Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə10/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

17214. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16669, jista’ l-Ministru jgħid fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kemm hemm ħaddiema impjegati mal-kuntratturi privati? Jista’ jgħid liema xogħol jagħmlu dawn il-ħaddiema u f’liema grad huma l-impjegati?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

UFFIĊĊJI TAL-KUNSILLI LOKALI AĊĊESSIBLI
17215. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid minn April 2013 sal-lum kemm-il skema ħarġet biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet li permezz tagħhom l-uffiċċju tagħhom ikun aċċessibbli għar-residenti tagħhom? Liema kunsilli ngħataw għajnuna minn dawn l-iskemi? Kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li ngħata kull kunsill u liema xogħol sar minn kull kunsill li ħa l-għajnuna minn dawn l-iskemi? B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16927, jista’ jgħid kif fl-ewwel sentenza jgħid li f’Għawdex hemm għaxar kunsilli li għandhom l-uffiċċju aċċessibbli meta mbagħad fil-paragrafu ta’ wara jgħid f’Għawdex hemm żewġ kunsilli (Munxar u Xagħra) li l-uffiċċju tagħhom mhux aċċessibbli meta f’Għawdex b’kollox hemm 14-il kunsill?
ONOR. OWEN BONNICI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħareġ l-Iskema ta’ Miljun Ewro għall-Proġetti Kapitali li kull kunsill lokali seta’ japplika għaliha. Fil-fatt, fil-linji gwida kien hemm ċar li l-għan tal-proġetti għandu jkun dak li jżid il-valur tal-aspett soċjali fil-lokalitajiet rispettivi.
Kien hemm ukoll l-A+Award li permezz tiegħu kull kunsill lokali seta’ jibbenefika minn premju ta’ €25,000, €15,000 u €8,000 li jistgħu jerġgħu jintużaw fuq proġett għall-persuni b’diżabilità.
F’dan il-kuntest, mill-Fond tal-Proġetti Kapitali bbenefikaw erba’ kunsilli lokali. Dawn huma l-Fgura li se jieħdu €100,000 għat-tkomplija taċ-Ċentru Ċiviku; il-Mosta li se jieħdu €25,000 għal xogħol fuq il-lift; ix-Xewkija li se jieħdu €25,000 biex jagħmlu lift għal persuni b’diżabilità; u Marsaskala b’€50,000 għall-bini ta’ Ċentru Ċiviku.
Mill-A+Award ibbenefikaw Ħal Qormi b’€25,000 għal audit dwar l-aċċessibilità u xogħol ta’ pavimentar għal titjib fl-aċċessibilità u bandli ġodda għall-persuni b’diżabilità; ix-Xagħra (Għawdex) bi €15,000 għal titjib fl-aċċessibilità fl-area tal-bandli; u Tas-Sliema bi €8,000 għal bandli ġodda għal persuni b’diżabilità, safety flooring, railing u wifi internet.

Intant naqbel mal-Onor. Interpellant li jidher li kien hemm ineżattezza minuri fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16927. Biss, jibqa’ l-fatt imma li huma tnejn il-kunsilli lokali f’Għawdex li l-uffiċċju tagħhom mhux aċċessibbli.



SPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX – LAQGĦAT MAL-ĦADDIEMA DWAR IL-PRIVATIZZAZZJONI
17216. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16667, jista’ l-Ministru jgħid kemm il-laqgħa saret mal-Unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex dwar il-privatizzazzjoni tal-istess sptar minn Jannar ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Mejju 2015? Meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti għalihom? X’informazzjoni ġiet mogħtija mill-Unions dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru laqghat mal-Unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema inkluż il-GWU, UĦM, MUMN u MAM. Dawn il-laqgħat saru u għadhom qed isiru fuq bażi regolari.


GĦAWDEX - MARSALFORN – XOGĦLIJIET FIL-MENQA
17217. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fil-Menqa f’Marsalforn b’makkinarju kbir baqa’ għaddej xorta waħda wara l-15 ta’ Ġunju u dan minkejja direttivi tal-Gvern stess li wara dik id-data f’postijiet turistiċi, fosthom f’Marsalforn, ma għandu jsir l-ebda xogħol ta’ dan it-tip? Jaf il-Ministru li f’dawn il-ġranet kien hemm ħsejjes kbar u trabijiet li dejqu bil-kbir lit-turisti li kienu qed joqogħdu fil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif ukoll li kienu qed jutilizzaw ir-restaurants li hemm fil-Menqa? X’qed isir mill-Ministeru tiegħu biex dan l-inkonvenjent ma jibqax?
ONOR. ANTON REFALO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu exemption mill-MTA biex ikompli għaddej bix-xogħol matul ix-xhur tas-sajf anke peress li dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, il-Ministeru qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibbli lill-lukanda u r-ristoranti tal-inħawi. Fil-fatt, ix-xogħlijiet li l-aktar kienu joħolqu inkonvenjent lil dawn tal-aħħar kienu s-slipway u d-dry standing area li tlestew fil-ġimgħat li għaddew.

SOVRINTENDENZA – TĦABBIR TA’ SKOPERTI
17218. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex skoperti importanti li saru fl-aħħar xhur mhux qed jiġu mħabbra mis-Sovritendenza direttament iżda qed tkun il-media li tħabbarhom? Ma jaħsibx il-Ministru li meta jsiru dawn l-iskoperti għandha tkun l-awtorità kompetenti li mill-ewwel tgħarraf lill-pubbliku?
ONOR. OWEN BONNICI: Ninsab informat li s-Sovrintendenza toħroġ press releases kull meta jkun neċessarju. F’dawn l-aħħar xhur, is-Sovrintendenza għamlet ukoll diversi statements, stqarrijiet u tat kummenti lill-media.

TRASPORT PUBBLIKU - QAWRA, BUĠIBBA U SAN PAWL IL-BAĦAR – KAROZZA TAL-LINJA ĊIRKOLARI
17221. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-servizz ta’ karozza tal-linja ċirkolari li twassal nies madwar il-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar, għadux jiġi pprovdut? Jekk iva, minn min u b’liema frekwenza?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qiegħed jirreferi għar-rotta ċirkolari li kienet ġiet introdotta mar-riforma tat-trasport pubbliku fis-sena 2011, li kellha n-numru 129 u li kienet tgħaqqad il-lokalitajiet ta’ Burmarrad, Wardija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba, ninsab infurmat li din ir-rotta kienet twaqqfet fl-istess sena.

AIR MALTA – INGAĠĠ TA’ BDOTI ADDIZZJONALI
17224. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-linja nazzjonali Air Malta hijiex ser timpjega bdoti addizzjonali din is-sena, hekk kif għamlet is-sena l-oħra bejn April u Ottubru meta ddaħħlu 11-il pilota għal perjodu definit?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Air Malta ma għandhiex il-ħsieb li timpjega piloti għax-xhur li ġejjin kif għamlet is-sena l-oħra. Billi r-roster tas-sajf tal-piloti ġie ottimizzat kif ukoll piloti li jaqdu rwoli maniġerjali qegħdin itiru iktar sigħat minn qabel, m’hemmx bżonn ta’ piloti ġodda. Il-kompliment attwali tal-piloti tal-Air Malta huwa tali li jservi sabiex jittajru s-sigħat kollha meħtieġa, b’roster iktar diliġenti u b’piloti-maniġers li jtiru iktar sigħat.
Filwaqt li nifhem li ħafna mill-bdoti addizzjonali li solitament jiġu ingaġġjati huma bdoti li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom u li per konsegwenza jkollhom bżonn aktar taħriġ u li jżidu aktar flying hours ħalli jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom, dak li qed isir hu parti mill-proċess sabiex l-Air Malta tibqa’ timmassimizza r-riżorsi tagħha sabiex kemm jista’ jkun tibqa’ tnaqqas l-ispiża tal-operat tagħha ħalli tilħaq il-miri tagħha skont il-Pjan ta’ Ristrutturar u tersaq aktar lejn vijabilità kummerċjali.

BDOTI MALTIN – FULL PILOTS LICENCE
17225. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi pjanijiet biex jgħin lil dawk il-bdoti Maltin li għandhom bżonn iżidu l-flying hours tagħhom sabiex ikunu jistgħu jkollhom il-full pilots licence?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Union tal-piloti (ALPA) ressqet suġġeriment sabiex tiġi introdotta skema li tgħin piloti kkwalifikati sabiex iżidu l-flying hours u jiġu iktar attraenti għall-industrija. It-tmexxija tal-Air Malta laqgħet dan is-suġġeriment u qed tħejji skema nazzjonali li tgħin piloti Maltin li jeħtieġu dawn il-flying hours, liema skema se tkun ippreżentata lill-awtoritajiet Maltin għal kunsiderazzjoni f’qasir żmien fil-ġimgħat li ġejjin.

AIR MALTA – BDOTI
17226. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta timpjega xi bdoti fix-xhur li ġejjin?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17224 datata 22 ta’ Ġunju 2015.

MTA – CHIEF MARKETING OFFICER
17227. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: B’referenza għall-internal call ta’ Chief Marketing Officer li ħarġet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bid-data tal-15 ta’ Ġunju 2015, jista’ l-Ministru jgħid f’liema grad se tidħol din il-kariga? Jekk il-persuna magħżula għal din il-kariga tkun diġà tokkupa pożizzjoni ta’ direttur, se jkun hemm ħlas addizzjonali? Jista’ jgħid kemm hu l-pakkett ta’ salarju u perkaċċi marbut ma’ din il-kariga?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Chief Marketing Officer hi grad ta’ Direttur Ġenerali. Jekk il-persuna magħżula għal din il-kariga tkun diġà tokkupa pożizzjoni ta’ direttur, se jkun hemm żieda fis-salarju bażiku ta’ €279.50 fix-xahar, kif ukoll żieda ta’ €1,000 fix-xahar għal perjodu definit ta’ tliet snin. L-informazzjoni dwar il-pakkett ta’ salarju u perkaċċi marbut ma’ din il-kariga, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti.

MTA – CHIEF OFFICER STRATEGIC DEVELOPMENT
17228. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: B’referenza għall-internal call ta’ Chief Officer Strategic Development, deputy to the CEO, li ħarġet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bid-data tal-15 ta’ Ġunju 2015, jista’ l-Ministru jgħid f’liema grad se tidħol din il-kariga. Jekk il-persuna magħżula għal din il-kariga tkun diġà tokkupa pożizzjoni ta’ direttur, se jkun hemm ħlas addizzjonali? Jista’ jgħid kemm hu l-pakkett ta’ salarju u perkaċċi marbut ma’ din il-kariga?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Chief Officer Strategic Development, deputy to the CEO, hi grad ta’ Direttur Ġenerali. Jekk il-persuna magħżula għal din il-kariga tkun diġà tokkupa pożizzjoni ta’ direttur, se jkun hemm żieda fis-salarju bażiku ta’ €279.50 fix-xahar kif ukoll żieda ta’ €1,000 fix-xahar għal perjodu definit ta’ tliet snin. L-informazzjoni dwar il-pakkett ta’ salarju u perkaċċi marbut ma’ din il-kariga, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin ta’ Tqegħid ta’ Karti.

ROMOL JAGĦŻLU LI JIEĦDU PENSJONI TAR-ROMOL MINFLOK PENSJONI TAL-IRTIRAR
17231. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-romol li għalkemm għandhom id-dritt għall-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom, għażlu minflok u qegħdin jieħdu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

PENSJONANTI
17232. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16788, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-pensjonanti li jirċievu anqas minn €500 għandhom bejn 60 u 75 sena u kemm minnhom għandhom ‘il fuq minn 76 sena?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li tidher hawn isfel:


Tip ta’ Pensjoni

Età

Pensjonanti




-60

60 - 75

76+

Total

Pensjoni Kontributorja

1,343

5,462

1,273

8,078

Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz) *

154

6,302

774

7,230

Pensjoni Kontributorja (RA) **

167

1,002

471

1,640

Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz u RA) ***

2

113

324

439

Pensjoni Kontributorja u parti Pensjoni Mhux Kontributorja

0

446

175

621

Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz ) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja

0

0

2

2

Pensjoni Kontributorja (RA) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja

0

61

24

85

Pensjoni Mhux Kontributorja

0

2,883

1,243

4,126

Total

1,666

16,269

4,286

22,221



RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL – PASSI DIXXIPLINARJI KONTRA GENERAL HAND
17233. L-ONOR. PAULA MIFSUD BONNICI staqsiet lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul ma ħadet ebda passi dixxiplinarji kontra impjegat li jaħdem bħala general hand li kien ilu għal diversi xhur jokkupa binja ħdejn il-kamra mortwarja tar-Residenza San Vinċenz de Paul u dan mingħajr ebda permess jew awtorizzazzjoni? Jista’ jgħid meta s-CEO saret taf b’dan l-abbuż u x’passi immedjati ħadet biex jieqaf dan l-abbuż? Jista’ jgħid meta waqaf dan l-abbuż?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li nhar it-3 ta’ April 2015, is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul irceviet rapport li allegatament kien hemm xi forma ta’ irregolaritajiet f’kamra biswit il-kamra mortwarja. Immedjatament, is-CEO talbet investigazzjoni minn fejn ħareġ li l-kamra inkwistjoni kienet attwalment qiegħda tintuża bħala staff room mill-ħaddiema tal-kamra mortwarja, il-ħaddiema tat-tindif u l-ġardinara, li lkoll kemm huma jaqgħu taħt l-istess sezzjoni.
Fit-tfittxija li saret instabu diversi oġġetti li xi uħud minnhom kienu jappartjenu għall-ħaddiema li ma għadhomx jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz, kif ukoll oġġetti personali li ma kenux permessi li jinġiebu mill-impjegati tar-Residenza San Vinċenz.
Meta l-persuna msemmija fil-grad ta’ general hand fil-mistoqija parlamentari kien infurmat li tali aġir ma kienx permess u xieraq, il-persuna skużat ruħha u indikat li ma kinitx taf li tali aġir ma setax isir. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata ngħatat verbal warning, u dan wara li ttieħdet inkonsiderazzjoni li din kienet l-ewwel ommissjoni perpetwata mill-persuna u għaldaqhekk ġie ordnat sabiex jiżgombra u jnaddaf il-kamra msemmija. Sat-12 ta’ April 2015, il-persuna kkonċernata neħħiet l-oġġetti personali tagħha mill-post li kienet qed tokkupa.

GĦAWDEX – SKEMI TA’ OPPORTUNITÀ TA’ XOGĦOL GĦAL ISTUDENTI GĦAWDXIN
17234. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-sajf 2015 hux ser issir skema li tagħti opportunità lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess għal tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf kif kien isir fis-snin li għaddew? Jekk iva, meta ser jinħarġu l-applikazzjonijiet u kemm se jkun in-numru ta’ studenti Għawdxin li se jibbenefikaw minnha? Liema studenti jistgħu jibbenefikaw u kemm se tkun ir-remunerazzjoni li se jingħataw l-istudenti għal dan ix-xogħol?
ONOR. ANTON REFALO: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sajf 2015 se ssir skema li tagħti opportunità lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess għal tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf kif kien isir fis-snin li għaddew. L-applikazzjonijiet se jinħarġu nhar it-Tnejn, 22 ta’ Ġunju 2015 u n-numru ta’ studenti Għawdxin li se jibbenefikaw minnha se jkun bejn 300 u 350. L-istudenti li jistgħu jibbenefikaw huma dawk li qed ifittxu xogħol li sas-26 ta’ Ġunju 2015 (għeluq tal-applikazzjonijiet) jkollhom bejn is-16 u l-24 sena. Ir-remunerazzjoni li se jingħataw l-istudenti għal dan ix-xogħol se tkun ta’ €75 f’ġimgħa ta’ 20 siegħa

ADOZZJONI TA’ TFAL MIĊ-ĊINA
17238. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern qattx ikkunsidra li jibdew diskussjonijiet mal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex pajjiżna jagħti l-opportunità li jiġu adottati tfal miċ-Ċina?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninfoma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern kellu komunikazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-possibilità li jsiru adozzjonijiet minn dan il-pajjiż.

ADOZZJONIJIET TA’ TFAL
17239. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tfal li ġew adottati f’pajjiżna bejn April 2013 u Mejju 2015?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

ADOZZJONIJIET TA’ TFAL MINN BARRA MINN MALTA
17240. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16911, mill-għaxar pajjiżi li l-Ministru kellu diskussjonijiet dwar possibilitajiet li pajjiżna jkollu l-opportunità ta’ adozzjoni, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar dawn il-laqgħat li hu kellu u jgħid x’kien l-eżitu tal-laqgħat ma’ kull pajjiż b’mod individwali?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern kellu laqgħat mal-pajjiżi msemmija hawn taħt, bl-eżitu ta’ dawn il-laqgħat b’mod indvidwali jkun kif indikat:


Albanija:

Il-kap tal-awtorità ċentrali Albaniż kellu laqgħa f’Malta fil-bidu ta’ din is-sena. In-numru ta’ tfal għall-adozzjoni internazzjonali f’dan il-pajjiż huwa wieħed limitat, però se jibqa’ jkun hemm kooperazzjoni ma’ dan il-pajjiż. Fil-ġimgħat li għaddew ġie mqabbel tifel ma’ koppja Maltija.




Slovakkja:

Wara li ġie ffirmat protocol bejn iż-żewġ pajjiżi, l-awtorità ċentrali ġiet mistiedna fis-Slovakkja għal-laqgħa li fiha ġiet diskussa l-kooperazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi. Minn Diċembru sal-lum ġew imqabbla ħamest itfal ma’ erba’ koppji Maltin.




Il-Kosovo:

Għadu qed jiġi stabbilit il-profil tat-tfal.




Il-Bulgarija:

Il-Bulgarija wrew ix-xewqa li jikkooperaw mal-aġenziji Maltin. Iridu jiġu ċċarati l-proċessi taċ-ċertifikati mediċi.




Il-Vjetnam:

Ser jiġi ffirmat Memorandum of Understanding fil-jiem li ġejjin.




Il-Kambodja :

L-awtoritajiet fil-Kambodja stiednu l-awtoritajiet Maltin għal żjara ta’ korteżija, liema żjara se tkun qed issir fil-jiem li ġejjin. Għalissa l-Kambodja qiegħda fi stadju li tiltaqa’ ma’ pajjiżi li jkunu interessati f’kooperazzjoni magħha ġaladarba l-pajjiż jerġa’ jibda jagħmel adozzjonijiet internazzjonali.




Il-Latvja:

Il-Latvja wrew interess li jikkooperaw ma’ Malta.




Il-Polonja:

Qed isir tentattiv min-naħa tal-awtorità ċentrali biex jiġi stabbilit jekk dan il-pajjiż huwiex interessat f’kooperazzjoni ma’ Malta f’dan ir-rigward.




Iċ-Ċili:

L-awtorità ċentrali kkomunikat ma’ dan il-pajjiż u qiegħda tistenna aktar informazzjoni dwar il-possibilità ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.




Il-Ghana:

L-awtorità ċentrali kkomunikat mal-Ambaxxata tal-Ghana f’Malta. Se tkun qed issir laqgħa fil-ġimgħat li ġejjin, fejn fost oħrajn, se tiġi diskussa l-possibilità ta’ kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.





SWAT TEAM - TAĦRIĠ
17248. L-ONOR. BEPPE FENECH ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid min qed jagħti t-taħriġ meħtieġ tal-iSWAT team? Jista’ jagħti garanzija li l-iSWAT team li se jitwaqqaf jew li twaqqaf hux se jkun fully functional saċ-CHOGM ta’ Novembru li ġej? Jista’ jgħid jekk il-membri li se jkunu fl-iSWAT team hux se jkunu assenjati xogħol ieħor apparti li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol partikolari? Jista’ jgħid kif se jkun qed jaħdem (ix-xift) l-iSWAT team il-ġdid u fejn se jkun stazzjonat? Jista’ jgħid jekk inxtarax appart ġdid biex ikun jista’ jaħdem l-iSWAT team il-ġdid u kemm ġie jiswa? Jista’ jgħid x’apparat ġdid inxtara?
ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

AFM - C COMPANY U L-ISPECIAL OPERATIONS UNIT
17249. L-ONOR. BEPPE FENECH ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid x’se tkun id-differenza fix-xogħol bejn is-C Company u l-iSpecial Operations Unit li se titwaqqaf fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta? Jista’ jgħid jekk il-personnel office tal-Forzi Armati ta’ Malta għamilx studju ta’ kif se jkun qed jaħdem dan il-unit il-ġdid? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata taħriġ apposta lill-membri li se jiġu magħżula f’dan il-unit il-ġdid? Jista’ jgħid kif ġew/se jiġi magħżula l-membri l-ġodda li se jkunu qed iservu f’dan il-unit il-ġdid? Jista’ jgħid min kienu jew se jkunu l-persuni fuq l-interviewing board li għażel/se jagħżel il-persuni biex ikunu f’dan il-unit? Jista’ jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u x’kienu r-rekwiżiti biex wieħed seta’ japplika biex jissieħeb f’dan il-unit il-ġdid?
ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 16104.

KORP TAL-PULIZIJA - ASSISTENT KUMMISSARJU
17250. L-ONOR. BEPPE FENECH ADAMI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid meta rtira mill-Korp tal-Pulizija dak li kien Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jikkonferma li hekk kif irtira mill-Korp, inħatar bħala konsulent? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta l-individwu nħatar bħala konsulent, fuq xiex inħatar konsulent u kemm qiegħed jitħallas għal din il-kariga? Jista’ jgħid kemm hija d-differenza bejn il-paga li kien jirċievi l-individwu bħala Assistent Kummissarju u l-paga li qed jirċievi issa bħala konsulent? Jista’ jikkonferma li l-individwu, fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent, għandu karozza u xufier għad-dispożizzjoni tiegħu? Jista’ jelenka l-perkaċċi u benefiċċji kollha li jgawdi l-individwu bħala konsulent?
ONOR. CARMELO ABELA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema Assistent Kummissarju qed jirreferi, minħabba li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, ma kellhiex kariga ta’ Assistent Kummissarju.



Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə