqblu miegħi li dan kollu qed jiġri sforz ir-reputazzjoni li bħala pajjiż rnexxielna nibnu flimkien, il-Gvern u l-Oppożizzjoni, reputazzjoni msejsa fuq serjetà, kredibilità u responsabbiltà. Serji, għax għandna ġurisdizzjoni b’saħħitha; kredibbli, għax għandna awtorità li hija b’saħħitha; b’nies kompetenti u responsabbli, għax fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna qed inpoġġu lill-klijenti, jiġifieri ’l-ġukatur.
Ġaladarba qed nitkellmu fuq responsabbiltà, huwa tajjeb li ngħid li hawn qed naħdmu anke f’kontest lokali fejn, permezz tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, bejn Marzu u Mejju se tibda kampanja fl-iskejjel li se tmiss mal-2,000 student. Din l-eko- sistema issa se tkompli tissaħħaħ permezz tal-Gaming Academy, proġett ambizzjuż li ser isir din is-sena, u li se jieħu lill-pajjiżna f’livell ieħor fil-qasam tal-industrija tal-gaming.
Sur President, nixtieq ngħaddi xi osservazzjonijiet ukoll fuq il-MITA, li wkoll taqa’ taħt id-dekasteru tagħna. Se nitkellem dwar ix-xogħol li sar fl-aħħar sentejn minn entità oħra ta’ portata nazzjonali. Fl-aħħar snin, din l-aġenzija governattiva tat-teknoloġija u informazzjoni kienet strumentali sabiex toffri infrastruttura diġitali u soluzzjonijiet differenti f’qafas effiċjenti bl-użu u l-applikazzjoni tat-teknoloġija għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll għall-poplu inġenerali. Wara li nħatar il-Bord u ċ-Chairman Eżekuttiv ġdid, il-MITA bdiet proċess immedjat ta’ ristrutturar fil-policies u l-proċeduri tagħha, fosthom dawk amministrattivi, dawk relatati mar-riżorsi umani, kif ukoll dawk relatati max-xiri ta’ apparat elettroniku u soluzzjonijiet tal-Gvern. Dan seħħ permezz ta’ konsultazzjoni sħiħa mal-ħaddiema permezz ta’ action teams differenti. Fl-istess perijodu, sar realignment fl-istruttura tal-management biex titjieb l-effiċjenza fil-qasam maniġerjali, kemm mil-lat ta’ komunikazzjoni, kif ukoll sabiex il-MITA tkun aktar proattiva fl-operat tagħha.
X’sar f’dawn l-aħħar sentejn? Saħħaħna s-sapport tekniku għas-Servizz Pubbliku biex b’hekk iċ-ċittadin Malti u Għawdxi jkun moqdi aħjar. Lill-ħaddiema tal-Gvern ipprovdejnilhom infrastruttura teknoloġika ġdida, jew saħħaħna dak li kien hemm, filwaqt li ffrankajna l-flus. Hawn tajjeb li nsemmi li, permezz ta’ sistemi u proċessi ġodda ta’ akkwist, il-Gvern iffranka maż-€2 miljun fis-sena fuq xiri ta’ kompjuters ġodda. Saħħaħna l-qafas tas-sigurtà tal-informatika b’investiment ta’ €1 miljun. Saru arranġamenti ma’ numru ta’ kumpanniji privati b’valur ta’ €2.5 miljun sabiex joffru s-sapport u t-titjib meħtieġ f’aktar minn 40 sistema differenti. B’inizjattivi, bħal STEM u l-iStudent Placement Programme, komplejna nsostnu l-ħidma fil-qasam tad-digital outreach, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni. Nedejna l-MITA Innovation Hub fi Smartcity Malta, li jixhed l-impenn li għandu dan l-Gvern biex jagħmel minn dan il-proġett suq ta’ opportunitajiet fl-ICT.
Il-MITA ħadmet mill-qrib mal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA), flimkien ma’ msieħba oħra, sabiex tniedi l-iStrateġija Nazzjonali tal-ICT, Digital Malta, li sal-aħħar tal-2014 kien hemm 52% tal-azzjonijiet li kien diġà beda x-xogħol fuqhom. Irrid insemmi wkoll li Malta żammet il-pożizzjoni tagħha fl-eżerċizzju tal-e-Government Benchmarking tal-Kummissjoni Ewropea, fejn għal darba oħra s-servizzi online tal-gvern kienu kklassifikati minn ta’ quddiem nett fl-Unjoni Ewropea. Sfortunatament, l-użu ta’ dawn is-servizzi hija storja oħra, u fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed inħabbru inizjattiva li hija proprju immirata biex tkabbar it-take-up ta’ dawn is-servizzi pubbliċi online.
Ta’ min wieħed isemmi numru ta’ proġetti oħrajn fejn il-MITA kienet strumentali fihom tul dawn l-aħħar snin. Hemm ukoll l-Isptar tal-Onkoloġija, fejn tlesta x-xogħol rikjest biex ikun jista’ jopera dan l-isptar. Proġett ieħor kien il-bini tal-Parlament il-ġdid, fejn il-MITA ħadet ħsieb tara li dan il-bini jkun mgħammar b’faċilitajiet teknoloġiċi adegwati. Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-MITA, b’arranġament mal-Università ta’ Malta, qed tipprovdi l-Internet fl-iskejjel tal-Istat bi prezz ferm aħjar, u b’veloċità erba’ darbiet aktar b’saħħitha, minn qabel. Dan kollu qed nagħmluh għall-ġid ta’ uliedna biex ikollhom l-aqwa aċċess għall-informazzjoni online. B’kollox hemm 105 skola li qed igawdu minn din is-sistema.
Tul din l-aħħar sena, il-MITA għamlet passi avvanzati biex tassisti lis-settur tal-ġustizzja. Ta’ min isemmi li f’dan is-settur kienu implimentati numru ta’ bidliet sabiex tiġi ffaċilitata s-sistema elettronika. Din għenet biex ikun hemm merger bejn il-qrati Maltin u Għawdxin. Tnediet ukoll is-sistema għaċ-ċittadini li jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta’ notifikazzjoni permezz ta’ sms, li permezz tagħha jkunu jafu jekk il-kawża tagħhom ġietx differita jew le. Huwa tajjeb li wieħed isemmi numru ta’ inizjattivi oħra li saru mill-MITA, fosthom l-Open Day li saret ftit tal-ġimgħat ilu, u li fiha ’l fuq minn 500 ruħ żaru d-Data Centre f’Santa Venera; l-Information Security Expo, li ttellgħet fi Smartcity Malta f’Ottubru tal-2014; u l-iStudent Advantage Scheme, li semmejt aktar qabel.

Il-MITA nvestiet ukoll fil-ħaddiema tagħha permezz tat-tnedija ta’ Microsoft IT Academy. Minn aspett aktar soċjali, il-MITA nediet grupp intern li jieħu ħsieb il-corporate social responsability tal-Aġenzija. Il-MITA kienet kruċjali fil-kampanja Stop Hate, kampanja nazzjonali kontra s-cyber bullying, bis-sehem ta’ diversi kumpanniji u personalitajiet stabbiliti. Nista’ ngħid li din il-kampanja qed tħalli l-frott li kien mistenni minnha. Fil-fatt, illum, jekk wieħed jaqra l-ġurnali, jara li proprjament din il-kampanja qed tiġbed entużjażmu u parteċipazzjoni saħansitra ferm akbar minn dak mistenni. Bħala Gvern, aħna kommessi li nkomplu nsaħħu dan is-settur f’pajjiżna, mhux biss għax huwa mutur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda wkoll għax irridu naraw li l-avvanzi fit-teknoloġija jfissru avvanz fis-soċjetà Maltija wkoll.


Bl-istess mod qed ninvestu fl-komunikazzjoni. X’sar mill-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni tul dawn l-aħħar sentejn? Qed naħdmu qatiegħ biex, fl-isfond ta’ dak li hemm fil-manifest elettorali tal-Gvern, nassiguraw li Malta jkollha l-infrastruttura tal-broadband meħtieġa biex tkun tista’ tilħaq il-miri ambizzjużi li jwasslu għall-ekonomija diġitali. Irridu nassiguraw li l-ambjent ekonomiku jkompli jiffaċilita t-tnedija ta’ networks ta’ Internet b’veloċità għolja li jwasslu għal aktar innovazzjoni, ħolqien ta’ impjiegi ġodda u sostenibbli, u li jrendu lil Malta aktar kompetittiva.

F’Ottubru tal-2014, nedejna – u għadna qed naħdmu fuq – l-Istrateġija Nazzjonali għall-Kummerċ Elettroniku f’Malta, li ġiet imfassla mill-MCA. Din hija proposta oħra li toħroġ mill-programm ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern, u anke biex fl-istess fond ngħinu l-industrija tal-bejgħ, li qed issofri xi ftit backlash minħabba l-użu ta’ xiri minn fuq il-mezzi elettroniċi.


Din l-istrateġija tkopri fiha l-politika tal-Gvern dwar dan il-qasam, u telenka l-iniżjattivi kollha li se jiġu implimentati fuq medda ta’ seba’ snin. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi huwa li jinħoloq ambjent ekonomiku li jiffaċilita u jappoġġja l-kummerċ elettroniku, u sabiex jinkoraġġixxu negozjanti Maltin jarmaw bil-mezzi meħtieġa sabiex igawdu mill-potenzjal li joffri l-kummerċ elettroniku. Din l-istrateġija ġiet imfassla fl-ambitu ta’ strateġija nazzjonali tal-Gvern għal ekonomija diġitali aktar wiesgħa.

Sur President, irrid niddikjara li qed nagħmlu minn Malta u Għawdex fost l-ewwel Wi-Fi states fid-dinja. Din hija wegħda elettorali. Hawnhekk l-MCA kompliet tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex fil-ħidma tagħha żżid l-ammont ta’ Wi-Fi hotspots b’xejn madwar Malta u Għawdex. Kif diġà għedt, din il-proposta ssemmiet fil-Baġit ukoll. Sal-lum, l-MCA tħaddem madwar 191 hotspot. Fis-snin li ġejjin, l-Awtorità se tkompli żżid il-firxa ta’ dawn il-hotspots, u ssaħħaħ il-kwalità tas-servizz. Sas-sena 2016, tfasslet il-mira biex in-numru ta’ dawn il-hotspots jilħaq it-300, jiġifieri nirdoppjaw dak li diġà għandna.


Sur President, missjoni soċjali u politika oħra li għandu dan il-Gvern fejn tidħol l-ICT hija li nnaqqsu l-firda diġitali, filwaqt li nżidu l-għarfien bażiku tiegħu. Hawnhekk, il-Gvern baqa’ impenjat għall-aħħar biex inaqqas kemm jista’ ikun il-firda diġitali u jżid l-għarfien fl-użu tal-ICT fost iċ-ċittadini u n-negozjii Maltin. Il-firda diġitali hija realtà f’Malta. Madwar terz tal-popolazzjoni ma tagħmilx użu mit-teknoloġija, u għalhekk għandha diffikultà biex issib impjieg, tkun produttiva fuq ix-xogħol, tagħmel użu mis-servizzi elettroniċi tal-Gvern, u tipparteċipa b’mod effettiv fid-dinja diġitali. B’riżultat ta’ dan, nies aktar imdaħħla fl-età qed isibu ruħhom dejjem aktar esklużi u vulnerabbli, proprju minħabba din il-firda diġitali. Għalhekk, nedejna għadd ta’ proġetti bħall-proġett ENTER fejn, permezz ta’ fondi Ewropej, qed jingħataw madwar 500 opportunità ta’ taħriġ. Għaddejjin bi proġett tal-anzjani u persuni b’diżabilità, il-proġett Be Smart Online, il-proġett Web Check, il-proġett Coderdojo, u l-proġett għall-immigranti.
Sadanittant, qed naħdmu biex inkomplu navvanzaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp fil-komunikazzjoni diġitali, ħalli nattiraw investiment f’oqsma diġitali ġodda. Il-kuntest ekonomiku li fih jaħdem is-suq li tirregola l-Awtorità qed jinbidel radikalment. L-għodod tradizzjonali li servew lill-Awtorità biex tirregola s-suq lokali, u l-Kummissjoni Ewropea fuq livell Ewropew, mhumiex neċessarjament adegwati għall-ħteġijiet u l-opportunitajiet tal-futur. Għaldaqstant, l-Awtorità qed tevolvi biex il-kontribut tagħha jmur lil hinn mill-ħteġijiet tas-settur kif inhuma llum. L-għan tal-Awtorità irid ikun dak li tassigura li l-ekonomija Maltija tkun ippreparata b’infrastruttura u riżorsi biex tikkompeti b’suċċess fis-swieq globali u diġitali. Twaqqaf network ta’ stakeholders li l-għan tiegħu hu li jiġġenera d-djalogu bejn l-entitajiet privati u pubbliċi fuq kif is-settur jista’ jiżviluppa, biex Malta ssir aktar attraenti għall-investimenti u opportunitajiet ġodda.
Sur President, varajna analiżi dwar submarine cable ġdid. Il-konnettività internazzjonali hija fundamentali għall-ekonomija ta’ Malta. Fil-fatt, l-aħħar ftit snin kienu kkaratterizzati minn estensjoni fil-konnettività dovut għat-tkabbir fis-setturi terzjarji, bħal dawk finanzjarji tas-servizzi, kif ukoll tal-e-gaming. Bħala gżira jeħtieġ li nkomplu nżidu l-kompetittività f’dan is-settur tal-informatika. Huwa bla dubju li konnettività ekonomika internazzjonali b’saħħitha, effiċjenti u effettiva tkun fattur ewlieni għal dan is-suċċess. L-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni qiegħda tniedi analiżi dwar il-fattibilità teknika, ekonomika u finanzjarja ta’ submarine cable ġdid bejn Malta u postijiet alternattivi oħrajn fil-Kontinent Ewropew, bil-għan li titjieb l-adattabilità u l-kwalità ta’ konnettività tat-telekomunikazzjoni internazzjonali attwali. Dan l-istudju se jkun iffinanzjat permezz ta’ fondi Ewropej, u jista’ jagħti sfond ġdid għall-konnettività mal-Kontinent Ewropew.
Dan ix-xogħol kollu li sar lili jimlini b’kuraġġ. Bi proġetti fuq l-art u anke fuq il-baħar, dan il-Gvern qed jaħdem qatiegħ biex ikattar il-potenzjal ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. Wieħed minn dawn il-proġetti li għandi għal qalbi huwa l-politika marittima, li mhijiex sempliċement ħsus ta’ ħsebijiet fl-arja, imma pjan konkret u integrat ta’ kif pajjiżna jrid jimmassimizza l-potenzjal marittimu tiegħu. Huwa tajjeb li nirrapporta li f’Lulju tas-sena l-oħra jiena kont varajt dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, u b’sodisfazzjon ninforma li kellna parteċipazzjoni attiva ħafna mis-settur privat, li wera l-ħtieġa li din il-politika fl-aħħar tingħata l-importanza xierqa. Meta kont varajtu, miegħi kien hemm preżenti wkoll – u nsemmiha għax kien ta’ unur u privileġġ li jkolli l-endorsjar tiegħu – iI-Prof. David Joseph Attard, li jippresiedi l-International Maritime Law Institute (IMLI).
Issa se nsemmi ftit figuri dwar l-importanza għall-marittimu f’Malta. Malta għandha l-akbar ship registry fl-Ewropa, u l-ħames l-akbar fid-dinja kollha. Malta għandha t-tielet l-akbar freeport fil-Mediterran. B’investiment ġdid ta’ €15 miljun li sar mill-privat, illum pajjiżna kapaċi jakkomoda l-akbar vapuri fid-dinja, b’tunnellaġġ li jlaħħqu madwar 18,000 container f’vapur wieħed, li jitlaq miċ-Ċina san-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Fil-jiem li għaddew sar magħruf li l-akbar żewġ alleanzi kbar ta’ kumpaniji tat-tbaħħir għażlu lill-Malta Freeport bħala wieħed mill-postijiet ewlenin fejn jagħmlu transhipments f’nofs il-Mediterran.
Dan mhux kollox. Qed naħdmu biex inġibu aktar xogħol lejn pajjiżna u nakkomodaw aktar containers ukoll. Nista’ nħabbar li bħalissa qed naħdmu biex naġġornaw il-liġi tal-Freeport Act u, kif diġà għedt, wasalt fl-aħħar ftit biex inkun nista’ nippreżenta dan l-att importantissimu lill-Kabinett Malti biex inwasslu għat-tkabbir bil-ħolqien ta’ free trade zones. Dawn ilna nitkellmu ħafna fuqhom, u huma l-way forward għall-Freeport tagħna. Jiena għamilt id-drafting tal-leġiżlazzjoni, u dalwaqt se tkun għad-diskussjoni quddiem il-Kabinett Malti. Permezz ta’ dan l-aġġornament tal-liġi, se nkunu nistgħu nsaħħu l-Freeport Corporation, ħalli b’hekk tkun tista’ tħares dan it-tkabbir u b’hekk noħolqu aktar xogħol. Studju riċenti wera li 9% tal-ekonomija tagħna kienet dipendenti fuq il-qasam marittimu. Mill-marittimu u l-baħar mhux biss jiddependi l-għajxien tagħna għall-ilma li nixorbu, imma tiddependi wkoll l-ekonomija tagħna għal numru ta’ attivitajiet importanti, bħal pereżempju, dawk tal-Port Ħieles, ġarr bil-vapuri tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti, l-industrija tas-sajd, is-settur tal-cruiseliners, kif ukoll l-industrija tat-turiżmu.
Jiena nemmen li t-triq ’il quddiem hija l-blue economy, b’enfasi partikolari fuq il-blue growth, kif stabbilit mill-Unjoni Ewropea. Bħalissa, l-baħar u l-industrija marittima qed jipprovdu ‘il fuq minn 20,000 impjieg, b’valur ta’ kważi €600 miljun, li qed imorru fl-ekonomija tagħna. Nistgħu nżidu din iċ-ċifra għax għad għandna oqsma fil-blue growth li għadhom mhumiex mimsusa, u għad hemm potenzjal li għadu ma ġiex esplorat. Il-politika integrali marittima li bħalissa qed naħdem fuqha – u dalwaqt inkun f’pożizzjoni li nħabbar l-iżvilupp u l-konklużjoni tal-ħidma tiegħi – għandha l-għan li ssaħħaħ dawn l-oqsma, primarjament ibbażata fuq erba’ pilastri, li huma l-enerġija, il-loġistika, is-servizzi u l-ikel mill-baħar. Dawn is-setturi diġà jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti lejn l-ekonomija tal-pajjiż. Biex din il-politika tkun tista’ titħaddem, ħarisna wkoll lejn strutturi li jwasslu biex din il-politika titwettaq.
Sur President, qed inħarsu lejn il-ħolqien ta’ clusters marittimi bħala innovazzjoni f’dan il-qasam, biex ikollna eko-sistema waħda f’dak li għandu x’jaqsam mal-marittimu. Dawn il-clusters se jressqu viċin operaturi differenti fis-settur. Bil-parteċipazzjoni attiva tal-privat – għax dan huwa importanti – irridu noħolqu l-ambjent ekonomiku u l-qafas legali ideali biex il-privat jiffjorixxi. Il-Gvern mhux qiegħed hemmhekk biex ikun il-mutur tal-ekonomija, imma biex jixpruna u jistimula l-attività ekonomika. Din hija d-direzzjoni li se nieħu jien fil-kamp marittimu. Bil-parteċipazzjoni attiva tal-privat, il-Gvern ikun jista’ jagħmel enfasi aħjar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-teknoloġiji ġodda, kif ukoll isaħħaħ il-korporazzjoni biex jitkattar il-ġid li jwassal għal impjiegi aħjar fis-settur u qligħ aħjar għall-imprendituri.
Irrid niddikjara li fi ftit żmien ieħor se nagħmlu wkoll target li nippretendu li għandu jintlaħaq fit-tkabbir tal-ekonomija Maltija bbażata wkoll fuq is-settur marittimu. F’dan ir-rigward, sar anke studju. Dawn l-istrutturi se jgħinu lil min hu bieżel biex titnaqqas il-burokrazija u nagħmlu enfasi fuq is-servizzi u s-servizzi tal-e-government. Kif intqal fl-aħħar Budget, qed naraw li din hija inizjattiva bħala Private Public Partnership. Il-politika integrata marittima tagħti importanza lejn il-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll is-sigurtà marittima.
Fuq dan tal-aħħar, jien għaddej minn sfidi partikolari. Il-Gvern huwa kommess li t-tkattir tal-ġid irid isir b’rispett lejn l-ambjent u s-sigurtà. Dan kollu qed isir ukoll b’rispett sħiħ ta’ konsultazzjoni kontinwa mal-istakeholders tas-settur privat – fejn kelli għadd ta’ laqgħat – u fejn jien mistenni li se nżomm il-bibien miftuħin biex it-twettiq ta’ din il-politika ta’ portata daqstant importanti tkun ta’ suċċess u tkun inklussiva.
F’dan id-diskors tiegħi, għamilt ċertu aċċenn fuq is-settur marittimu għax, filwaqt li forsi fis-sena li għaddiet tkellimt ħafna fuq kwestjonijiet tal-gaming, komunikazzjoni, telecoms, eċċ, dan l-aħħar xahar iddedikajt parti sostanzjali mill-enerġija tiegħi biex nippromwovi din il-politika.
Sur President, se nikkonkludi billi ngħid li naħseb li taqbel miegħi jekk ngħidlek li dak li qed jagħmel dan huwa x-xogħol kontinwu biex inkattru l-impjiegi u niġbdu aktar investiment. Jien naħseb li fejn jikkonċerna s-settur tiegħi, li huwa s-settur ekonomiku li għandu x’jaqsam mas-settur tas-servizzi, il-Gvern għadda mill-eżami with flying colours. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Claudette Buttigieg.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIĠIEĠ: Sur President, illum se nitkellem fuq is-settur tas-Saħħa, li huwa settur li naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaqblu li huwa settur ta’ importanza enormi. Anke meta niġu biex nitkellmu fuq l-aspett ekonomiku ta’ pajjiżna, naħseb li huwa ċar daqs il-kristall li nistgħu nimxu ’l quddiem, dejjem jekk ikollna s-saħħa tal-poplu tagħna fuq binarju tajjeb. Jiena naħseb li waħda mill-ewwel affarijiet li nixtieq insemmi hija li l-Gvern preżenti, fil-manifest elettorali tiegħu paragrafu numru 5, fis-sezzjoni dwar is-Saħħa, kien wiegħed li fl-immedjat se jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod u pazjenti f’kurituri, li l-pjan jiġi mfassal bi prijorità ma’ dawk kollha nvoluti, u li jħares ukoll lejn l-involviment tal-isptarijiet privati.
Hawnhekk irrid nagħmel l-enfasi tiegħi fuq ‘li jiġi implimentat pjan’. Dan minħabba li meta taqraha, inti temmen li din hi r-roadmap tas-Saħħa li kellu f’moħħu l-Partit Laburista qabel ma tela’ fil-gvern: ‘jiġi implimentat’. Mela, hemm il-ħsieb, u dan il-ħsieb huwa ċar, għax fil-fatt is-sentenza tkompli: ‘pjan ta’ azzjon fil-immedjat’. Mela, kien hemm pjan ċar, kien hemm pjan lest biex jitwettaq. Jiddispjaċini ngħid li dan kien kollu daħk. Din ma kenitx il-verità, għax meta jkollok pjan ċar u beħsiebek twettqu, wara sentejn tistenna li se tibda tara xi riżultat pożittiv.
Se nsemmi xi ħaġa li qed tiġri bħalissa. Fil-bidu tas-seduta tal-lum, konna qed niddiskutu fuq kemm hemm sodod okkupati fl-iSptar Mater Dei, u konna qed nirreferu għall-mistoqsija tal-kollega, l-Onor. Claudio Grech, dwar il-perjodu Ottubru/Novembru tal-2014. Fid-diskussjoni tagħna, semmejna wkoll il-fatt li dak il-perijodu huwa staġun ta’ mard, speċjalment tal-influwenza. Allura ħassejt li għandi niffoka ftit fuq dan l-aspett għax, mill-informazzjoni li għandi, jirriżulta li din is-sena kienet waħda mill-aktar drabi fejn ittieħdet it-tilqima tal-influwenza.
Sfortunatament, din is-sena l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat b’mod ċar li t-tilqima tal-influwenza ma ħadmitx daqskemm ħadmet fis-snin ta’ qabel. Hawnhekk irrid nagħmilha ċara li mhuwiex tort tal-Gvern jew tort ta’ min jaħdem fis-settur tas-Saħħa, imma hija problema globali. Nixtieq nerġa’ nirrepeti li minix qed nipponta subgħajja lejn il-Gvern għall-fatt li din it-tilqima ma ħadmitx. Però – u hawnhekk hawn ‘però’ kbira – l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) bdiet toħroġ avviżi li t-tilqima din is-sena mhux se taħdem meta fl-Awstralja t-tilqima kienet għaddejja mill-effetti li tħalli warajha fil-peak tal-istaġun tal-influwenza fl-Awstralja. Aħna f’din in-naħa tad-dinja għandna l-vantaġġ li fl-Awstralja jipprovaw it-tilqima l-ewwel għax ikollhom ix-xitwa tagħhom qabel tagħna.
Sur President, min jidħol fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) jara li, f’Ġunju tal-2014, dehru l-ewwel rapporti li javżaw lid-dinja kollha li jidher li din it-tilqima mhix qed taħdem. Ovvjament, dan ma kienx ifisser li m’għandniex neħduha t-tilqima, għax anke l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa stess insistiet li għandna neħduha xorta t-tilqima, għax hemm persuni li fuqhom ħadmet it-tilqima. Barra mill-fatt li l-virus tal-influwenza jista’ jinbidel, ikollu dak li jissejjaħ mutation. Però kien fid-dmir tal-Gvern – li f’Ġunju diġà kellu l-ewwel avviżi – li javża lill-poplu biex joqgħod aktar attent. Jiena stennejt, pereżempju, li se jsiru kampanji edukattivi u informattivi fil-mezzi tax-xandir. Jekk xejn, dan il-Gvern jaf jużahom il-mezzi tax-xandir, u jaf joħloq reklami sbieħ ħafna! Pereżempju, jiena stennejt li għandna naraw reklami u avviżi fuq il-mezzi tax-xandir li jgħidulek li jekk tħossok ma tiflaħx, m’għandekx tmur għax-xogħol, jew jekk it-tfal ikunu ma jifilħux, m’għandekx tibgħathom l-iskola.
Qabel l-istaġun tal-Milied, fl-Istati Uniti saret kampanja b’saħħitha ħafna biex javżaw lin-nies anke fuq dak li għandu x’jaqsam ma’ hand hygiene, u l-mod ta’ kif jinxterdu l-mikrobi u l-viruses, speċjalment f’familji qrib pazjenti li jkunu mardu bl-influwenza. Illejla, nixtieq nistaqsi jekk il-Gvern Malti tax widen għal dak li qalet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), li għal darb’oħra nirrepeti, f’Ġunju tal-2014 bdiet toħroġ l-avviżi li din it-tilqima ta’ din is-sena mhix qed taħdem. F’Ġunju tal-2014!
Allura meta mbagħad nara intervista mas-Segretarju Parlamentari fil-gazzetta, fejn jgħid li din is-sena daħlu f’Mater Dei 700 pazjent aktar mis-soltu proprju minħabba li t-tilqima ma ħadmitx, jien ngħidlu: Xi pjan kellek? Xi prekawzjonijiet ħadt? Stennejna li tiggrava daqshekk is-sitwazzjoni? Fl-iSptar Mater Dei rajt b’għajnejja s-sitwazzjoni verament kerha ta’ pazjenti kullimkien. Issa m’għadniex nitkellmu fuq kurituri; issa qegħdin kullimkien il-pazjenti. Hemm anke pazjenti fil-play area tal-Paediatric Day Care. Tal-mistħija, pazjenti anzjani fil-play area tal-Paediatric Day Care! Ovvjament, il-kuritur li jagħti għall-Medical Imaging ippakkjat sa ruħ ommu, għadu qatt ma kklirja ruħu, u l-kuritur tal-Paediatric tal-Emerġenza tat-Tfal mimli wkoll. Din il-ġimgħa u l-ġimgħa li għaddiet mort kuljum indurhom dawn il-postijiet. Nhar l-Erbgħa li għadda, il-volum ta’ nies ma’ kullimkien kien xokkanti. Rajt pazjenti bil-basktijiet fuq ħoġorhom, għax ovvjament ma kellhomx fejn ipoġġu l-affarijiet privati tagħhom. Kien hemm nisa, rġiel u żagħżagħ ħdejn xulxin.
Sur President, dan kien il-pjan? L-iskuża ta’ tilqima tal-influwenza ngħid kellna biżżejjed żmien biex naħsbu għaliha. Kellna, għaliex l-ewwel avviż li ħarġet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) kien f’Ġunju tal-2014. Kellna żmien naħsbu għaliha. Naturalment, ridna naħsbu għaliha wkoll billi noħolqu aktar postijiet għall-anzjani barra mill-iSptar Mater Dei. Hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi. Ejjew nieqfu ngħidulhom bed blockers lil dawn il-pazjenti, għax huwa verament titlu li ma jurix dinjità lejn l-pazjenti. Għalina ta’ din in-naħa, id-dinjità tal-pazjent hija xi ħaġa importanti ħafna u hija prijorità. Għalhekk nappella biex ma nagħtux titli lil dawn il-pazjenti. Imbagħad tara wkoll il-mod ta’ kif il-Gvern qed jitkellem fuq is-settur tas-Saħħa, qisu kull problema ġejja mill-gvernijiet ta’ qabel, u kull suċċess ġej minn dan il-Gvern. Issa nstabu s-soluzzjonijiet!
Dan l-aħħar qabadni d-daħk għax il-Gvern ħareġ stqarrija u kkwota xi surveys li saru riċenti, fosthom is-survey Numbeo. Ħa nfisser eżatt x’inhu. Meta fittixt ftit dwaru, sibt li dan huwa survey li jsir online, u skont dan is-survey ġejna t-tieni fl-Ewropa għall-aqwa servizz. Huwa importanti li ngħid li jekk wieħed jidħol fuq il-sit elettroniku tagħhom, jiskopri li minn Malta kulma kien hemm kienu 11-il parteċipant għal dan is-survey. Il-kontributuri kienu 11. Dan l-istess sit, li kien aġġornat f’Jannar ta’ din is-sena, jgħid: If you live in Malta, we need your help to have more scientific data to our survey. There is not much data for Malta, we would like to get more contributors. Imbagħad, aħna nieħdu dan bħala survey xjentifiku biex ngħidu li aħna t-tieni l-aqwa fl-Ewropa. X’ħasra, qed nidħku bina nfusna!
Però, jekk verament irridu nidħlu fil-problemi eżistenti, ħa nistaqsi ftit mistoqsijiet marbutin magħhom. Ġejna kkritikati tant aħna! Bħalissa hawn il-Ministru Farrugia, li huwa responsabbli mis-settur tal-anzjani, fost affarijiet oħrajn. Għalfejn sar ir-refurbishment tas-swali fl-aqwa tax-xitwa? Hawnhekk qed nitkellem fuq ir-Residenza San Vinċenz de Paule, u fuq l-iSptar Karin Grech. Jien minix qed ngħid li ma jsirx refurbishment, għax mal-ewwel iddur fuqi l-biċċa tax-xogħol. Far from it, jien qed ngħid li għandu jsir ir-refurbishment mela le, u għandu jsir b’mod tajjeb; però, m’għandux isir fil-peak ta’ meta għandna bżonn l-aktar swali. Kien hemm perijodu li kien hemm tlett iswali magħluqin fir-Residenza San Vinċenz, u sala oħra magħluqa fl-iSptar Karen Grech, meta nafu li dawn kienu ta’ importanza enormi.
Illum, f’din il-Kamra, staqsejt kemm inħolqu sodod ġodda matul is-sena li għaddiet, u kemm qed jinħolqu sodod fis-sena. Hawnhekk, se nieħu daqsxejn ħin biex ngħid xi ħaġa fuq il-ħolqien tas-sodod. Xi ħadd ħaseb li, biex toħloq is-sodod fl-iSptar Mater Dei, kulma trid tagħmel hu li taqbad sodda u titfagħha ġo kuritur, jew ġo playarea tal-Paediatric Day Care, jew saħansitra ġo klassijiet li jintużaw mill-istudenti tal-mediċina. Li toħloq sodda ġo sptar mhuwiex biss li tagħti sodda lil dak il-pazjent. Irid ikollok oxygen points. Żgur xi ħadd se jgħidli: Imma aħna għandna oxygen points, għandna ċ-ċilindri. Iċ-ċilindri l-kbar li kienu jintużaw St Luke’s iridu jġorruhom min-naħa għall-oħra, u sakemm tasal ħdejn il-pazjent mhux jilħaq jaqta’ nifsu. Biex toħloq sodda ġol-iSptar Mater Dei, irid ikollok is-suction points. Allaħares kelli noħroġ fil-pubbliku l-istejjer li wasluli mingħand familji ta’ pazjenti li saħħithom marret lura b’mod gravi proprju għax ma kienx hemm dawn il-faċilitajiet madwar il-pazjenti.
Ħafna drabi, meta nkunu qed inżuru l-morda tagħna, nagħmlu żball kbir li nwaħħlu f’min qiegħed jaħdem mal-pazjenti. Lil dawn il-persuni għandna nuruhom rispett kbir. Illum, kont qed nosserva carer li kienet qiegħda tbiddel catheter ta’ pazjent. Il-bedside manners tagħha kienu tajbin; tant kienet ġentili u tant ikkalmat lill-pazjent qabel ma daħlet tagħmel l-intervent, li ammirajtha. U hekk għandu jkun kulħadd, għax aħna kultant nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq it-tobba – u huwa importanti li nagħtuhom l-attenzjoni – u kultant nitfgħu l-attenzjoni fuq l-infermiera – li wkoll huwa mportanti. Però l-katina hija magħmula minn ħoloq differenti. Fost in-nies li spiss ninsew hemm il-carers, il-health assistants u l-physiotherapists. Bħalissa hemm ħafna anzjani li qegħdin l-isptar bi problema ta’ infezzjoni fil-pulmun u, jekk tkun l-isptar, ħlief nies jisgħolu ma tismax. Allaħares ma jkunx hemm il-physiotherapists li jmorru jagħmlu t-trattament lill-pazjent fuq is-sodda tagħhom. Iżda ovvjament, jekk hemm nisa u rġiel imħalltin f’kuritur, spazju ta’ xejn, dawn ma jistgħux jagħmlu xogħolhom sewwa. Din hija l-verità.
Sur President, għalhekk insibha xokkanti li nerġa naqra mill-manifest elettorali: ‘Jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni fl-immedjat’ meta dan il-pjan ta’ azzjoni ma kienx jeżisti. Jekk kien jeżisti, u dan huwa r-riżultat tiegħu, mela ma kien pjan ta’ azzjoni tajjeb xejn. Forsi, hemm min se jgħidli: Taħsbu li se nsolvu l-problemi b’mod immedjat? Le, sena ilu ma kontx nitkellem hekk. Imma issa għaddew sentejn. Il-200 sodda li ma nħolqux is-sena li għaddiet, jekk iżżidhom mal-200 sodda li ma nħolqux is-sena ta’ qabel, jiġu 400 sodda. Issa s-Segretarju Parlamentari qed jgħidilna li żdiedu wkoll 700 pazjent aktar fl-Isptar Mater Dei, għax it-tilqima tal-influwenza ma ħadmitx. Agħmlu l-kalkolu: jekk nimxu mal-matematika sempliċi li għamilt jien, insibu li għandna żgur problema ta’ 300 pazjent, għax il-200 sodda ma nħolqux is-sena li għaddiet, u lanqas is-sena ta’ qabel, u allura għandna 400 sodda nieqsa. Imbagħad inżidulhom 700 pazjent, u allura għandna problema serja ta’ madwar 300 sodda, 300 pazjent, 300 familja. Hija ħasra li nidħku bin-nies u naħsbu li għax bellajnihielhom darba li kellna pjan, li konna nafu x’qegħdin nagħmlu, li aħna aħjar minn ħaddieħor, allura naħsbu li nistgħu nibqgħu nidħku bihom.
Sur President, irrid nagħlaq id-diskors tiegħi billi nappella lill-Gvern sabiex jieqaf mill-gimmicks u mit-tidwir mal-lewża, għax kull meta nagħmlu l-mistoqsijiet, jirrisponduna fuq kollox, barra fuq dak li nkunu staqsejna. Ejjew niffaċċjaw ir-realtà. Jekk għandkom bżonn l-għajnuna tagħna, aħna lesti li nagħtuha. Miniex qed nitkellem ta’ esperta – far from it – però qed niltaqa’ ma’ gruppi li jaħdmu fis-settur tas-Saħħa. Għandna problemi serji ħafna, u jekk m’aħniex se ninvolvu lil kull min hu nvolut, u noqogħdu nheddu lin-nies, allura m’aħniex se nimxu ’l quddiem. Ġenwinament, nixtieq li s-Saħħa f’pajjiżna timxi ’l quddiem, u d-dinjità tal-pazjenti tingħata l-prijorità li jixirqilha. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki. Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, waħda mill-affarijiet li kont biħsiebni nitkellem fuqha kienet appuntu fuq l-inizjattivi li qed jieħu dan il-Gvern biex jiġġieled dak li l-Gvern preċedenti kien jgħidlu perċezzjoni.
Meta kont qed nisma’ lill-kollega tiegħi, l-Onor. Claudette Buttigieg, titkellem, ftakart f’meta kont għamilt ammont ta’ kritika meta kont nixxedowja s-settur tas-Saħħa, u kont wissejt fuq numru ta’ affarijiet. Fosthom, kont għedt li fl-isptar li kien qed jinbena għal pajjiżna nbidel il-konċett ta’ dak li kien qed jippjana Gvern Laburista, u kien iċċekken. Kont wissejt – u l-kollega tiegħi taf tajjeb ħafna – meta għedt li se jkollna problema ta’ riżorsi umani lokali biex jaħdmu. Il-kollega tiegħi taf biżżejjed li r-risposta tal-Ministru ta’ dak iż-żmien kienet li kien hemm iżżejjed impjegati, u li mhux biħsiebhom inaqqsu l-ħajra ta’ studenti biex jidħlu nurses. Infakkar li dak iż-żmien – u llum qed inbatu l-konsegwenzi – kienet saret bidla fejn jidħlu l-istipendji tal-infermiera, u numru ta’ korsijiet ta’ infermiera tnaqqsulhom l-istipendji. Jien kont wissejt għal darba, darbtejn, tlieta fil-Parlament, minbarra l-istqarrijiet. Ma nafx min kien jiffirmahom l-istqarrijiet, imma dejjem kienu jiġu lura bir-risposta li l-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien ma tafx x’inhi tgħid.
L-isptar kien infetaħ, u wara ċ-ċerimonji, is-sbuħija u d-diskorsi, kien intqal li f’dan l-isptar mhux se jkun hemm nies fil-kurituri. L-isptar infetaħ u bdejna bin-nies fil-kurituri. Aħna ma ħlejniex iż-żmien fl-Oppożizzjoni. Jien, flimkien mal-kollegi tiegħi li kien hemm warajja jkopru s-settur tas-Saħħa, bdejna bil-pjanijiet, u bħalissa min imur l-Isptar jara binja tiela’ biex tospita fiha aktar pazjenti.
Sur President, jiena kont nitkellem mal-mexxej tiegħi, l-Onor. Joseph Muscat, kif ukoll mal-mexxej preċedenti, Dr Alfred Sant, dwar dak li kien ikun għaddej fl-isptarijiet: ir-risposta tagħna dejjem kienet biex inkunu prudenti u ma nbeżżgħux lill-pazjenti milli jmorru l-isptar, għax hija l-agħar ħaġa li tista’ tiġri. Sfortunatament, ma nistax ngħid l-istess għall-Membri tal-Oppożizzjoni, speċjalment il-Mexxej Simon Busuttil, li f’dan il-Parlament rajtu għal darba, darbtejn, tlieta, jbeżża’ lill-pazjenti bid-diskorsi li saru hawn ġew u barra. Tal-mistħija! Imbagħad jiġu jitkellmu n-nies li attwalment lanqas għamlu investiment neċessarju fis-settur tal-anzjani, biex ma nsemmix il-kċina li kienet litteralment time bomb biex tmarrad mijiet ta’ anzjani bil-ħmieġ li kien hemm fiha. Kienet kċina li lanqas issibha fil-pajjiżi tat-tielet dinja. Dak huwa l-wirt, sptar b’sodod neqsin, l-ammont ta’ sodod lanqas huwa adegwat għal pajjiżna, nuqqas ta’ riżorsi umani, sptarijiet u residenzi li ma kenux up to standard, nuqqas ta’ investiment fil-kura primarja, u allaħares noqgħod insemmi l-paniġierku sħiħ.
Qed naraw il-bidla. Matul ix-xhur u s-snin li ġejjin, se naraw bidla sħiħa f’dan is-settur. Nistgħu nxenglu rasna, imma l-fatti jibqgħu li d-diżastru li wiret dan il-Gvern f’ħafna setturi jirrispondi wkoll fis-settur tas-saħħa u dak tal-anzjani.
L-aktar ħaġa li tweġġagħni hija li f’dan il-Parlament jew barra minn dan il-Parlament, inbeżżgħu lill-pazjenti milli jersqu lejn l-isptarijiet. Hawnhekk tidher id-differenza bejn mexxej u ieħor, bejn mexxej li jinteressawh l-ewwel u qabel kollox il-pazjenti mil-lat politiku, u l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista li għandna llum, li l-ewwel u qabel kollox jinteressawh biss il-voti u mhux l-interess tal-pazjent. Din hija sitwazzjoni ta’ għajb. Iżda ma rridx noqgħod ninħela fuq affarijiet li aktar għandu għax iħares lejhom ħaddieħor meta jħares lejn il-mera u jara kif kienu jiġu risposti ċerti affarijiet, inklużi stqarrijiet għall-istampa u kulma kien jingħad dak iż-żmien.

Sur President, jien nara bidla, u waħda mill-bidliet li nara hija mil-lat ta’ perċezzjoni tal-faqar fiż-żmien li l-faqar kien qed jerfa’ rasu f’pajjiżna. Irrid infakkar li f’ħames snin, bejn l-2008 u l-2013 – meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien jiġi fil-Parlament u jgħidilna li l-faqar huwa perċezzjoni – l-għadd ta’ niex f’riskju ta’ faqar minn 80,000 tela’ għal 100,000. Jiena niskanta kif illum smajt ċerta kritika min-naħa tal-bankijiet tal-Oppożizzjoni, għax kien hemm xi żieda ’l hawn u ’l hemm. Allura meta għola l-kont tad-dawl u l-ilma, meta vvotajna bil-qalb biex jogħla l-kont tad-dawl u l-ilma, kien sar social impact assessment? Rajna x’kienu se jkunu r-riżultati? Għall-kuntrarju, dan il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, se jkun qed iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’Marzu li ġej għall-industrija u għan-nies tal-business, raħħas il-prezz tal-petrol għal darba, tnejn, tlieta u se jkompli jorħos. Meta ħaddieħor kien qed jgħidilna biex inraħħsuh, beda jogħla. Allura issa se jgħidulna biex ngħolluh? Għadni ma smajtx lil xi ħadd jgħidilna biex ngħollu l-petrol u d-diesel għax f’postijiet fl-Ewropa u mad-dinja qed jogħla. F’pajjiżna l-petrol u d-diesel se jkomplu jorħsu. M’għandniex għalfejn nieħdu pariri min-naħa tal-Oppożizzjoni.


Jiena kont nistenna li niġu fil-Parlament u nitkellmu fuq id-diversi benefiċċji li għandna. Fost dawn insibu l-benefiċċju tal-maternità għas-self employed, li se jkun qed jiżdied bi €73 fil-ġimgħa u li diġà ġie implimentat, u li nassiguraw il-ġranet tal-leave li jingħata meta jkun hemm xi adozzjoni tat-tfal, u jiġi kkalkulat daqslikieku kellhom it-tfal huma u jingħataw l-istess drittiijiet. Se nkunu qed naraw ukoll li l-benefiċċju tal-leave tal-maternità għall-aħħar erba’ ġimgħat se jkun qed jiżdied.
Jien kont nistenna li wieħed jiġi hawnhekk u jitkellem fuq is-single parents li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u li, apparti l-paga, se jkunu qed jieħdu wkoll parti mill-benefiċċji li kellhom bħala single parents. Jien kont nistenna li jiġu hawnhekk u jgħidulna kif, fi Frar li għadda, tajna għal darba oħra ż-żieda ta’ €300 lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena u aktar li baqgħu jgħixu ġewwa darhom. Jien kont nistenna li jiġu hawnhekk u jitkellmu fuq il-bonus addizzjonali ta’ €53, li m’huwiex taxxabbli u li se jkun qed jiddaħħal fl-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Jien kont nistenna li jiġu hawnhekk u jitkellmu dwar dawk il-pensjonanti li llum mhux qed jieħdu pensjoni kontributorja, għax ma ħallsux biżżejjed bolol, u li, għall-ewwel darba, dawk li ħallsu anqas minn 5 snin se jingħatalhom €100 bonus aktar, filwaqt li dawk li ħallsu bejn il-5 snin u 10 snin se jingħatalhom €200 bonus aktar fis-sena. Jien kont nistenna li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jiġu jfaħħru lill-Gvern, u jgħidu li, għall-ewwel darba, persuna b’diżabilità li qed taħdem u tieħu l-pensjoni tad-diżabilità, jekk tilħaq il-paga minima bejn il-pensjoni tad-diżabilità u l-paga, ma tonqsilhiex il-pensjoni tad-diżabilità. Kienet wegħda elettorali li persuni b’diżabilità li jkunu qed jaħdmu, irrispettivament kemm jaqilgħu, il-pensjoni tad-diżabilità jkomplu jeħduha kollha.
Jien kont nistenna li n-naħa tal-Oppożizzjoni jiġu hawnhekk u jgħidu li min m’għandux biżżejjed bolol se jkun qed jingħata opportunità li jħallas il-bolol li għandu nieqsa, ħalli għallanqas jibda jieħu parti mill-pensjoni kontributorja. Jien kont nistenna li n-naħa tal-Oppożizzjoni jiġu hawnhekk u jitkellmu fuq kif persuni li – u din se ssir fi ftit ġimgħat oħra – m’għandhomx biżżejjed bolol biex jieħdu l-pensjoni sħiħa, se jkunu jistgħu jtejbu l-pensjoni tagħhom billi jħallsu numru ta’ kontribuzzjonijiet. Jien kont nistenna li l-Oppożizzjoni tiġi hawnhekk fil-Kamra u titkellem fuq l-inward benefit għal dawk il-persuni li għandhom dħul baxx. Jistgħu jkunu koppja li jaħdmu t-tnejn, jew inkella persuna li tkun single parent u għandha d-dħul tagħha baxx; lil dawn se nkunu qed ngħinuhom talli daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Sur President, dan biex ma nsemmix xi ħaġa oħra li semmiet il-kollega tiegħi fejn qalet li l-Ingilterra llum qed jitkellmu biex jaraw x’se jagħmlu biċ-childcare centres. Illum fl-Ingilterra qed jikkalkolaw li trid £6,000 biex tibgħat it-tfal tiegħek fiċ-childcare centres. Kif diġà qalet il-kollega tiegħi, l-Onor. Dalli, qed jiġri li fl-Ingilterra n-nisa qed jaraw li work doesn’t pay, u qed jaraw jekk jirtirawx mid-dinja tax-xogħol. Aħna bil-kontra: aħna qed noffru ċ-childcare centres b’xejn, li tiswa €4000 għal kull tifel u tifla, jekk il-ġenituri jaħdmu t-tnejn, jew inkella jekk hemm single parent li qed jaħdem. Hemmhekk qed naraw il-family friendly measures in the making. Din hija xi ħaġa li daħħal dan il-Gvern, u hija waħda mill-affarijiet li l-Oppożizzjoni kienet tgħidilna li fil-fatt mhijiex possibbli.
F’Mejju li ġej, se nkunu qed naraw li single parent li tirċievi l-għajnuna soċjali u tiżżewweġ, jew inkella tidħol f’unjoni ċivili, minflok titlef il-benefiċċji kollha mill-ewwel, il-benefiċċji se jkunu qed jonqsulha fuq medda ta’ tliet snin. Qed naraw ukoll li, mill-ewwel ta’ Jannar, persuni li jkunu għadhom fl-impjieg, se jingħataw l-opportunità li jtejbu l-pensjoni tagħhom. U ladarba qed insemmi l-pensjoni, irrid ngħid li se naraw bidla fil-pensjonijiet ġewwa pajjiżna. Din il-bidla se nkunu qed niddiskutuha wkoll.
Smajna x-xewqa tad-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista sabiex inpoġġu bilqiegħda u niddiskutu. Iva, se npoġġu bilqiegħda u niddiskutu fil-ġimgħat li ġejjin. Hemm punt li ma naqblux fuqu, imma jekk nistgħu naqblu fuq il-bqija, u fuq dak il-punt ma naqblux, allura ejjew inressqu ’l quddiem proposta li tkun ġejja miż-żewġ naħat tal-Kamra. Hawnhekk la se tgawdi naħa u lanqas se tgawdi n-naħa l-oħra; se jkunu qed igawdu l-pensjonanti tal-lum u l-pensjonanti ta’ għada.
Sur President, se nkunu qed naraw li l-pensjonanti ma jibqgħux aktar f’riskju ta’ faqar. Din hija xi ħaġa li l-Gvern preċedenti m’għamel assolutament xejn dwarha. Anzi, bil-bidla li kienet saret fil-pensjonijiet, fi żmien 18 jew 20 sena oħra, kull persuna li kellha pensjoni kontributorja kienet se tispiċċa f’riskju ta’ faqar. Din ir-rotta se nbiddluha, u kulmin għandu pensjoni kontributorja għax kien iħallas il-bolol kollha, se jkun barra mir-riskju ta’ faqar fuq medda ta’ żmien.
Is-sena li għaddiet daħħalna il-Youth Guarantee, li din is-sena qed tkompli miexja b’pass mgħaġġel. Min-naħa tal-Oppożizzjoni kont nistenna kummenti fuq iċ-Children’s Allowance għal dawk li għandhom dħul relattivament baxx. Din għamilnieha sabiex inħajru lit-tfal ikomplu jmorru l-iskola b’mod regolari, għax nemmnu li, fost il-ġliediet tal-faqar, għandek numru ta’ pilastri importanti, fosthom l-edukazzjoni u x-xogħol. Irridu nassiguraw li jkun hemm il-benefiċċji biex, meta jkun hemm persuna li għaddejja minn ċerti problemi, ma taqgħax f’faqar assolut: imma mhux se nħallu lil min jabbuża mill-benefiċċji a skapitu ta’ ħaddieħor, għax bil-flus li se jkunu qed jiġu “ffrankati” se nkunu qed nassiguraw li persuni li llum ħaqqhom jieħdu benefiċċju iżda li għadhom qatt ma ħadu benefiċċju f’ħajjithom minħabba l-kondizzjoni li huma jbatu minnha, se jibdew jieħdu l-benefiċċji li s’issa ġew imċaħħda lilhom.
Apparti minn hekk, se jiġu rranġati diversi anomaliji fil-qasam tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali li sabu ruħhom fihom numru ta’ persuni li kienu jaħdmu u li kien ħaqqhom numru ta’ benefiċċji, imma l-Gvern preċedenti għoġbu jagħlaq it-tarznari u diversi industriji parastatali ġewwa pajjiżna, bil-konsegwenza li dawn spiċċaw b’pensjonijiet aktar baxxi milli attwalment għandu jkollhom. L-Onor. Justyne Caruana probabbli se titkellem fuq il-persuni b’diżabilità u l-opportunitajiet li qed nagħtuhom, għax aħna nemmnu li m’għandniex sempliċement inpoġġu l-problemi ta’ persuni li għaddejjin minn sitwazzjoni vulnerabbli taħt it-tapit, imma għandna ngħinuhom iqumu fuq saqajhom u nagħtuhom l-inċentiv u l-opportunità li jkomplu jimxu ’l quddiem. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Ngħaddu issa għall-Aġġornament.

Fid-9.00 pm id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.

Yüklə 170,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə