Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə5/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, l-Onor. Falzon se jkollu ċans iwieġeb u jien se npoġġi bilqiegħda u nisimgħu sal-aħħar. Nittama li jwieġeb fuq il-każ ta’ Gaffarena. Il-punt tiegħi huwa li hu f’din il-Kamra qatt ma tkellem dwar dan. Jien nistenna li jekk hu raġel, iqum u jgħid: Iva, saret xi ħaġa ħażina. Iva, saret taħt ir-responsabilità tiegħi u allura jien se nerfa’ r-responsabilità politika u nirriżenja. Hekk imissu jagħmel l-Onor. Falzon u mhux itawwal każ bħal dan. Dan kien jafu, kien ħabib tiegħu, siefer miegħu, iltaqa’ miegħu qabel u bagħat lil xi ħadd mis-Segretarjat tiegħu miegħu id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u ffirma d-deals. L-Onor. Michael Falzon kien jaf b’kollox u ħallieha għaddejja. Imbagħad ma jerfax ir-responsabilità politika?! Dak li qed ngħidu.
Dan l-iskandlu huwa wieħed fost diversi imma huwa skandlu ikrah ferm għax juri qarnita ta’ interessi privati, juri qarnita fil-Gvern ta’ affarijiet li mhux qed isiru sew, juri qarnita ta’ affarijiet ħżiena li qed isiru bil-barka tal-Gvern u għalhekk, dan huwa eżempju ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata. Korruzzjoni istituzzjonalizzata tfisser li jsiru irregolaritajiet li m’għandhomx isiru. Huwa ċar li dan il-każ ma kellux isir. Saru irregolaritajiet u saru bil-barka tal-Gvern, u għalhekk din hija korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Din mhux issa ħakmet lill-Gvern imma minn qabel l-elezzjoni. Allura l-mistoqsijiet li qed tagħmel l-Oppożizzjoni huma: Għaliex Gaffarena għandu din is-saħħa kollha ma’ dan il-Gvern? Għaliex Gaffarena jmur għand il-Gvern u jgħidlu biex jixtri mingħandu kwart ta’ din il-proprjetà? X’inhi r-rabta bejn Michael Falzon u Gaffarena? X’inhi r-rabta bejn il-Gvern u Gaffarena? X’inhi r-rabta bejn il-Prim Ministru u Gaffarena? Għaliex qed isiru dawn l-affarijiet?


Sur President, x’kienet ir-raġuni li l-Prim Ministru żamm id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern bħala parti mill-portafoll tiegħu? Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li l-Prim Ministru żammu fil-portafoll tiegħu. Immaġina biss x’kont nisma’ min-naħa tal-Oppożizzjoni kieku minflok użajna l-Perit Scotto, qbadna u ndħalna u għedna li għal dan il-każ, biex naġevolaw lil xi ħadd, se nqabbdu perit ieħor! F’dan il-każ id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern uża l-istess periti tad-darba l-oħra.
Illum qegħdin nitkellmu fuq is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, imma ejjew ma ninsewx li hu Segretarju Parlamentari taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern jaqa’ taħtu. X’inhi din il-qarnita ta’ interessi privati li ppenetrat lid-Dipariment tal-Proprjetà tal-Gvern? X’inhi din il-qarnita ta’ ħmieġ u korruzzjoni istituzzjonalizzata? Mhux ta’ b’xejn li meta kienet qed titkellem l-Onor. Marlene Farrugia dwar il-każ taż-Żonqor qalet li l-Gvern għandu ċerti obbligi! U anke hawn, joħroġ ċar li l-Gvern kellu l-obbligi biex lil Gaffarena tawh dan it-tip ta’ deal. Għax ma jagħmilx sens li għal nofs dar tagħti dak il-kumpens esaġerat. Mill-ewwel inxtamm jinten dan id-deal.
Kellha raġun l-Onor. Marlene Farrugia tgħid li dan huwa Gvern li għandu l-obbligi. Jien ukoll nemmen li għandu l-obbligi. Bħalma kellu raġun Toni Abela, għalkemm qalha għax żelqitlu meta qal: Aħna lesti li nagħmlu n-nies sinjuri bil-moħbi, l-aqwa li nagħmluhom sinjuri. Hekk għamlulu lil Gaffarena, bil-moħbi għamluh multimiljunarju! Kellha tkun il-media indipendenti li tikxifkom u toħroġ dak li qegħdin jagħmlu.
Sur President, irrid infakkrek li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali anke inti kont wissejt li l-Partit Laburista qiegħed jidħol għal obbligi li jistgħu joħolqu problemi. U kellek raġun! F’intervista li kont tajt lill-ġurnal The Sunday Times fit-3 ta’ Frar, 2013, jiġifieri xahar qabel l-elezzjoni ġenerali, inti kont għedt li l-Partit Laburista kien qed jersaq viċin il-kuntratturi l-kbar u l-finanzjament tiegħu jqanqal ħsebijiet ta’ korruzzjoni. Dak li kont għedt inti. Hawnhekk għandi kopja tal-intervista li kont tajt int, Sur President, fejn kont għedt hekk:
When you see certain people getting close to the party, big businessmen and contractors, I don’t feel comfortable getting close to them.”
Int għedt li meta tara ċerti nies viċin tal-partit, businessmen kbar u kuntratturi kbar, ma tħossokx komdu viċin tagħhom. Dan huwa l-kliem tiegħek xahar qabel l-elezzjoni ġenerali! Imbagħad il-ġurnalist kien staqsiek, “Are these people getting close to the Labour Party?”, u int weġibtu iva. Qallek: “Big contractors?” Inti weġibtu: “Big contractors”. Imbagħad staqsiek: “Are these same contractors financing the party?” Inti weġibtu: “I can’t tell you because I was never involved with these people, although I know they are close with certain people involved in the Labour Party’s finances.”
Sur President, imbagħad int għedt sentenza li għalija ma stajtx tkun ċar aktar minn hekk. Aktar ċar fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri fil-każ ta’ Gaffarena, biex ma nsemmux ukoll il-każ taż-Żonqor, għax hemmhekk ukoll għandna s-suspetti ta’ ħmieġ. Inti kont għedt: “My problem with contractors is that it triggers fears of corruption”. Dan għedtu int xahar qabel l-elezzjoni. Hawnhekk għandi l-intervista - mhux għax għandi bżonn infakkarhielek – u biex insegwi l-proċedura, ladarba kkwotajt minnha u biex ħadd ma jgħid li kkwotajtek biss biċċa jew ikkwotajt ħażin, din l-intervista lest li npoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra.
Huwa ċar li dan huwa Gvern ta’ kompromessi korrotti li ġejjin minn qabel l-elezzjoni. M’hemmx dubju li dawn huma intriċċi li l-Partit Laburista daħal għalihom biex jirbaħ l-elezzjoni u issa qed iħallas għal dak li daħal għalih. Issa qed iħallas l-obbligi li għandu. Issa qed iħallas il-ħmieġ li ftiehem fuqu. Għalhekk, minn “Malta Tagħna Lkoll” f’sentejn biss dan il-Gvern għamel minn pajjiżna ‘Malta Tagħhom Biss’, Malta għal buthom biss, Malta ta’ Gaffarena biss, Malta għall-interessi tal-ftit u mhux vera “Malta Tagħna Lkoll”. Hawn ħafna nies li qed jgħidu li issa żżejjed, issa daqshekk, issa qed tqażżuha, issa qed tesaġeraw, issa too much u enough is enough, anke Laburisti ġenwini. Dak li qegħdin jgħidu n-nies. Dan qegħdin jgħiduh mhux biss nies Nazzjonalisti imma qegħdin jgħiduh ukoll nies Laburisti ġenwini.
Il-mistoqsija tiegħi llum hija jekk dan il-każ ta’ Gaffarena, li huwa maqsum fi tnejn - għax ma rridux ninsew li dan mhux darba saritlu esproprjazzjoni, imma darbtejn - huwiex the tip of the iceberg u jekk hemmx każijiet oħra bħal dawn. Jien nistenna li s-Segretarju Parlamentari jqum u jgħidilna jekk hemmx każijiet oħra bħal dan. Nistenna li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon iqum u jgħidilna jekk jafx b’każijiet oħra fuq din il-proprjetà jew fuq proprjetajiet oħrajn. Aħna nistaqsu jekk dan huwiex każ ta’ darba jew hijiex xi skema fejn Gaffarena jmur jagħżel il-proprjetajiet, jixtrihom hu u jbigħhom lill-Gvern għax jaf li se jagħmel profitt esaġerat. Dan każ wieħed kien jew hemm xi skema, jew hemm xi brimba, jew hemm qarnita, jew hemm korruzzjoni istituzzjonallizzata? Dak li nistenna li l-Onor. Michael Falzon jgħidilna llejla.
Nixtieq li l-Onor. Falzon jgħidilna wkoll jekk iffirmax każijiet oħra u jekk indunax b’każijiet oħra. Għax jien ma nistax inniżżilha li dan iffirma fuq dan il-każ! Possibbli, Onor. Falzon, ma daħallekx dubju li kien hemm xi ħaġa ħażina fih? Possibbli int u tiffirma ma daħallekx dubju li Gaffarena kien qed japprofitta ruħu mill-Gvern? Possibbli int u tiffirma ma daħallekx dubju li 43 tomna art kienu esaġerati għal daqsxejn ta’ nofs dar fil-Belt? Possibbli ma daħallekx dubju li kont qed tagħtih kumpens esaġerat? Possibbli ma daħallekx dubju li dak li kont qed tagħmel kien ħażin?
Mhuwiex biżżejjed li l-Prim Ministru qal li lest li jreġġa’ dan id-deal lura. Aħna rridu li tintrefa’ r-responsabilità politika mill-Onor. Michael Falzon, imma anke mill-Prim Ministru għax il-Prim Ministru huwa l-Prim Ministru u allura the buck stops with him. Mhux hekk biss, il-Prim Ministru huwa wkoll il-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Mela mhux l-Onor. Michael Falzon biss responsabbli imma responsabbli wkoll il-Ministru tiegħu li huwa l-Prim Ministru nnifsu. Huwa responsabbli wkoll għax il-Prim Ministru kien imissu jaf ladarba huwa responsabbli. Probabbilment kien jaf. Kif tista’ ma tkunx taf b’każ jinten bħal dan? Jekk ma tkunx taf, allura trid tirriżenja għax inti inkompetenti, u jekk tkun taf, trid tirriżenja għax ħallejtu jsir. Fil-każ tal-Onor. Michael Falzon m’hemmx dubju li kien jaf għax spjega biċ-ċar u fil-każ tal-Prim Ministru għad irridu nistennew l-investigazzjoni ssir.
L-Oppożizzjoni tqis li dan il-każ huwa ħażin, mhuwiex aċċettabbli u jħammeġ il-politika. Każijiet bħal dan, minflok iżidu l-fiduċja tan-nies fil-politika, qed inawwru l-fiduċja tan-nies fil-politika. U din tirrabbjana lilna fl-Oppożizzjoni għax meta n-nies tnaqqas il-fiduċja tagħha fil-politika, tnaqqas il-fiduċja tagħha fil-politiċi kollha. Aħna rridu naħdmu biex inżiduha l-fiduċja tan-nies u mhux innaqqsuha. Għalhekk l-Oppożizzjoni diġà qiegħda tintrabat li sa qabel l-aħħar ta’ din is-sena tħabbar sett ta’ proposti biex innaddfu l-politika f’pajjiżna għax dan il-Gvern qiegħed iħammiġha.

Aħna se nħabbru sett ta’ proposti għal politika nadifa, mibnija fuq l-onestà. Dawn jinkludu, pereżempju, kodiċi ta’ etika li jorbot lill-Ministri suret in-nies. Dan se jidħol sa mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid u mhuwiex il-kodiċi ta’ etika tal-lum li minflok saħħewħ, dgħajjfuh. F’dawn il-proposti aħna se ndaħħlu standards għolja ta’ mġiba xierqa fil-ħajja pubblika mill-politiċi, se ndaħħlu miżuri ġodda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mhux se nħallu din it-tip ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata għaddejja, qisu xejn mhu xejn u qisu business as usual.


Se ndaħħlu wkoll proposti fuq in-nomini f’bordijiet u dawn il-pastażati li qegħdin isiru fin-nomini fil-bordijiet pubbliċi ma jitħallewx ikomplu jsiru. Għandna ndaħħlu wkoll proposti fuq meritokrazija vera, kuntrarju għall-meritokrazija fażulla li għandu dan il-Gvern. Basta bil-billboards kollha meritokrazija biex imbagħad, meta ġie għas-si u n-no, għamel l-agħar forma ta’ preferenzi, ta’ nepotiżmu u ta’ diskriminazzjoni!
Sur President, il-poplu Malti u Għawdxi jrid ikollu tama li l-politika nistgħu nnaddfuha. Dan il-Gvern seraqhielu din it-tama. Dan il-Gvern ittradixxa lill-poplu għax tela’ bl-għajta li se jnaddaf il-politika u minflok naddafha, ħammiġha ħafna. Jien irrid li l-poplu nagħtih it-tama li iva, il-politika tista’ titnaddaf u l-politiċi jistgħu jnaddfuha. Jekk intom m’intomx kapaċi tnaddfuha l-politika, lest li nagħmilha jien! (Onor. Membri: Hear, hear)
Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Artiklu li deher f’Times of Malta online tat-3 ta’ Frar 2013 intitolat “Political Murder”.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ryan Callus.
ONOR. RYAN CALLUS: Sur President, illum qegħdin nitkellmu fuq Mozzjoni dwar il-possibilità li l-Gvern ikun jista’ jbigħ garaxxijiet li llum huma proprjetà tal-Gvern u li jinstabu f’postijiet tal-housing u dwar il-possibilità li l-Gvern ikun jista’ jbiddel it-tip ta’ titlu minn kirja għal ċens għal dawk il-postijiet kummerċjali li huma proprjetà tal-Gvern.
Se nibda bl-ewwel punt. Kont qed nisma’ lill-kollega tiegħi l-Onor. Falzon jgħid li hu qed jagħmel dak li l-Gvern preċedenti m’għamilx. Filwaqt li aħna favur din il-Mozzjoni, kif spjega wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, bħala kelliem responsabbli mill-artijiet ma nistax ma nesprimix it-tħassib tagħna għall-prezzijiet eżorbitanti li se jkunu qed jiġu imposti fuq s-sidien tal-ħwienet tal-Belt Valletta. Se nispjega kif u se nieħu każ ta’ persuna partikolari, jiġifieri dan huwa każ veru, a true story! U tan-naħa l-oħra aħjar jisimgħu għax li se niżvela se jħammrilhom wiċċhom!
Hemm bniedem li għandu post fil-Belt Valletta li jikkonsisti f’shop area ta’ madwar 25 metru kwadru ground floor, storage area ta’ madwar 21 metru kwadru fl-ewwel sular u basement ta’ madwar 28 metru kwadru. B’din l-iskema li semma l-Onor. Michael Falzon illum, dan se jkun qed iħallas €300 għal kull metru kwadru għall-ground floor. Mela allura għall-ground floor dan se jħallas €7,410 kull sena għaċ-ċens. Minbarra dan, għall-istorage area tal-ewwel sular, biċ-ċifra ta’ €60 kull metru kwadru se jkollu jħallas €1,250 oħra. Se nkompli nżid; din il-persuna li għandha basement ta’ madwar 28 metru kwadru se jkollha tħallas €30 għal kull metru kwadru u allura €830. Dawn iġibu total ta’ €9,500. Tafu kemm tħallas din il-persuna bħalissa għall-proprjetà li għandha mikrija mingħand il-Gvern? €300! Bl-iskema li nedejtu intom, li Alla jbierek qed tgħidu li se tagħmlu l-affarijiet li m’għamilx il-Gvern preċedenti, se ttellgħulu l-prezz minn €300 għal €9,500 fis-sena, 30 darba aktar milli kien iħallas qabel. Intom Gvern soċjalist?! Naħseb li aktar Gvern kapitalist! Naħseb li vera tgħodd għalikom “champagne socialists”! Kif tista’ qatt tagħmel dan, Sur President?!
MR SPEAKER: L-Onor. Michael Falzon on a point of order.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sur President, l-Onor. Callus qed jiżgwida lill-Kamra u lil kull min qed jisimgħu. Għandu jgħid li l-iskema hija volontarja biex la jiżgwida lill-Kamra u lanqas lin-nies hemm barra. L-iskema hija volontarja. Din għandu jgħidha! Min irid jista’ jibqa’ jħallas it-€300 jew kemm qal hu.
MR SPEAKER: Kollox sew. Kompli, Onor. Callus.
ONOR. RYAN CALLUS: Tajjeb, mela l-Gvern qed jagħti l-għażla volontarja. Qed jgħidilhom: Applikaw ħalli nisirqukom! Din xi skema hi, Onor. Michael Falzon? Xi skema hi?! Aqbad u skreppjaha din l-iskema. Aqbad u skreppjaha llejla stess, Onor. Falzon. Ma tistħux tiġu hawn, Gvern Soċjalista, u minn €300 fis-sena ttellgħuha għal €9,500! Kif ma tistħux?
Se nsemmi każ ieħor. Persuna li llum tħallas €3,700 kirja ta’ post kummerċjali fil-Belt b’din l-iskema se tiġi tħallas aktar minn €80,000 fis-sena. Minn €3,700 għal aktar minn €80,000, 21 darba aktar! Dawn kienu żewġ każijiet biss, imma hemm aktar. Allura kif nistgħu aħna tal-Oppożizzjoni niġu hawn u ma nitkellmux fuq dawn l-affarijiet? Jekk ma titkellmux intom għan-nies hemm barra, nitkellmu aħna għax huwa inaċċettabbli li toħorġu skema volontarja bħal din wara li tgħidu li intom Gvern favur in-negozji. Intom Gvern pro-business? Intom favur il-business? Intom tridu toqtlu l-business! Intom anti-business!
Intom Gvern favur l-anzjan? Ġiet persuna anzjana li għandha post mikri l-Belt u qaltli li tixtieq tkompli taħdem wara l-età tal-irtirar imma mhux se tkompli taħdem jekk dan il-Gvern minn €300 jtellgħalha l-kera għal €9,500. Intom m’intomx favur l-anzjani li jibqgħu jaħdmu.
MR SPEAKER: L-Onor. Michael Falzon, on a point of order.
ONOR. MICHAEL FALZON: Ma tellajnihielha xejn għax l-iskema hija volontarja. Ejjew ma niżgwidawx. Ir-rati ta’ din l-iskema huma irħas mir-rati tal-iskema li għamel l-Onor. Jason Azzopardi fl-2012. Irħas!
MR SPEAKER: Onor. Callus, kompli bid-diskors tiegħek, imbagħad is-Segretarju Parlamentari jirrispondik.
ONOR. RYAN CALLUS: Jien se nkompli, però napprezza jekk inti tagħtini l-protezzjoni tiegħek għax ma jistax ikun li nagħmel diskors u nibqgħu sejrin hekk. L-Onor. Michael Falzon qed jiżgwida lill-Kamra għax mhuwiex minnu li l-iskema li kien hemm qabel kienet ogħla minn din. Anzi, Onor. Michael Falzon, kien hemm Laburisti li mortu tgħidulhom biex ma japplikawx għal din l-iskema għax kontu se tagħmlu skema intom. Kien hemm min sema’ minnkom u llum qed jiddispjaċih għax din l-għażla li qed tgħid li tajtu mhi għażla xejn għax l-ebda bniedem li għandu ħanut fil-Belt Valletta mhu se japplika biex minn €300 fis-sena jibda jħallas €9,500 fis-sena! Din hi l-verità. U tiġux tgħidu li l-iskema tal-Gvern preċedenti kienet ogħla għax ma kenitx ogħla. Jekk tridu u meta tridu, noħorġu ċ-ċifri ħalli n-nies hemm barra jkunu jafu l-verità għax iċ-ċifri huma fatti.
Jien qed nitkellem fuq post li mhux qiegħed fi Triq ir-Repubblika, lanqas fi Triq il-Merkanti, iżda fi triq sekondarja. Jiġifieri dan l-eżempju li qed nuża hawnhekk mhux ta’ bniedem li malli tasal il-Belt tgħaddi minn quddiemu kuljum u allura għandu l-possibilità li jagħmel aktar kummerċ. Ħalli n-nies hemm barra jifhmu x’qed ngħid. Dan huwa ħanut li qiegħed f’post sekondarju. Allura ma jistax ikun li ma nitkellmux fuq dan il-każ illum.
Aħna favur li minn kirja tbiddluha għal ċens, u favur li l-garaxxijiet tal-housing minn kirja tbigħuhom lis-sidien li ilhom jokkupawhom għal snin twal, però aħna kontra li jsiru dawn l-oxxenitajiet ta’ prezzijiet għax dawn huma prezzijiet li verament jaqtgħu nifs il-komunità tal-kummerċ li hawn fil-Belt Valletta. Mil-lum ’il quddiem, ejjew ngħidu l-verità. Din hija skema li fil-verità ma tagħtix għażla għax l-għażla tkun għal xi ħaġa li tmur aħjar biha u mhux għażla li tieħdok lura mill-aspett finanzjarju.
Sur President, issa rrid nitkellem fuq il-każ skandaluż li ilu jissemma fil-mezzi tax-xandir għal dawn l-aħħar ġimagħtejn u qed ikun fl-ewwel paġna tal-gazzetti kważi kuljum. Quddiemi għandi l-ġurnal The Times of Malta tal-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2015, li qed jagħti l-valutazzjoni ta’ kemm fil-verità jiswew l-artijiet li ngħataw lis-Sur Gaffarena. L-art f’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi, li fiha ftit aktar minn ħamest itmien raba’, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern stmaha madwar €165,000 u għaliha ffirma l-Onor. Michael Falzon. Perit indipendenti tal-ġurnal, stmaha €685,000, erba’ darbiet aktar! L-istess l-art f’Ħaż-Żebbuġ ta’ 26,000 metru kwadru, jiġifieri madwar 26 tomna; il-perit tal-Gvern stmaha €375,000 u għaliha ffirma l-Onor. Michael Falzon. Il-perit indipendenti tal-ġurnal stmaha €800,000. Mela fil-verità tiswa d-doppju.
Żewġ biċċiet art ta’ 3,700 metru kwadru fil-White Rocks, jiġifieri tlett itmien, il-perit tal-Gvern stmahom €250,000 u l-Onor. Michael Falzon iffirma għalihom. Dan il-perit indipendenti stmahom €500,000, jiġifieri d-doppju. Art oħra fil-White Rocks, li hija 1,600 metru kwadru, il-perit tal-Gvern stmaha €70,000 u ffirma għaliha l-Onor. Michael Falzon. Il-perit indipendenti stmaha €150,000, id-doppju wkoll. Art oħra f’Tal Ħandaq, Ħal Qormi, il-Gvern stmaha ftit anqas minn €200,000 u dan il-perit indipendenti stmaha €400,000. Anke din tiswa d-doppju. Imbagħad iċ-ċirasa fuq il-kejk kienet il-proprjetà fi Triq Manwel Dimech, Tas-Sliema, fejn il-Gvern stmaha €65,000 meta fil-fatt tiswa €200,000, jiġifieri tliet darbiet aktar!
Sur President, għandna Gvern li qiegħed iberbaq l-artijiet tal-poplu u l-ħwejjeġ tagħna lkoll. Allura kif tippretendu li llum, li qed niddiskutu din il-mozzjoni li titkellem fuq l-artijiet, aħna ma nsemmux dawn l-ħneżrijiet?! Kif nistgħu, Sur President?! Il-verità hi li għandna Gvern li qed jarmi l-artijiet tal-poplu. Fil-verità, il-Gvern suppost ikun id-difensur tal-artijiet tal-poplu, iżda dan mhux qed jagħmlu u allura qed ikollna nagħmluh aħna. Għalhekk dan huwa skandlu kbir. Kbir! B’daqqa ta’ firma armejtu tant artijiet, bħallikieku intom galantomi bl-art tal-poplu. Jien taf x’naf? Li kieku min iffirma dawn l-affarijiet kien jaħdem bħala manager f’xi kumpanija tar-real estate, kien jitkeċċa għax jekk inti taħdem ma’ kumpanija privata ma tarmix l-artijiet kif ġieb u laħaq. Kieku għandi din il-kumpanija li jisimha ‘L-artijiet ta’ Malta’, kieku jien ma naqbadx u narmi, jew nistma bin-nofs, l-artijiet tal-poplu tagħna. Allura llum ma nistgħux ma neħdux din l-opportunità li nitkellmu fuq dan l-iskandlu li jinten.
Meta tkellimna fuq dan id-diżastru ta’ evalwazzjoni kien faċli għall-politiku li jwaħħal fil-periti u jgħid li dawk stmawhom huma. Kemm hu faċli tgħid hekk! Kemm hu faċli twaħħal f’min għamel l-istima tal-artijiet! Kemm hu faċli tabdika mir-responsabilità politika b’kelma waħda f’gazzetta lokali! Huwa għalhekk li fil-liġi Maltija hemm mitkub li kull esproprju li jsir, irid jiġi ffirmat minn politiku fl-Eżekuttiv, għax hija responsabilità kbira x’wieħed jagħmel bl-art tagħna. Kemm hu faċli u irresponsabbli li jiġi l-politiku hawn illum u jgħidilna li mhux tort tiegħu għax hu kemm iffirma! Il-verità hi li kieku ma ffirmax, dan l-iskandlu ma sarx. Dik hi l-verità!

Sur President, ma jistax ikun li aħna ma nitolbux għar-responsabilità politika għax jekk ħadd ma jerfa’ f-responsabilità politika, allura l-Onor. Falzon x’qed jagħmel hemmhekk? Jaqaw l-Onor. Falzon rubber stamp, kemm jaqbad it-timbru u jittimbra? Huwa rubber stamp? Allura jiddispjaċini ngħid li bik u mingħajrek xorta! Inti suppost qiegħed hemmhekk bħala filter biex jekk ikun hemm xi ħaġa ħażina, jew jekk ixxomm li dawn l-artijiet ġew stmati n-nofs ta’ kemm verament huma, twaqqaf il-proċedura, u mhux tiffirma u tberbaq l-artijiet tal-poplu. Din hi l-verità u ma jistax ikun li xi ħadd li huwa fdat mill-Prim Ministru … Għax kien il-Prim Ministru li ħatru f’din il-kariga u kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, mhux biss il-Prim Ministru huwa responsabbli minnu imma anke żamm id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern taħtu. Din hija l-ewwel darba kemm ilna pajjiż indipendenti li d-Dipartiment tal-Proprjetà nżamm taħt ir-responsabilità tal-Prim Ministru. Dik il-firma tfisser ħafna u f’dak il-mument, il-politiku kellu għażla f’idejh, jew li jmexxi din il-proċedura, jew iwaqqafha. Dik il-firma issa saret. Issa smajna lill-Prim Ministru jgħid li se jreġġa’ lura d-deal u ħafna affarijiet però l-verità hi li meta inti tiffirma, tkun qiegħed tippermetti li din it-tranżazzjoni ssir.


Hemm affarijiet oħrajn, fosthom il-bżonn tal-esproprju. Sal-lum għadna ma nafux min iddeċieda li din il-binja fi Strada Zekka tiġi esproprjata. Min f’dan il-pajjiż iddeċieda li din il-binja tiġi esproprjata? X’jiġifieri wara tliet ġimgħat għadna ma nafux min iddeċieda li tiġi esproprjata din l-art? Min, il-ħajbu? Min kien? Naħseb nafu x’ġara; kellna l-politiku li ltaqa’ mal-individwu, ċempel lill-assistent tiegħu fil-Ministeru u qallu: Ejja naqra sa hawnhekk ħalli takkumpanja lil din il-persuna.
MR SPEAKER: L-Onor. Michael Falzon on a point of order.
ONOR. MICHAEL FALZON: L-aħħar rimarka li għamel, li jien ċempilt lil xi ħadd u qabbadt lil xi ħadd, irid jew jissostanzjaha jew jirtiraha! Ma jistax jigdeb fil-Kamra. Jew jissostanzjaha jew jirtiraha!
MR SPEAKER: L-Onor. Ryan Callus.
ONOR. RYAN CALLUS: Aħna li nafu huwa li l-Onor. Falzon iltaqa’ mal-individwu u li dan ġie akkumpanjat minn persuna mill-uffiċċju tal-Onor. Michael Falzon fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Allura n-nies hemm barra jiġġudikaw.
MR SPEAKER: M’intix qed tgħid li l-Onor. Michael Falzon bagħat lill-individwu, biex inkunu ċari. Jekk qed tgħid hekk, għid hekk. (Interruzzjonijiet) Ħu paċenzja, Onor. Falzon! Int qajjimt point of order. Din hija l-ispjegazzjoni tiegħek. Tista’ tkompli, Onor. Callus.
ONOR. RYAN CALLUS: Jien qed nagħti l-fatti kif ġraw u kif ġew irrapportati fil-gazzetti. Jekk qed nigdeb jien, qed jigdbu l-gazzetti. Jien qed nitkellem fuq intervista li dehret fil-ġurnal MaltaToday, jiġifieri jekk jien qed ngħid ħażin, il-MaltaToday qed tgħid ħażin. Din intervista li għal ġieħna ta l-Onor. Michael Falzon, mhux jien tajtha. Hawnhekk ġie rrapportat li qal: Mela aħna kellna din il-laqgħa fl-Uffiċċju tal-Onor. Michael Falzon mal-individwu; wara sirna nafu li din il-persuna hija l-King tal-Lands. Dan aħjar mill-Prim Ministru! F’Malta m’għandniex re, imma għandna l-King tal-Lands! U dan ġie akkumpanjat minn individwu fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern.
Sur President, għadna ma nafux min ta l-ordni biex issir l-esproprjazzjoni. Min ta l-ordni? Nistgħu nkunu nafu min ta l-ordni? Jien ma naħsibx li taqa’ mis-sema li binja storika tiġi esproprjata. Jien naħseb li hija deċiżjoni politika. Ma naħsibx li l-Kummissarju tal-Artijiet qam filgħodu, daħal ix-xogħol it-Tnejn u qal li għandhom bżonn jesproprjaw il-palazz ta’ Strada Zekka! U ma naħsibx li kien id-Direttur Ġenerali tal-Artijiet, jew id-Direttur tal-Estate Management, jew id-Direttur tal-Joint Office. Min kien li talab li din tiġi esproprjata? Dan ma nafuhx, għalhekk tinten għax l-informazzjoni qed tibqa’ moħbija. Din bħal tal-interviewing boards tal-MEPA. Għandkom x’taħbu għax kieku ġejtu minn rajkom u tajtuna din l-informazzjoni. Ejja ngħidu li ta d-direzzjoni l-Gvern u s’issa għad ma kellkomx il-kuraġġ tgħidulna li kontu intom il-politiċi; tistgħu għall-inqas tgħidulna għalfejn ġiet esproprjata din il-binja?
Fil-11 ta’ Ġunju, 2015 jien għamilt mistoqsija parlamentari fejn staqsejt kemm hemm ħaddiema fil-Building Industry Consultative Council (BICC). Bħalissa din il-binja fiha uffiċċju li fih hemm 13-il persuna. Tnejn minnhom huma part-time għal 12-il xahar u allura ejjew nneħħuhom. Imbagħad hemm id-driver, ir-receptionist, it-timekeeper - ma nafx x’inhu dan - driver/photographer – dan żewġ funzjonijiet f’daqqa għandu – messaġġier, senior clerk, customer care, education officer, BICC secretary, PA to Chairman (Technical) u PA to Chairman (Communications) – iċ-Chairman għandu żewġ Pas; qatt ma kienet din! – Head of Administration u Executive. Mela hemm13-il persuna f’palazz fil-Belt. Dan jiġġustifika li binja bħal din tiġi esproprjata? Tinten! Ma tagħmilx sens li binja bħal din tiġi esproprjata għal 13-il persuna, li ħafna minnhom huma amministrazzjoni. Lanqas li kieku hawn ħafna tekniċi li qed jagħmlu xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-bini.
Sur President, din tinten. Għalhekk, bla ħabi u bla biża’ aħna nikkonkludu li ma kienx hemm public purpose. Art tiġi esproprjata għax ikun hemm bżonnha u għax ikun fl-interess pubbliku li tintuża. Hawnhekk interess pubbliku m’hemmx u ma tistgħu qatt tiġġustifikaw dawk il-palazzini kollha li l-Onor. Michael Falzon beda juri lill-kollega tiegħi l-Onor. Jason Azzopardi fuq il-programm televiżiv Reporter u kemm hemm swali kbar u uffiċini. Onor Falzon, dik konferma kemm il-BICC m’għandux bżonn din il-binja.
Issa se nitkellem fuq punt li lili jweġġagħni ħafna. Qed nirreferi għall-fairness. Lili jiġu jkellmuni bdiewa u m’għandix dubju li jiġu jkellmu lilkom ukoll. Fosthom ġie tifel ta’ bidwi u qalli li talab li l-qbiela li kellu missieru jirithom hu, għax missieru xjaħ u ma kellux aktar saħħa jkompli jaħdem ir-raba’. Qalli wkoll li kellu għalqa illegali, u veru. Fil-fatt, mar għand id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u qalulu li ma jistax jiret għax kellu għalqa illegali. Imma ċ-Ċavett x’għandu? Hemmhekk mhux għalqa illegali hemm, hemmhekk hemm pool illegali, bini illegali, u hemm anke enforcement notice tal-MEPA! Dan mhux talli ttrasferewlu l-qbiela – suppost qbiela tkun fuq art li taħdem bil-mutur u allura din mhux suppost qbiela – talli bigħuhulu! Jiġifieri ma’ dan il-bidwi ssikkajtu jdejkom biex l-art tiġi trasferita mill-missier għal għandu, u ma’ dan l-individwu, għal skop li lkoll nafu x’inhu, mhux ittrasferejtulu l-qbiela, imma begħtuhielu. Kif tistgħu tiġu hawn u tgħidu li temmnu f’min m’għandux vuċi, f’min m’għandux saħħa, fil-bidwi ġenwin u fin-nies li jimxu skont il-liġi ta’ dan il-pajjiż? Ma temmnux fihom. U dan huwa eżempju ta’ kemm intom, bid-deċiżjoni tagħkom, żbaljajtu u mxejtu b’mod differenti ħafna minn kif suppost imexjtu. Għalhekk tinten din.
Sur President, dawn l-affarijiet kollha jintnu. Dawn affarijiet li jmorru kontra l-prassi u ta’ din, xi ħadd mill-Gvern irid jerfa’ r-responsabilità. Mhux biżżejjed li tgħidu ‘sorry’. Hawnhekk begħtu ħafna artijiet tal-Gvern, artijiet tagħna lkoll. Dawn issa telqu u allura hawnhekk xi ħadd irid jerfa’ r-responsabilità. ‘Sorry’ mhijiex biżżejjed. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, b’din il-Mozzjoni l-Gvern essenzjalment qed jiżvesti ruħu u qed ineħħi proprjetà tal-Gvern minn idejh u jbigħha lil min qiegħed jikriha bħalissa. Aħna naqblu u dejjem kienet il-politika tal-Partit Nazzjonalista li l-Gvern m’għandux jindaħal f’kollox. Anzi l-Gvern għandu jiffoka ħalli jkun effettiv f’dawk l-oqsma li huwa biss jista’ jipprovdihom. Żgur li mhuwiex rwol ewlieni tiegħu li jipprovdi l-garaxxijiet għall-kiri.

Il-Gvern Laburista qed juri li hija politika tiegħu li jneħħi proprjetà minn idejn il-Gvern u dan juri għala l-iskandlu ta’ Strada Zekka, li nħadem f’Kastilja, jinten bil-kbir. Filwaqt li l-Gvern qiegħed jgħid biċ-ċar li hija l-politika tiegħu li jbigħ proprjetà li għandu f’idejh u li m’għandux xi jridha, għal xhur sħaħ Kastilja kienet qiegħda tagħmel eżatt bil-maqlub, tiftiehem bil-moħbi biex il-Gvern jixtri proprjetà li m’għandux x’jambiha. Li kieku jrid, għad baqagħlu 13-il sena jokkupaha. Iimma le, xtraha bi prezz għoli infern miftiehem f’Kastilja. Mhux hekk biss, minflok xtraha mingħand is-sidien tagħha, xtraha mingħand sinjur li issa għamluh sinjurun, sinjur li kien imur Kastilja. Dan l-iskandlu huwa maħdum f’Kastilja u din il-Mozzjoni turi kemm jinten.


Dan il-Gvern inqabad kmieni ħafna – kif qal tant tajjeb il-Kap tal-Oppożizzjoni – minn qarnita li ħsiebha biss kemm se taħtaf u tibla’ minn ħwejjeġ il-poplu. Imbagħad il-ħaddiem irid jikkuntenta bit-58ċ fil-ġimgħa! Għandna sinjur li għamluh sinjurun, anzi multimiljunarju, u dan jiddetta lill-Gvern x’jesproprja u kemm jagħtih kumpens. Nafu li biex il-Gvern jesproprja jrid ikun hemm “a public purpose”, kif tgħid il-liġi, irid ikun hemm id-dikjarazzjoni tal-Gvern, li dan qed jagħmlu fl-interess pubbliku. Imma dan sar fl-interess ta’ Gaffarena! Huwa ħażin li l-Gvern qed jaħbi. L-iskandli li qed insiru nafu bihom huma biss the tip of the iceberg, kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni kemm-il darba. Dan il-Gvern qed jaħbi għax kieku kien trasparenti, kieku nsiru nafu b’ferm aktar minn dan.
Dan il-każ huwa xempju ta’ dak li hemm ħażin f’dan il-Gvern. Minn dan il-każ joħroġ li dan mhux Gvern ta’ Joseph Muscat iżda Gvern ta’ Gaffarena. U dan wara sentejn biss. Gaffarena qal lil Kastilja biex tesproprja post li hu diġà kellu kwart minnu u Kastilja esproprjat il-post fuq dak li qalilha dan is-sinjur. Għalhekk hija gravi. Gaffarena mhux biss qal lil Kastilja biex tesproprja imma qal lil Kastilja x’kumpens tagħtih. Għalhekk tqum il-mistoqsija: Għaliex Gaffarena għandu din il-qawwa straordinarja fuq il-Gvern ta’ Joseph Muscat?
Dan hu skandlu maħdum f’Kastilja bl-Onor. Joseph Muscat responsabbli doppjament, bħala Prim Ministru u bħala l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Huwa ċar li għalkemm dan il-Gvern ilu biss sentejn, diġà huwa maħkum minn qarnita ta’ interessi maħmuġin u li l-Partit Laburista welled sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali. Mhux se nerġa’ nirrepeti dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-intervista fil-ġurnal The Sunday Times ta’ erba’ xhur qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, però ma nistax ma nagħmilx referenza għal dak li kien qal id-Deputat Kap tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien, Dr Anġlu Farrugia. Huwa kien qal hekk:
“Hemm qrubija bejn kuntratturi kbar u l-finanzjament tal-Partit Laburista li tqanqal ħsebijiet dwar korruzzjoni.”
Fi kliem ieħor qed jgħid li huwa partit mixtri. Dan hu Gvern li ddeġenera minn “Tagħna Lkoll” għal “Tagħhom Biss”! Is-slogan veru tal-Partit Laburista sar “aħtaf kemm tiflaħ f’dawn il-ħames snin” bħal dak ix-xi ħadd li ilu ma jiekol u jġibulu platt ikel quddiemu u jibda jiffanga u jiekol kemm jiflaħ li ma jmurx jeħodhulu xi ħadd minn quddiemu. Imma issa anke l-Laburisti ġenwini qegħdin jgħidu li issa żżejjed. Żbalji fil-passat kien hemm imma żgur mhux ta’ dan il-kobor u mhux daqshekk kmieni. Dawn wara sentejn! Fi kwalunkwe każ, żball qatt m’għandek tużah biex tagħmel żball akbar minnu.
Dan li qed niddiskutu huwa skandlu li heżżeż lill-Gvern, heżżeż il-fiduċja tan-nies fil-politika u heżżeż id-Dipartiment tal-Artijiet. Dan huwa skandlu kbir u gravi li se jkompli jikber u se jkompli jiggrava. Dan huwa każ ta’ ħabi kbir li nkixef grazzi għall-ġurnal The Sunday Times, li minn hawn insellmulhom. Kienu huma li żvelaw l-istorja u huma kixfu l-każ. Dan huwa ħabi f’Kastilja ta’ skandlu maħdum f’Kastilja. Għalhekk qed inxommu l-korruzzjoni tal-politika, għax għandna Gvern li qed jagħmel dak li jgħidulu n-nies li qabduh f’idejhom. Għalhekk m’għandux ikun hemm il-kompromessi fil-politika, għax ikun hemm l-obbligazzjonijiet, fosthom li jkunu dawn in-nies li jiddeċiedu x’jesproprja l-Gvern u xi ħlas jitħallsu!
Sur President, il-fatti huma li persuna xtrat kwart ta’ post fi Strada Zekka, il-Belt, u mbagħad din ikkonvinċiet lill-Gvern jesproprja dak il-kwart meta l-Gvern dan il-post m’għandux bżonnu u għad baqagħlu 13-il sena biex jiddeċiedi fejn jirriloka dawk it-13-il persuna li semma l-Onor. Ryan Callus ftit tal-minuti ilu. Il-Gvern esproprja u ħallas mill-ewwel meta hawn min ilu 30 sena jew 40 sena jistenna. Fl-aħħar għaxar snin ta’ Amministrazzjoni Nazzjonalista aħna ħallasna €105 miljun f’esproprji ta’ artijiet li ttieħdu fil-passat. B’wiċċi minn quddiem ngħid li jien kont l-ewwel persuna responsabbli mill-artijiet mill-1981. Għaldaqstant nirringrazzja lill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Tonio Fenech, li flimkien bdejna għall-ewwel darba nivvotaw flus f’kull baġit biex inħallsu għall-esproprji ta’ artijiet li ttieħdu fl-1981, 1982, 1983 – the golden years of labour! – biex saru l-home ownership schemes. Mottiv tajjeb kieku. Però x’kien jagħmel tipikament il-Partit Laburista? Kien jisraqlek l-art, jagħtiha lil ħaddieħor biex jibni u meta dak il-ħaddieħor jiġi biex jissepara, imut jew irid ibigħ, imur il-bank u l-bank jgħidlu li m’għandu xejn u li għadu fuq il-konvenju.
Bil-flus li konna qed nivvotaw hemm żona f’Ta’ Kirċeppu, is-Siġġiewi, li kieku kienet tkun imħallsa kollha u għexieren ta’ familji kienu jsiru sidien ta’ darhom. L-istess 140 plot f’Għar Barka, ir-Rabat, qrib is-60 plot f’Ta’ Xlejli l-Gudja, u plots oħra f’Santa Luċija, Għajn Dwieli Raħal Ġdid, in-Nadur u l-Imqabba. U għalfejn lejn dawn in-naħat partikolari? Għax il-Ministru li kien jamministra l-artijiet bejn l-1981 u l-1983 – m’iniex se noqgħod insemmi ismijiet - kien minn dawk in-naħat! Għalhekk! Bil-flus li ħareġ il-Gvern Nazzjonalista ta’ kull sena bejn l-2008 u l-2013, kien hemm 900 familja, li sa dak iż-żmien kienu qegħdin jgħixu bil-konvenju, li saru sidien ta’ darhom. B’dawn il-flus kienu jitħallsu mijiet ta’ plots oħra u mijiet ta’ nies oħrajn kienu jsiru sidien ta’ darhom.
Se nsemmi aktar fatti. Nibda bil-kumpens fenomenali ta’ €0.5 miljun f’kontanti għal nofs post f’Tas-Sliema li by the way, liema persuna f’sensiha taqbad post li għandu ċ-ċens jagħlaq is-sena d-dieħla u tittrasferih lil terz? Dan illum jiswa X u s-sena d-dieħla jiswa 10+X għax jekk din is-sena jiswa €65,000, is-sena d-dieħla jiswa €0.5 miljun jew €400,000 għax ikun freehold. Imma dawn tawhulu. Dan apparti li tawh 43 tomna raba’, jiġifieri 48,000 metru kwadrat li jiġu daqs seba’ grounds id-daqs tal-ground ta’ Ta’ Qali jew daqs nofs iż-żona li l-Gvern se jieħu fiż-Żonqor. Ta’ nofs post li l-Gvern m’għandux x’jambih, ta kumpens ta’ aktar minn €3 miljun. Mela dan il-bniedem mhux biss ikkonvinċa lill-Gvern jesproprja post li minnu kien diġà xtara kwart u li ma kellux x’jambih, imma kkonvinċieh ukoll – il-poteri tal-persważjoni ta’ ċerti nies huma fenomenali! – jagħtih il-kumpens li għażel hu għax il-post f’Tas-Sliema u t-43 tomna raba’ qegħdin ħdejn proprjetajiet li dan il-bniedem għandu diġà.
Sur President, grazzi għall-ġurnal The Times, is-Sibt li għadda sirna nafu li to add insult to injury, il-valur tal-post partikolari fejn hemm l-illegalità ġie mnaqqas b’90%. Jiġifieri jekk kien jiswa €100 qal li kien jiswa €10. Tawh discount ta’ 90%! U tafu għalfejn? Għax bena illegalment u minn fuqu kien qed jagħmel il-qligħ! Tawh skont ta’ 90%! Din x’ġustizzja hi?! Kif kien qal bniedem għaref ħafna u ħafna sekli ilu, meta pajjiż jitlef is-sens ta’ ġustizzja jispiċċa mmexxi minn ċorma ħallelin. Kemm hu ħażin meta titlef is-sens ta’ ġustizzja u ta’ x’inhu sewwa. (Onor. Membri: Hear, hear)
Kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, trid tkun ma tarax u ma tismax biex ma tgħidx li din hija deċiżjoni korrotta. Hija deċiżjoni korrotta għax meta l-Gvern jesproprja, irid ikun hemm raġuni serja, “a public purpose” li minnu se tgawdi l-komunità. Imma minn dak li ġara f’dan il-każ huwa evidenti li dan il-bniedem ikkonvinċa lill-Gvern jesproprja post wara li kien xtara l-ewwel kwart. Skużawni, għalfejn dik l-ittra li s-sidien kitbu f’Awwissu tas-sena li għaddiet lill-BICC sal-lum għadha mhix imwieġba? Qalu li kienu qed jinnegozjaw is-sena li għaddiet. Iżda ma’ min kienu qed jinnegozjaw? Il-BICC lanqas biss bagħtu acknowledgement tal-ittra meta ġabu din ir-raġuni tant serja li se jiżgumbrawhom. Lil dawk ma kellmuhomx, lil dak li kellu l-kwart li kien jaf li se jixtri n-nofs kellmu! It-tieni raġuni għalfejn din hija deċiżjoni korrotta hija li dan il-Gvern offra prezz li huwa fenomenali. Però diġà dħalt f’dan u mhux se nirrepeti.
Nasal għat-tielet raġuni għalfejn din hija deċiżjoni korrotta. Il-kumpens għażlu l-bniedem stess u għażel artijiet kbar li qegħdin eżatt ħdejn artijiet oħra li diġà għandu. Il-loġika tgħidlek li għażilhom hu. Hawnhekk se nagħmel parentesi żgħira għax ma nistax ma nagħmlux dan il-punt. Dan huwa proċess essenzjalment ivvizzjat, proċess minnu nnifsu korrott però ngħid pubblikament li mhu se tbeżżagħni ebda persuna. Il-Ħamis li għadda, fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, impjegat li huwa liaison officer bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u d-Dipartiment, is-Sur Karl Borg, li huwa viċin ħafna ħafna tal-Partit Laburista, daħal fl-uffiċini u qalilhom biex jagħtuh il-files kollha fejn hemm il-Minuti ta’ Jason Azzopardi. I am an open book, tistgħu ġġibu l-files kollha hawnhekk u tistgħu titolbu l-mijiet ta’ files li jien iffirmajt però jien l-ordnijiet li kont nagħti kont niktibhom. Dik hija r-responsabilità! Dik hija s-serjetà. Il-file tal-iskandlu tal-Australia Hall ma ffirmahx il-politikant għax beża’!
L-Awditur Ġenerali qal li fil-file tal-Cafè Premier ma nstab xejn. Għaliex? Għax riedu jaħbu. U min jaħbi fil-ħajja? Min għandu x’jaħbi! Min m’għandux x’jaħbi jikteb kollox b’mod dettaljat fil-Minuti. Għalhekk niffaċċja lil kull min irid b’wiċċi minn quddiem. Minn hawnhekk lis-Sur Karl Borg ngħidlu li mhuwiex se jintimidani.
Huwa tajjeb li n-nies hemm barra jkunu jafu li meta kont fil-kariga kont irċevejt ittra miktuba minn mara li tat isimha u kunjomha, jiġifieri ma kenitx ittra anonima, tallega li s-Sur Borg talabha flus għal xogħol li ma kellux jitlob flus għalih. Kif waslitli dik l-ittra, li bejn wieħed u ieħor kienet fl-2011/2012, dak il-ħin stess infurmajt lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern biex jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jibda investigazzjoni. Hekk kienet titlob is-serjetà. Niftakar li kien ġie sospiż, jekk m’iniex sejjer żball b’nofs paga. Fil-frattemp mar jaħdem ma’ real estate agency u kien tressaq il-qorti. Ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ġie lliberat minħabba kunflitt ta’ provi. Però din il-persuna eżatt ftit wara l-elezzjoni reġgħet daħlet għax-xogħol, minkejja li l-każ kien pendenti. Issa din il-persuna, mingħajr ebda jedd ta’ xejn, qed iddur id-Dipartiment titlob il-files. Mhux problema; nittama biss li ma jiġux imbagħbsa ċerti Minuti.
Sur President, illejla l-Oppożizzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi għamlet talba li nilqagħha b’idejja miftuħa. Mingħalihom li se jħammruli wiċċi għax isemmu l-esproprju tax-Xemxija jew xi esproprji li saru fl-aħħar ħames snin. Li hu żgur hu li jien qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd li kellu bżonn esproprju. Li hu żgur hu li ebda wieħed mis-Segretarjat tiegħi ma kellu l-arja li jgħid li huwa l-King tal-Lands! Li hu żgur huwa li ħadd mis-Segretarjat tiegħi ma kien jakkumpanja lil min se jkollu l-art esproprjata fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Li hu żgur hu li jien tant kont noqgħod attent, li fil-ħames snin tal-kariga tiegħi, peress li jien kont responsabbli mill-qasam tan-negozji ż-żgħar u f’Marsaxlokk kien hemm kwestjoni bejn is-sidien tar-ristoranti u l-bejjiegħa tal-monti, ma lqajtx stedina waħda għal xi ikla f’xi ristorant hemmhekk! Dan biex żgur noqgħod ’il bogħod. Daqshekk kont noqgħod attent biex ma nkunx f’pożizzjonijiet li jistgħu jiġu interpretati b’mod ħażin!
Għalhekk, pubblikament nilqa’ t-talba li saret u ma nsib ebda diffikultà li n-National Audit Office (NAO) jagħmel l-investigazzjoni fil-każ li semmew u każijiet oħrajn. I am an open book u m’għandi l-ebda diffikultà. Però hawnhekk għandna wkoll ir-responsabilità tal-Prim Ministru, li huwa responsabbli doppjament, kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Ministru responsabbli mill-artijiet. Ovvjament minkejja l-contortions kollha ta’ Joseph Muscat, the buck stops with him. Ma jistax ikun li dwar kumpens ta’ €0.5 miljun fi flus kontanti, tant postijiet u tant raba’, ma kienx hemm direzzjoni politika u deċiżjoni politika.
Issa let’s call the bluff tal-Prim Ministru. Ftit tal-ġranet ilu l-Prim Ministru qal – u kien hemm headline f’dan is-sens – li jekk isib li saret xi ħaġa ħażina, dak li sar ikun irtirat. Għaldaqstant nistaqsih pubblikament: Intbagħtet ittra uffiċjali mill-Kummissarju tal-Artijiet lil Gaffarena biex iwissih ħalli ma jittrasferixxix l-artijiet li ngħata? Sar protest ġudizzjarju mill-Kummissarju tal-Artijiet kontra Gaffarena biex iwissih li minħabba l-investigazzjonijiet li għaddejjin, ma jagħmilx trasferiment tal-artijiet li ngħata biex ma jkunx hemm komplikazzjonijiet aktar ’il quddiem? Saret talba mill-Kummissarju tal-Artijiet għal mandat ta’ inibizzjoni kontra dan is-Sinjur biex ma jgħaddix l-artijiet lil terzi ħalli jekk għada pitgħada l-Gvern ikollu jissalvagwarda d-drittijiet tiegħu, ikun jista’ jagħmel dan? Le, xejn minn dan kollu.
Skont il-ġurnali tal-bieraħ, il-Ħamis jew il-Ġimgħa Gaffarena mar il-Qorti u għamel mandat ta’ inibizzjoni biex ma jmorrux dawk li għamel il-konvenju magħhom, ibigħu huma lill-Gvern u jitlef il-profitt hu. Daqshekk iħossu komdu ma’ dan il-Gvern! Però sal-lum il-Gvern – subject to correction – la għamel ittra uffiċjali, la protest ġudizzjarju, u lanqas mandat kontra dak ix-xi ħadd li suppost iħares id-drittijiet tiegħu minnu. Il-Prim Ministru hawnhekk irid jerfa’ r-responsabilità.
Sur President, se nagħlaq id-diskors tiegħi billi nagħmel żewġ punti dwar it-trasparenza. Illejla kien hemm mistoqsija tal-Onor. Ryan Callus li kienet imwieġba mill-Prim Ministru. L-Onor. Callus talab biex il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-terms of reference tal-investigazzjoni tal-Internal Audit and Investigations Department (IAID) li ntalab jinvestiga l-esproprjazzjoni ta’ Strada Zekka. Aħna ppubblikajna l-ittra bit-18-il talba li għamilna lill-Awditur Ġenerali ħmistax ilu biex jinvestiga dan il-każ skandaluż ta’ Strada Zekka. Kulħadd jaf xi tlabna. Kien hemm 18-il talba ċari u tondi. Però llejla, fit-tweġiba tiegħu, il-Prim Ministru ma tax it-terms of reference li talbu l-Onor. Callus u qal li l-IAID għandu kull fakultà li bla rbit ta’ xejn, jinvestiga dak li jidhirlu li għandu jinvestiga. Mela l-Prim Ministru talab investigazzjoni, imma mingħajr terms of reference!
Wara sentejn biss fil-Gvern jidher ċar li kollox kien maħdum minn qabel l-elezzjoni jew eżattament wara. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu raġun jgħid li dan l-iskandlu heżżeż il-fiduċja tan-nies fil-politika. Jeħtieġ tassew li lill-poplu Malti u Għawdxi nerġgħu nagħtuh it-tama u l-fiduċja li l-politika mhijiex il-politika maħmuġa kif qed tkun prattikata, mhijiex li anything goes, mhijiex li aħtaf kemm tiflaħ għax għada ma nafux x’se jiġri. Irridu politika li tnaddaf, imsejsa fuq is-sewwa u fuq dak li huwa veru. Il-Partit Nazzjonalista, b’umiltà, b’ġenwinità u b’konvinzjoni, irid u lest li jagħti dik it-tama. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Insejjaħ lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon biex, jekk jogħġbu, jagħmel il-winding up.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sur President, l-intenzjoni tiegħi kienet li nitkellem fuq ix-xogħol tagħna u fuq il-Mozzjoni. L-Oppożizzjoni għandha kull dritt tagħmel mod ieħor u ħasset li għandha tiġi hawn u titkellem kif tkellmet. Allura ma nistax ma nitkellimx ftit jien ukoll għalkemm ma nixtieqx nispiċċa bit-togħma ta’ attakki personali, fosthom li għandi nirriżenja u affarijiet bħal dawn. Nista’ ngħid fejn għandhom jirriżenjaw nies u llum se jkolli ngħid fejn messhom irriżenjaw in-nies. Imma fl-aħħar se nitkellem fuq ix-xogħol li huwa ċar li l-membri tal-Oppożizzjoni ma jifilħux jaraw lil din l-Amministrazzjoni tagħmel f’dawn iż-żewġ oqsma.
Ħalli nibda b’dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u se nagħmel kull mezz li lill-kollegi tiegħi, għalkemm b’disprezz fejn riedu sejħuli “Michael Falzon”, ngħidilhom dejjem “Onorevoli”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni beda b’gidba meta qal li jien l-ewwel darba li ġejt nitkellem hawn. Huwa żbaljat, għajjejt nitkellem hawn. Tkellimt fuq l-iSPED u fuq affarijiet oħrajn, però forsi ma kienx qiegħed hawn. Kien hawn ukoll ħafna diskors fuq kumpens esaġerat, fuq stimi u fuq valuri. Imma tkellmu ċar! Jekk għandkom dubji fuq l-istimi għidu li l-Perit Scotto u l-Perit Spiteri huma korrotti għax il-valutazzjonijiet għamluhom il-periti! Kien hemm żmien meta l-valutazzjonijiet… (Interruzzjonijiet) Onor. Busuttil, taf kemm smajtek u ma interrompejtx. Ma telliftek qatt jien. Issa nitlob il-protezzjoni tas-Sedja.
MR SPEAKER: Kompli, Onor. Falzon.

ONOR. MICHAEL FALZON: Grazzi, Sur President. Il-valutazzjoni tal-proprjetà ta’ Tas-Sliema, li l-Onor. Jason Azzopardi qal li jmissha kienet tliet darbiet aktar, għamilha l-Perit Scotto. Li ma qalx lil din il-Kamra huwa li l-Perit Scotto ġie impjegat mad-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien l-Amministrazzjoni Nazzjonalista, li ommu hija kostitwenta tal-istess Onor. Jason Azzopardi u li l-istess Sinjura Scotto, omm il-Perit Scotto li, skont l-Oppożizzjoni, għamel valutazzjoni korrotta fuq il-proprjetà ta’ Tas-Sliema, saħansitra kkontestat l-elezzjoni għall-kunsilli lokali mal-Partit Nazzjonalista.
Il-Perit Joe Spiteri għamel il-valutazzjonijiet l-oħra kollha f’din it-tranżazzjoni jew fiż-żewġ tranżazzjonijiet. Dan kien ġie mqabbad jaħdem mad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern meta kien responsabbli l-Onor. Jason Azzopardi. Il-Perit Spiteri huwa senior lecturer fl-Università ta’ Malta. Huwa wkoll kap ta’ wieħed mid-dipartimenti tal-arkitettura fl-Università ta’ Malta. Il-Perit Spiteri, li għamel il-valutazzjonijiet kollha minbarra ta’ Tas-Sliema, huwa lecturer l-Università fuq il-valuations. Jiġifieri għax id-Dipartiment straħ fuq il-periti tas-soltu u ma ndaħalx fil-valutazzjonijiet, issa qed jgħidu li din hija korruzzjoni u tinxtamm minn hawn, tinxtamm minn hemm u ma nafx minn fejn tinxtamm aktar!
Jekk qed jallegaw li hemm kumpens esaġerat, jew li hemm xi ħaġa ħażina, meta joħroġ ir-rapport... Mhux bħall-Kap tal-Oppożizzjoni għax il-Kap tal-Oppożizzjoni jaħseb li xi ħadd mill-Oppożizzjoni għandu d-dritt divin li jakkuża, iħammeġ, jagħmilha tal-ġurat, jagħmilha tal-imħallef u jagħti l-penitenza. Talbu investigazzjoni huma stess, issa nistennewha. Jien mhux qed ngħid li l-Perit Scotto u l-Perit Sptieri huma korrotti. Dan qed jgħiduh il-membri tal-Oppożizzjoni li tkellmu ħafna fuq valur esaġerat, u li xi ħadd ingħata aktar milli ħaqqu u li xi ħadd għamel xi ħaġa ħażina. Dawn huma l-periti li appuntahom bil-fiduċja tiegħu l-Onor. Jason Azzopardi. Jekk iridu jgħidu xi ħaġa, għandhom iqumu u jgħidu: Perit Spiteri, inti korrott. Jien, per prudenza, nemmen li ladarba hemm investigazzjonijiet għaddejjin, nistennew l-investigazzjonijiet. Jekk imbagħad naraw li l-periti abbużaw fl-istima tagħhom, dik niffaċċjawha. M’għandniex suppervja. Imma, le, hawnhekk hawn min jaħseb li jista’ jiġi u jgħid li jrid, jakkuża u jiġġudika wkoll!

Sur President, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jmissni nistħi qiegħed hawn qisu business as usual. Xi tridni nagħmel? Skużi, jien mort biex naħdem id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, jien ħdimt hemm u ħdimt il-MEPA. B’rispett ngħid li skantani l-Onor. Ryan Callus li tkellem bit-ton li tkellem illum, mhux fil-konfront tal-kwestjoni imma fil-konfront personali għax jekk ma jaf ħadd, naħseb hu jaf kemm ħdimna din is-sena li ilni f’din il-pożizzjoni. Dażgur li niġi hawnhekk Kap tal-Oppożizzjoni. Għaliex, x’għamilt ħażin? Int stess għedt li la tlabt flus u lanqas ħadt flus u nserraħlek rasek li żgur li le! Dak ngħidu mhux hawn fil-Parlament, imma ngħidu quddiem Alla għax la tlabt, la ħadt, u lanqas għamilt intervent politiku.


L-Onor. Ryan Callus filli allega li qisni għamilt xi ndħil politiku, imbagħad ma kellux il-guts jgħid li mhux hekk ried jinftiehem. Għalhekk skantani. Nerġa’ ngħid, m’għandix problema u ngħidha b’umiltà għax il-verità hi li jien la ndħalt lill-periti li ġew appuntati fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti, la ndħalt fil-proprjetajiet li ngħata Gaffarena bi tpartit, u lanqas indħalt f’xejn. Dawn ħbieb tagħkom, l-aktar tiegħek, Onor. Azzopardi. Staqsihom lill-periti! X’inhu jżommok milli tistaqsihom – għandek raġun taħbi wiċċek – jekk Michael Falzon xi darba għamilx kuntatt ma’ xi wieħed minnhom? La fuq dan il-każ u fuq l-ebda każ ieħor. Dik hija l-verità.
Jien nifhem ukoll lill-Onor. Jason Azzopardi għax nistgħu nnaddfu l-politika u forsi wasal iż-żmien li nagħmlu dan, għalkemm huwa diffiċli tnaddaf kulma ħalliet l-Amministrazzjoni preċedenti. L-Onor. Azzopardi bħal donnu qed jinkwieta li kien hemm xi ndħil. Le, ma kienx hemm indħil fil-valuations. Għamluhom l-istess periti li appuntajt int u li jgawdu l-fiduċja tiegħek.
Pereżempju qabel kien hemm indħil anke fuq front garden. Kienet toħroġ stima tad-Dipartiment tal-Artijiet li għandu jkun mikri €100 fis-sena, imbagħad jindaħal il-Ministru direttament u jagħti d-direzzjoni li minkejja l-istima tad-Dipartiment, dan għandu jingħata b’€6 fis-sena. Fuq dan il-livell kien l-indħil fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti. Jien ma ndħaltx, la f’dan u lanqas f’ieħor. Forsi biex infakkrek insemmilek il-front garden fi Triq Ħal Mula, kantuniera ma’ Triq il-Fraxxnu, Ħaż-Żebbuġ. Indħil kien ikun hemm. Mhux minni, jien ma ndħaltx. Nixtieq ngħidlek fejn kien ikun hemm indħil.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi on a point of order.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, jista’ s-Segretarju Parlamentari jintrabat li llejla stess jippubblika l-file kollu tal-każ li qed isemmi ħa naraw verament x’inhi l-verità?
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON: Dan mhux ħin il-mistoqsijiet! Se nsemmi ndħil ieħor dirett b’valutazzjonijiet, mhux mis-Segretarju Parlamentari li hawnhekk kulħadd irid rasu! Nifhem li qed indejjaqkom hux? Mhux ovvja li qed indejjaqkom! Xi triduni nagħmel? Qiegħed hawn biex nagħtikom pjaċir? Jien qiegħed hawn biex naħdem għall-pajjiż u nirrispetta lin-nies. Kien hemm każi diretti u speċifiċi ta’ ndħil, Onor. Azzopardi. Bħat-triq li mill-Imtaħleb tagħti għal Miġra l-Ferħa. Hawnhekk kien hemm indħil fuq livell ta’ Prim Ministru, dak iż-żmien l-Onor. Lawrence Gonzi. Fl-24 ta’ Ottubru, 2011 kitbu email lill-individwu involut u kkupjaw lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Dak indħil politiku! Lili tridu tgħidu bi ndħil politiku? F’tal-Cafè Premier din l-Amministrazzjoni qalgħetha għax kien hemm allegazzjoni ta’ ndħil u did-darba, għax veru l-politiku ma ndaħalx, kulħadd ixomm l-irwejjaħ. Dik l-email tal-24 ta’ Ottubru, 2011 tgħid hekk:
The Prime Minister of Malta has written to us re the current issue that we have”.
F’dan il-każ kien hemm indħil dirett mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien. Għidu l-verità! Pereżempju għedtu – din anke fuq NET News kienet – l-istorja ta’ Alfred Martin. L-Onor. Azzopardi indika li fis-segretarjat u mhux segretarjat ... Email li bagħat is-Sur Jonathan Degabriele, dak li suppost li dan il-Gvern ħadlu l-art, fis-17 ta’ Lulju tal-2012 u allura proprju fi żmien l-Onor. Azzopardi, tgħid hekk:
If they don’t reply to our letter I suggest we proceed with the eviction.”
Imbagħad għamlu storja bih fuq NET News u t-terminazzjoni ħarġet fit-22 ta’ Frar, 2013. Ejjew ngħidu l-verità. U l-verità hija li f’dan il-każ ma kienx hawn indħil politiku.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi on a point of order.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Mhux qed nifhem lis-Segretarju Parlamentari. X’hemm ħażin jekk persuna għamlet ma nafx kemm-il sena ma ħallsitx u jkun hemm uffiċjal f’segretarjat li jgħid lid-dipartiment “I suggest”? Dan mhux qed jordna imma jissuġġerixxi. Taċċetta li huwa tajjeb li persuna tkompli ma tħallasx? Dak li qed tgħid?
MR SPEAKER: Dan mhux point of order. Kompli, Onor. Michael Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sur President, se ngħid xi affarijiet oħra. Ma rridx inkun negattiv imma ejjew niddeċiedu xi rridu. Mhux se nagħmilha tal-prużuntuż, bħalma għamlu tan-naħa l-oħra, imma hemm affarijiet oħra u forsi nqanqal ftit il-memorja.
Pereżempju jista’ xi ħadd jgħidli kif saru l-affarijiet fil-każ ta’ Eighty Two Co. Ltd? Għax hawnhekk tibda tisma’ nies jitkellmu dwar il-proprjetà tal-Gvern u mhux proprjetà tal-Gvern iżda fil-każ tal-lum kien hemm permuta kif sar fi żmenijiet oħra. Nixtieq infakkar li l-għodda tal-permuta ddaħħlet mill-Amministrazzjoni preċedenti u ntużat mill-Amministrazzjoni preċedenti wkoll. Però f’dan il-każ kulħadd irid biċċa minn ras Michael Falzon! Aħjar wieħed jara l-indħil politiku dirett li kien hemm fil-każ ta’ Eighty Two Co. Ltd, u forsi dwar dan inkunu nafu aktar ’il quddiem.
Sur President, qalu ħafna affarijiet imma naħseb li l-aktar waħda tajba hija ta’ kif kienu jiġu magħżula l-postijiet ta’ fejn jiġu mħallsa l-esproprji. Il-kollegi tan-naħa tal-Oppożizzjoni tbissmu għax ħafna minnhom kienu esproprji li tħallsu fuq postijiet li kumbinazzjoni nzertaw fid-distretti tal-kostitwenza tagħhom. Onor. Jason Azzopardi, qed inkompli fuq dawk il-passi u nassigurak li mhux se jkun hemm kumbinazzjonijiet u jkunu kważi kollha jolqtu d-distrett tiegħi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jien ammettejt ħaġa u għedt “hekk” u għedt “hekk”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li jien qatt ma nigdeb. Jiġifieri xi jridni ngħid? Il-verità hija li jien tkellimt hawnhekk tliet darbiet, kuntrarju għal dak li qal, fejn qisu ried jgħid li ilni moħbi tliet ġimgħat u qatt ma tkellimt. Xi jridni nagħmel, nigdeb? Xi jridni, niffirma u nigdeb? Ħafna qalu li xi ħadd iffirma għalija. Skużi, meta jsir esproprju ta’ triq niffirma jien u meta jsir esproprju ta’ ġibjun niffirma jien ukoll. Jiġifieri l-Kap tal-Oppożizzjoni ppretenda li nigdeb? Le, jien iffirmajt għax bħala Segretarju Parlamentari jien responsabbli li niffirmahom. Mela jien xi giddieb?! Jien mhux giddieb.
Qal ukoll li jien ammettejt li 13-il sena ilu sifirt ma’ Marco Gaffarena. Jien sifirt anke ma’ qarib ta’ Fenech Adami! Dak iż-żmien lanqas kont noħlom li noħroġ għall-elezzjoni u forsi kien ikun jaqbilli! Jien ma kontx parti mid-deal tal-HSBC u ma kontx parti meta kien imur jiltaqa’ ma’ xi kriminal taħt il-pont ta’ San Ġiljan! Ara jien ma jinteressanix ma’ min issiefru fil-ħajja privata tagħkom. Dik affari tagħkom, tistgħu ssiefru ma’ min tridu. Trid altru tkun wasalt fil-qiegħ biex tuża xi ħaġa ta’ 13-il sena ilu biex tħammeġ lil xi ħadd.
Onor. Kap tal-Oppożizzjoni, int stess għedt – u fuq din qbilna – li jien ma tlabtx u ma ħadtx flus minn din l-istorja. Michael Falzon żgur li ma jagħmilhomx dawn l-affarijiet. Inkella għedt li jien ammettejt li ltqajt miegħu. Jien niltaqa’ ma’ kulħadd. Dik hija l-politika. Jien niltaqa’ ma’ kulħadd, anke mal-aqwa sostenituri tal-Partit Nazzjonalista, dawk li jsaħħulkom il-kaxxa tal-partit. M’għandix problema u nista’ ngħidlek li kemm ilni fil-kariga ltqajt magħhom aktar milli ltqajt ma’ ħafna oħrajn. Jiġifieri l-kwestjoni mhijiex li jien iltqajt ma’ xi ħadd, il-kwestjoni hija jekk kienx hemm intervent politiku. U nassigurak li ma kienx hemm intervent politiku. Fuq dik nassigurak.
Inti għedt jekk kienx hemm każi bħal din jew affarijiet oħrajn. L-ewwel nett mhuwiex l-istil tiegħi li nindaħal politikament. It-tieni nett, nista’ ngħid li każi bħal dan kien hemm għax permuti kien hemm. L-Onor. Jason Azzopardi qal meta ma sarux però kellna permuti ta’ €5 miljun lejlet l-elezzjoni. Issa n-nies hemm barra naħseb huma intelliġenti biżżejjed li jindunaw li kieku għandi intenzjoni li nagħmel xi ħaġa ħażina – nerġa’ nassigura li la kelli, la għandi u nitlob ’l Alla li ma jkollix – kieku kont nagħmel dawk it-tip ta’ affarijiet lejlet l-elezzjoni kif għamel ħaddieħor. €5 miljun permuta lejlet l-elezzjoni!

MR SPEAKER: Ippermettili, Onor. Falzon. L-Onor. Jason Azzopardi on a point of order.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Nitolbu jissostanzja l-intenzjoni ħażina li qed jgħid li kien hemm. Dan kien każ ta’ tliet snin negozjati u kien hemm sitt periti involuti, fosthom kandidat tal-Partit Laburista li intom għamiltuh Direttur tal-Uffiċċju Konġunt. Għidli x’hemm ħażin li jkun hemm konklużjoni ta’ proċess wara tliet snin għax kienet ġejja l-elezzjoni? X’qed tgħid, li jien kelli intenzjoni ħażina? Fil-każ issostanzjaha issa stess.
ONOR. MICHAEL FALZON: Dan x’point of order hu? Jien għedt il-fatti. Il-permuta ta’ €5 miljun saret lejlet l-elezzjoni. (Interruzzjonijiet) Qed ngħidha kollha, tinkwetax. (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Onor. Callus, jekk jogħġbok, ħallih jitkellem. Kompli, Onor. Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON: Nifhem ħafna lil min jaħseb li għax tkun taf lil xi ħadd, allura tħallat ħaġa ma’ oħra. Onor. Agius, jien mhux ġej miċ-Ċivil u lanqas mill-politika. Jien ġej minn 35 sena l-bank u 24 sena minnhom xogħli kien li nislef il-flus lin-nies. Jiġifieri jekk xi ħadd qed jaħseb li għax dħalt fil-politika jien mhux kapaċi niddistingwi bejn il-professjonalità fix-xogħol tiegħi u l-affarijiet l-oħrajn kollha huwa żbaljat. Hawnhekk ma qed nindirizza lil ħadd u qed nindirizza lil kulħadd imma bir-rispett kollu, jekk dak huwa l-kejl li tħaddan l-Oppożizzjoni ma jfissirx li huwa l-kejl tiegħi. Qed nirrispetta ħafna imma wasalt fl-aħħar tar-rispett lejn l-Onor. Jason Jason Azzopardi fuq ċerti esproprji. Din ngħidha llum, però darb’oħra ma nirrispetta lil ħadd bħalma ħadd ma rrispetta lili, biex inkunu ċari.
Se nkompli nitkellem fuq affarijiet oħrajn. L-aktar li daret hija l-kwestjoni tal-istimi. X’hemm ħażin li l-politiku joqgħod fuq it-tekniku? Ejjew niddeċiedu. Aħna qgħadna fuq il-periti. Jekk mill-investigazzjoni se joħroġ li għamilna ħażin għax qgħadna fuq it-tekniku, allura ngħidu lil Michael Falzon, bħala Segretarju Parlamentari, jagħmel l-istimi? Min se jagħmilhom l-istimi, mhux it-tekniku? Min tridu li jagħmilhom l-istimi? Qalu li kien komdu għall-politiku għax qagħad fuq il-perit li qabbad id-diparitment. Però jien se ngħid ħaġa oħra; in-naħa tal-Oppożizzjoni ssibha komda tirrepeti dak li deher fil-gazzetti! Stand up!
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qalli li jien għedt xi affarijiet u jien ammettejt dak li għedt. I stand by what I mean. Mela jien se noqgħod nigdeb? Lanqas qatt ma gdibt kemm ilni fil-politika. U bir-rispett kollu, ma nistgħux noqogħdu fuq dak li jgħidu l-ġurnali. Din bħall-istorja tiegħi u tal-Whip – se neħodlu b’idu ħalli ma jaħsbux li aħna miġġeldin; aħna ħbieb antiki, it-tnejn dilettanti tan-nar u tal-festi – meta jien kont qiegħed fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u hawnhekk kien hawn stqarrija tal-Prim Ministru fuq l-Amerika Latina. Il-Kap tal-Oppożizzjoni insinwa li jien mort l-Arġentina u mort ma’ Gaffarena. Staqsieni jekk jien mortx l-Arġentina u jien għedtlu li le. Imbagħad kien hemm spin fil-ġurnali li jien u l-Onor. Godfrey Farrugia miġġeldin. Mhux talli m’aħniex miġġeldin, talli għandna l-istess delizzji. Dan huwa l-fenomenu li rridu niġġieldu!
Inkella l-Onor. Ryan Callus qal li jien rubber stamp. Xi tridni nagħmel Onor. Callus? Nagħmel il-valutazzjonijiet jien?! (Interruzzjonijiet) Agħtini ċans. Nagħmel il-valutazzjonijiet jien, niddeċiedi jien, ninnegozja jien u nagħmel kollox jien? Imbagħad niġu hawn u ngħidu li dan każ ieħor bħal tal-Cafè Premier u li kien hemm indħil dirett. Biex inkunu għedna kollox – fuq il-valuri għedt biżżejjed u mhux se ngħid aktar – kien hemm ħafna akkużi dwar li sar preferential treatment jew xi super fast track. Nerġa’ ngħid li m’għandix għalfejn u li ma kienx hemm indħil. U jekk irridu nibdew innaddfu l-politika hemm ħafna stejjer tal-passat xi nnaddfu. Fosthom kien hemm il-każ marbut mal-art tal-fabbrika Löwenbräu. Din isbaħ għax għedna li kien Gaffarena li offra li jpartat! Fl-1 ta’ Diċembru tal-2009 l-avukat ta’ kumpanija privata talab hekk:
“... officially requests your good selves to proceed with the redemption of the perpetual emphyteutical ground rent.”.
Fil-każ ta’ Gaffarena, mingħajr ma nidħol fil-merti tal-każ għax hemm żewġ investigazzjonijiet għaddejjin, waħda minnhom mitluba min-naħa tal-Oppożizzjoni, it-talba saret f’Lulju u l-kuntratt sar wara sitt xhur, ċjoè fi Frar. Fil-każ tal-Löwenbräu, it-talba saret fl-1 ta’ Diċembru tal-2009. Tafu meta sar il-kuntratt? F’dan il-każ tafu kemm kien hemm bejn it-talba tal-avukat tal-kumpanija u l-pubblikazzjoni tal-kuntratt? 24 siegħa! Fl-1 ta’ Diċembru tal-2009 kellna ittra mill-Company Secretary on behalf of LBM Breweries. Ma nafx huwiex fi żmienek, Onor. Azzopardi. Il-kuntratt sar wara 24 siegħa. Imbagħad kien hawn min weġgħatu qalbu fuq l-esproprji li għad fadal! Veru, għad fadal esproprji u veru wkoll li meta kienu jiġu ċerti każi ta’ esproprji kien hemm uħud minn ta’ qabli li kienu jħarsu lejn l-arloġġ… (Interruzzjonijiet) Sur President, jekk huwa point of order, iva imma jekk mhuwiex point of order, le.
MR SPEAKER: Dak narah jien.
ONOR. MICHAEL FALZON: Noqgħod għas-Sedja.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi on a point of order.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, ma rridx inċaħħdu mill-ħin tiegħu, jista’ jieħu nofs siegħa żejda għalija. Hekk jew hekk, qed jgħid affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu. Il-point of order huwa jekk tal-Löwenbräu kienx każ ta’ esproprju.
ONOR. MICHAEL FALZON: Le, ma kienx każ ta’ esproprju imma l-Kap tal-Oppożizzjoni … (Interruzzjonijiet) Le, dan mhux like with like. Din talba li saret illum u l-għada sar il-kuntratt. (Interruzzjonijiet) M’għandux x’jaqsam, daqskemm kellu x’jaqsam id-diskors kollu li kien miftiehem min-naħa tal-Oppożizzjoni fuq il-Mozzjoni li qed niddiskutu llejla! F’dan il-każ il-kuntratt sar f’temp ta’ 24 siegħa! Hemm diversi affarijiet u m’għandix dubju li hawnhekk irridu nħarsu ftit lejn affarijiet oħrajn.
Sur President, se mmur għall-pożittiv. L-Onor. Jason Azzopardi qal li hu kien jagħmel Minuti bil-miktub. Onor. Azzopardi, m’għandix dubju li għandek kopja tal-file. Ara l-Minuti tiegħi x’fihom. Oħorġuhom. Għaliex qed tiddejqu? Għaliex twaddbu l-ħmieġ biss? Taf kemm-il darba użajtuha dik il-kelma llum? Din hi l-ewwel darba li qed nużaha. Għaliex twaddbu l-ħmieġ lin-nies? M’għandkomx il-file? Hemm il-Minuti tiegħi, araw xi ktibt. Jien ktibt kif ktibt dejjem, “araw li nimxu mal-liġi, araw li nimxu mar-regolamenti, araw li nimxu mal-proċeduri.” Tafu x’ma żidtx? Il-proċeduri li ħalla l-predeċessur tiegħi l-ex Ministru Jason Azzopardi. Dak biss ma ktibtx. M’għandix dubju li bin-network ta’ spjunaġġ ilu bil-file f’idejh!
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi on a point of order.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Inserraħlu moħħu li files m’għandix. X’inhi d-diffikultà biex jippubblikah illejla stess?
MR SPEAKER: Grazzi. Kompli bid-diskors tiegħek, Onor. Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON: Qiegħed għall-investigazzjonijiet u m’għandix problema li qiegħed għall-investigazzjonijiet. Jien bħalek għamilt, Onor. Azzopardi, għamilt il-Minuti bil-miktub u segwejt il-proċeduri u l-prassi li ħallejt int, xejn aktar u xejn anqas.
Fl-aħħar għaxar minuti li fadalli għad-dispożizzjoni tiegħi se nitkellem ftit fuq dak li qal l-uniku wieħed li tkellem xi ftit fuq il-mozzjoni. Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, fil-bidu qal li jaqbel ma’ din il-mozzjoni però wara ma tkellimx fuqha. (Interruzzjonijiet) Onor. Agius, ma ġara xejn, mhux hawn qiegħed nirrispondi? Jimporta nkompli? Minflok tkellimna fuq il-mozzjoni ġejna hawnhekk u dehrilna li għandna… (Interruzzjonijiet) Mela ladarba hija hekk, ejjew inkomplu l-logħba. Madankollu ħadt pjaċir li fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jaqbel mal-mozzjoni.
Jien naħseb li din hija mozzjoni pożittiva u hawnhekk se nkompli ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Għall-inqas jidher li hawn qbil. Din hija mozzjoni li tiġbed linja biex naraw kemm fil-fatt jagħmel sens għall-Gvern li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern jibqa’ jiġbor il-kirjiet tal-garaxxijiet u ċ-ċnus, li ħafna minnhom huma ammonti żgħar, meta nistgħu nagħtu l-opportunità lin-nies li jsiru sidien ta’ darhom. Allura f’dan il-każ se nitkellem fuq l-ewwel biċċa tal-mozzjoni, fejn l-individwi jistgħu jsiru sid tal-garaxx.
Fuq l-iskema li qed nipproponu fejn jidħlu l-garaxxijiet, ma tantx kien hawn kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni, anke fir-rigward ta’ prezzijiet. Ta’ min jgħid li hawnhekk qed nimmiraw li b’din l-iskema nilħqu kemm jista’ jkun nies. Ta’ min jgħid li kultant il-Maltin għandhom it-tendenza li jħallu għall-aħħar. Jekk Alla jrid, wara din il-mozzjoni nkunu f’pożizzjoni li nibdew nikkonkludu l-kuntratti tal-garaxxijiet. Nawgura li jekk jista’ jkun in-nies japplikaw ħalli neħilsu mill-kuntratti. M’għandniex għalfejn nistennew li jagħlaq il-perjodu tal-applikazzjonijiet biex inkunu nistgħu nibdew nikkonkludu l-kuntratti.
Sur President, irrid nagħmel punt ta’ kjarifika. Fir-rigward ta’ kif se jitkejlu kien hemm min ħaseb li fuq l-art se jiġu ċċarġjati skont il-ħxuna tal-ħitan jew skont il-ħxuna tas-saqaf. Inkwantu għall-garaxxijiet, hawnhekk qed nitkellmu dejjem fuq l-arja. Meta se nikkubaw, se nikkubaw l-arja. Anke meta nikkubaw l-art, nikkubaw l-art li hu mibni fuqha l-garaxx. Għax in-nies tiskanta x’dettall jidħlu fih! Jiġifieri aħna m’aħniex se ngħoddu l-ħxuna tal-ħitan u lanqas se ngħoddu l-ħxuna tas-soqfa! Qed nitkellmu fuq clear space. Naħseb li fuq din naqblu li għall-inqas hawnhekk qed nagħmlu minn kollox biex niffavorixxu lil min se jakkwista dawn il-garaxxijiet.
Finalment se nitkellem ftit fuq l-iskema tal-ħwienet għax donnu m’aħniex qed niftiehmu. L-aktar li tkellem dwar dan kien l-Onor. Callus, li ġab eżempji ta’ kif se nisirqu lin-nies, li se nisplodu l-kirjiet tan-nies jew li ċ-ċnus huma għoljin. Jidher li hemm min ma fehemx l-iskema. Irrid nagħmilha ċara li l-iskema tal-ħwienet hija skema volontarja. Kull min illum għandu ħanut mikri għandu, jew qiegħed għandu b’ċens, u huwa l-operatur u wkoll il-kerrej, jista’ jibqa’ kif inhu. Jiġifieri jekk hemm xi ħadd li qed iħallas kera ta’ €3,000, pereżempju, kif qal l-Onor. Callus, dan mhuwiex obbligat li jmur għal ċens ta’ 45 sena u jitlagħlu kemm qal li jitlagħlu. Dik hija xi ħaġa volontarja.
Fir-rigward tal-prezzijiet, kien hawn min ta x’wieħed jifhem li l-prezzijiet huma ogħla mill-iskema preċedenti. Il-prezzijiet tal-iskema preċedenti huma riflessi fil-prezzijiet tal-iskema tal-lum. Jiġifieri jekk f’zone 1 – li hija l-pedestrian area tal-Belt – qabel il-prezz kien ta’ €500 għal kull metru, ir-rata li qed tiġi offruta b’ċens, mhux b’kirja, hija l-istess. Jekk f’zone 2 il-prezz kien ta’ €350, ir-rata li qed noffru b’ċens hija irħas mill-iskema preċedenti. Altru li r-rati mhumiex ogħla mill-iskema preċedenti li għamlet l-Amministrazzjoni l-oħra. Ir-rati huma l-istess. Zone 1 hija l-istess għax hija ta’ €500 għal kull metru kwadru, zone 2 hija irħas, zone 3 hija l-istess u zone 4 hemm xi differenza żgħira.
Ta’ min jgħid li kif inhuma ż-żoni l-ġodda huma aktar vantaġġjużi għal tal-ħwienet. Pereżempju jekk qabel zone 1 kienet tkopri erba’ toroq, illum zone 1 – li hija l-ogħla żona – tkopri anqas toroq. Jekk qabel kienet li first floor kien 25%, illum first floor hija 20%. Jekk basement kien one-ninth, illum basement qiegħed one-tenth. Onor. Callus, bħala rati huma irħas mill-iskema ta’ qabel. Aktar minn hekk, iż-zoning huwa aktar vantaġġuż mill-iskema ta’ qabel. L-unika differenza li hemm hija li din id-darba t-titolu huwa wieħed ta’ 45 sena ċens mill-ewwel u li jagħti dritt reali fuq il-proprjetà u mhux dritt personali bħalma kien tal-kirja.
B’din l-iskema qed nagħtu wkoll l-inċentiv li wieħed jista’ jinvesti fil-proprjetà, mhux l-anqas għax l-istess proprjetà issa tista’ tintuża bħala collateral, jiġifieri bħala sigurtà mal-bank. Fejn qabel kien ikollok kirja u ma kont tista’ qatt tuża l-proprjetà bħala sigurtà, minkejja li r-rati huma l-istess, jekk mhux irħas, issa għandek il-fakultà li tista’ tagħmel hekk. Peress li qed nitkellmu fuq ċens, ta’ min jgħid ukoll li fil-perjodu ta’ dak iċ-ċens, wieħed jista’ jgħaddi l-utile li jkun fadallu lil terzi persuni. Dik hija xi ħaġa li hija koperta fl-iskema. Ovvjament, bħal dejjem, hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Gvern għal raġunijiet ovvji. Pereżempju ma jistax ikollok post li huwa bieb ma’ bieb ma’ knisja jew ma’ kunvent u jispiċċa ma nafx xiex. Dak huwa vantaġġ ieħor.
Fil-bidu se tingħata l-fakultà li anke fejn l-operatur mhuwiex il-kerrej rikonoxxut jew forsi l-kerrej rikonoxxut kiber fl-età u jrid jagħmlu fuq kumpanija, sakemm jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet, m’għandhiex tkun diffikultà li jiġu ’l quddiem bi ftehim iffirmat miż-żewġ naħat. Bis-saħħa ta’ dak il-ftehim tiġi rikonoxxuta l-persuna. F’każijiet bħal dawn, fejn ‘X’ huwa t-tenant imma ‘Y’ huwa l-operatur u jiftiehmu li jsir kuntratt fuq ‘Y’, id-dipartiment mhuwiex se jesiġi li jitħallas il-lawdemju.
Sur President, nagħlaq l-intervent tiegħi billi nirringrazzja lil kull min ta kontribut għad-diskussjoni fuq l-iskemi, anke għall-kontribut li taw bl-attakki li dehrilhom li għandhom jagħmlu! Fuq nota pożittiva, jien qiegħed hawn biex naħdem u għall-anqas fuq din il-mozzjoni, li hija two-pronged għax tittratta kemm il-garaxxijiet li hemm fil-housing estates kif ukoll il-ħwienet fil-Belt – ’il quddiem se nifirxu skemi bħal dawn għal lokalitajiet oħra – jidher li hawn qbil f’din il-Kamra. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hija l-mozzjoni mressqa mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.


Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə