Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə6/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

KUMITATI PERMANENTI



MR SPEAKER: Ninforma lill-Kamra li skont il-paragrafu (4) tal-artiklu 120B tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi li se ssir għada t-Tlieta, 23 ta’ Ġunju 2015, fl-4.00 p.m. biex ikompli jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi, l-Onor. Deborah Schembri se tkun qed tissostitwixxi lill-Onor. Anthony Agius Decelis.
Grazzi. Sar il-ħin. Insejjaħ lill-Ministru Helena Dalli biex, jekk jogħġobha, tipproponi l-Aġġornament tal-Kamra.

AĠĠORNAMENT



ONOR. HELENA DALLI: Sur President, nipproponi l-aġġornament tal-Kamra għat-Tlieta, 23 ta’ Ġunju 2015, fis-6.00 pm b’din l-aġenda:
Mozzjoni biex jiġi emendat il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar skont l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp – Kontinwazzjoni;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili – Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni – Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal (Ħarsien Barra mid-Dar) – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kummissarju għall-Anzjani – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilità – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li l-jemenda l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Sigurtà fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Intrapriżi Żgħar – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Tielet Qari;
Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima – Tielet Qari
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Periti – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Konvenzjoni dwar Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – Tieni Qari
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Kunsilli Lokali – Tieni Qari (Votazzjoni); u
Estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar għas-sena 2015 – Votazzjoni.
_________________
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana (Biex Titnaqqas l-Obeżità) – Kumitati Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kumitat Permanenti.
Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar is-Servizzi Finanzjarji – Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impieg ta’ Persuni b’Diżabilità – Kumitat Permanenti.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Charles Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sur President, illum tkellimna ħafna fuq il-kontroversja tal-esproprjazzjoni tal-proprjetà fi Strada Zekka u jekk din il-kontroversja ma swiet għal xejn, swiet sabiex jissemma ħafna l-Building Industry Consultative Council (BICC). Dan filli ħadd ma kien sema’ bih u filli kulħadd sar jaf li jeżisti. Għalhekk, ladarba n-nies jafu li jeżisti l-BICC ikun tajjeb li nieħu din l-opportunità biex nitkellem ftit dwar dak li effettivament iwettaq dan il-kunsill.
Il-BICC kien ġie mwaqqaf permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament fl-1997 u l-għan prinċipali tiegħu kien li jiddiskuti fi ħdanu d-diversi kwestjonijiet li jaffettwaw l-industrija tal-kostruzzjoni. Meta twaqqaf kienu nġiebu flimkien l-istakeholders kollha tal-industrija. U meta qed ngħid “stakeholders” dawn jinkludu l-operaturi li hemm fl-industrija u allura hemm l-iżviluppaturi, il-kuntratturi, dawk li jimportaw il-prodotti li jintużaw fl-industrija tal-kostruzzjoni, kif ukoll l-aġenti tal-proprjetà. Dawn l-istakeholders ma jkunux rappreżentati b’mod individwali imma permezz tal-assoċjazzjonijiet tagħhom. L-iżviluppaturi huma rappreżentati mill-Malta Developers Association (MDA), il-kuntratturi huma rappreżentati mill-Federation of Building and Civil Engineering Contractors (FOBC), l-importaturi huma rappreżentati miċ-Chamber of Commerce u sa ċertu punt mill-Malta Chamber of SMEs (GRTU) u r-Real Estate Federation tirrappreżenta lill-aġenti tal-proprjetà. Dawk huma l-operaturi privati, imbagħad fis-settur pubbliku hemm l-Awtorità tad-Djar, id-Dipartiment għall-Proprjetà tal-Gvern u l-Ministeru għall-Infrastruttura. Dawk huma l-operaturi li qegħdin rappreżentati fil-BICC.
Imbagħad hemm l-istituzzjonijiet edukattivi, li huma l-MCAST u l-ETC. Bħala istituzzjonijiet finanzjarji hemm il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Malta Insurance Association. Hemm il-GWU, il-UĦM u l-Forum bħala unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. F’din l-industrija hemm il-professjonisti, li huma l-Kamra tal-Periti, il-Kamra tal-Inġiniera u l-planners. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas hemm ir-regolaturi ta’ din l-industrija, pereżempju l-MEPA, il-Building Relations Office, l-OHSA, l-MCCAA u diversi regolaturi oħrajn. B’kollox hemm 24 stakeholder fi ħdan il-BICC li jiltaqgħu bejniethom u jiddiskutu fuq il-kwestjonijiet li jqumu minn żmien għal żmien.
Peress li hemm tant stakeholders fil-BICC, mhuwiex prattiku li jiġu diskussi l-kwestjonijiet kollha fi ħdan il-Kunsill. Għalhekk, il-Kunsill iddeċieda, kif tgħid anke r-riżoluzzjoni, li x-xogħol isir fil-working groups. Bħalissa hemm ħames working groups li huma: il-working group li jirrigwarda s-suq tal-proprjetà, il-working group li jitkellem fuq ir-riġenerazzjoni tal-proprjetà, il-working group fuq l-edukazzjoni u fuq it-taħriġ tal-ħaddiema, il-working group li jara r-regolamenti tal-bini u d-direttivi Ewropej kif jaffettwaw dan is-settur, u l-working group dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn il-working groups imbagħad għandhom ukoll sottokumitati taħthom, fosthom l-iStanding Committee fuq il-eurocodes, jiġifieri dawk il-kodiċi li jintużaw fid-disinn tal-bini.
Fih innifsu l-BICC huwa kunsill li jiddiskuti l-kwestjonijiet imma fil-verità l-ħidma amministrattiva hija responsabilità tal-bord eżekuttiv tal-BICC. Kemm ilu mwaqqaf il-BICC qatt ma ġie mwaqqaf bord eżekuttiv u dan imur kontra dak li titlob il-liġi. Bħalma għedt, dan il-bord huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-BICC u għalhekk, din is-sena għall-ewwel darba waqqafna dan il-bord eżekuttiv li fi ħdanu jħaddan il-kordinaturi tal-working groups, rappreżentant tal-BICC, kif ukoll rappreżentant mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Bejniethom dawn jifformaw il-Bord Eżekuttiv tal-BICC li jagħmel superviżjoni tax-xogħol ta’ kuljum tal-istess BICC.
Sur President, smajna ħafna kritika fuq il-BICC, anke vis-à-vis il-premises li qed jokkupaw bħalissa fi Strada Zekka. Għall-bidu tan-naħa l-oħra kienu qed jistaqsu xi jriduh il-BICC għax bdew jgħidu li tliet min-nies biss hemm, issa llum l-Onor. Ryan Callus – l-istess persuna li qalet li hemm tliet min-nies – induna li hemm 15-il persuna. Ma nagħtihomx tort jitkellmu b’dan il-mod lil tal-Oppożizzjoni għax għall-bidu li twaqqaf il-BICC, fl-1997 taħt iċ-Chairmanship tal-Perit Martin Debono u sussegwentement tal-Perit Robert Musumeci, dan verament kien beda jaqdi l-funzjoni tiegħu u jaħdem sabiex jipprova jġib din l-industrija ’l quddiem. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskop tal-BICC huwa li jġib l-industrija tal-kostruzzjoni ’l qudiem f’dan il-pajjiż.
Kienu saru diversi inizjattivi taħt il-Perit Robert Musumeci. Pereżempju saru inizjattivi sabiex jiddaħħal ħafna aktar għarfien fuq is-saħħa u s-sigurtà fi ħdan l-industrija tal-kostruzzjoni u kienu saru korsijiet ta’ taħriġ. Kienu saru diversi inizjattivi importanti dak iż-żmien iżda matul l-aħħar sitt snin tal-Amministrazzjoni preċedenti, ix-xogħol tal-BICC kien waqa’ lura ħafna. Fil-verità tant kien waqa’ lura li l-BICC spiċċa bi tlieta min-nies biss. Kien proprju mal-bidla fil-Gvern li reġa’ beda jingħata l-importanza li jixraqlu. Hawnhekk irrid infakkar li l-BICC huwa responsabbli mill-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, li hija waħda mill-aktar industriji li jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż. Il-kontribut li tagħti lill-prodott gross domestiku huwa ta’ 9.3% u l-valur gross miżjud huwa ta’ 11.1%.
Filwaqt li diversi industriji u attivitajiet ekonomiċi oħrajn huma rappreżentati minn awtoritajiet tal-Gvern - pereżempju l-manifattura hija rappreżentata mill-Malta Enterprise, fil-gaming hemm il-Malta Gaming Authority, fis-servizzi finanzjarji hemm il-Malta Financial Services Authority, anke l-agrikoltura u s-sajd għandhom il-Ministeru tagħhom - il-kostruzzjoni f’dan il-pajjiż mhijiex rappreżentata b’mod xieraq. Fil-fatt, l-aħħar Ministru li kien responsabbli mill-kostruzzjoni f’dan il-pajjiż kont proprju jien bejn l-1996 u l-1998. Minn dakinhar ’l hawn, ma kien hemm ħadd aktar responsabbli minn din l-industrija. Allura ladarba għandna dan il-vakum, il-BICC għandu jimla dan il-vojt u jkun hu li jirrappreżenta lill-industrija f’pajjiżna. Hekk, meta persuna jkollha bżonn informazzjoni dwar l-industrija tal-kostruzzjoni f’dan il-pajjiż, trid tirrikorri għand il-BICC.
Wara l-elezzjoni li għaddiet jien sirt iċ-Chairman eżekuttiv tal-BICC u mill-ewwel konna ħadna inizjattiva sabiex naraw naqra x’inhuma l-problemi li hemm fl-industrija tal-kostruzzjoni. Sfortunatament, in-nies għandhom perċezzjoni ħażina ħafna ta’ din l-industrija. Ħafna nies iħarsu lejha bħala dik l-industrija li ħafna drabi toħloq inkonvenjent kbir għax toħloq ħafna trab u għax fiha jsiru ħafna inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol. Din hija l-perċezzjoni li għandhom in-nies hemm barra dwar din l-industrija.
Mir-riċerka li għamilna fil-BICC sibna li hemm żewġ fatturi importanti sabiex nindirizzaw il-problemi li hemm f’din l-industrija. L-ewwel nett din ma kenitx qed tiġbed lejha studenti li jkomplu jistudjaw sabiex jaħdmu f’din l-industrija. Id-diffikultà kienet li ħafna min-nies li jaħdmu f’din l-industrija, b’mod partikolari dawk li jagħmlu l-apprendistat mal-kuntratturi biex, pereżempju, ipoġġu l-madum jew ibajdu, ma kienu qed jingħataw l-ebda rikonnoxximent għall-ħiliet li għandhom. Għandna nies f’din l-industrija li huma bravi ħafna imma l-ħiliet tagħhom mhumiex rikonoxxuti. Aħna jidhrilna li dan mhux sewwa.
In-nies li jaħdmu f’din l-industrija, għalkemm m’għandhom xejn x’juru, huma kapaċissimi u bravi fuq xogħolhom u allura għandhom jingħataw rikonoxximent. Għaldaqstant waħda mill-ewwel inizjattivi li ħabbarna fil-baġit li għadda, li nittama li se tiġi mnedija ftit tal-ġimgħat oħra, kienet li nagħtu rikonoxximent xieraq lill-ħiliet li għandhom in-nies f’din l-industrija. Ħriġna bl-idea ta’ skill cards; in-nies li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni se jkollhom il-fakultà li jkollhom ċertifikat biex juru dak li kapaċi jagħmlu. U biex wieħed ikollu din l-iskill card, wieħed jista’ jew jgħaddi mis-sistema formali ta’ edukazzjoni f’pajjiżna billi jmur l-MCAST u jitgħallem dik is-sengħa li għandu bżonn, u allura jkollu l-kompetenza ċertifikata b’dan il-mod, jew inkella jekk ikun ġab il-kompetenza mill-apprendistat ma’ xi kuntrattur, jista’ jiġi trade tested ġewwa l-ETC u jekk ikun kompetenti, jingħata ċertifikat.
Hawnhekk irrid infakkar li l-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna tipprovdi 12,000 impieg full-time, apparti ħafna oħrajn li huma part-time. Kwestjoni oħra li xtaqna nindirizzaw f’din l-inizjattiva tal-iskill card hija li naraw li kull min huwa f’din l-industrija, ikollu għarfien tajjeb dwar ir-riskji li għandu fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Allura għedna li apparti l-kompetenza li wieħed ikollu fis-sengħa tiegħu, irid ikun kapaċi wkoll li jkollu biżżejjed għarfien dwar ir-riskji li jista’ jkun hemm fuq sit ta’ kostruzzjoni. Għalhekk, biex wieħed iġib skill card apparti li jrid juri li huwa kompetenti, irid jagħmel ukoll kors ta’ ftit sigħat dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni. L-idea hija li l-BICC tkun dik l-istituzzjoni li toħroġ l-iskill card għal dawk kollha li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.
Ta’ min jgħid li hawnhekk mhux qed nitkellem dwar skill cards għall-ħaddiema tas-sengħa biss, imma anke għal min huwa professjonist. Ovvjament professjonist mhux skill card se jkollu, imma professional card iżda anke hawn, hemm bżonn li dawn ikollhom għarfien ħafna aħjar tar-riskji li hemm fuq sit ta’ kostruzzjoni. Bħala perit jien naf b’diversi inċidenti li ġraw fuq siti ta’ kostruzzjoni li kienu jinvolvu anke nies li huma professjonisti bħal, pereżempju, periti. Kien hemm min saħansitra kellu inċidenti verament serji fuq siti ta’ kostruzzjoni. Sfortunatament, sal-lum l-industrija tal-kostruzzjoni għadha l-aktar industrija li toħloq periklu lin-nies li jaħdmu fiha. Din trid tispiċċa; ma jistax ikun li industrija daqstant importanti għal pajjiżna tkun tpoġġi lin-nies f’tant periklu. Il-mod kif nindirizzaw dan huwa proprju billi n-nies li jkunu f’din l-industrija jkunu jafu l-perikli li hemm madwarhom.
Kwestjoni oħra li ħassejna li għandha tiġi indirizzata u li nittamaw li nindirizzawha wkoll permezz tal-iskill card hija li f’din l-industrija għad hemm ħafna kompetizzjoni inġusta, ħafna drabi minn nies barranin li jiġu f’pajjiżna u jaħdmu hawnhekk – good luck to them! – b’mod illegali. Dan mhuwiex sewwa għax dawn in-nies qed jikkompetu mal-Maltin u qed jaħdmu b’mod illegali. Ħafna drabi dawn la jħallsu taxxa, la jħallsu bolla, la jħallsu VAT u ma jħallsu xejn. Għalhekk il-Maltin ma jistgħux jikkompetu magħhom għax l-overheads tal-Maltin huma ħafna ogħla minn tal-barranin. Konsegwenza ta’ dan, dawn in-nies li jaħdmu illegalment f’Malta qed jieħdu xogħol il-Maltin. Permezz tal-iskill card irridu nindirizzaw din is-sitwazzjoni għax ma nistgħux inħallu lill-ħaddiema Maltin jiġu diskriminati b’dan il-mod f’Malta stess.
Sur President, kwestjoni oħra li tinkwetani ħafna u li nittama li nindirizzawha wkoll permezz tal-iskill card hija li n-nies li jidħlu fl-industrija tal-kostruzzjoni huma nies li ħafna drabi ma jidħlux f’din l-industrija bħala l-ewwel għażla tagħhom imma għax ma jkollhomx alternattivi oħrajn. Din trid tispiċċa. Ma jistax ikun li jkun hemm nies li jidħlu fl-industrija għax m’għandhomx għażla. Irridu naslu f’sitwazzjoni fejn infiehmu lin-nies li din l-industrija toffri impiegi tajbin, bi ħlas tajjeb, u li jekk taħdem f’din l-industrija jista’ jkollok livell ta’ għajxien tajjeb ħafna. Din twassal għal problema ħafna akbar għax hemm ħafna ħaddiema f’din l-industrija li ma jħossuhomx kburin li qed jagħtu kontribut. Din hija problema kbira. Għalhekk, b’din l-inizjattiva tal-iskill card se nkunu qed nindirizzaw dawn il-fatturi kollha. Jien nemmen li jekk ma jkollokx ħaddiema li huma kburin bix-xogħol li jagħmlu u li jagħmluh b’mod tajjeb, filwaqt li qegħdin attenti li qed jagħmluh b’mod li ma jissograwx saħħithom, ma jistax ikollok industrija serja. Aħna rridu li din l-industrija tkun serja u allura permezz tal-inizjattiva tal-iskill card se nkunu qed nipprovaw indaħħlu sistemi biex nerġgħu nagħtu dik il-kburija lill-ħaddiema f’din l-industrija.
Fl-industrija tal-kostruzzjoni hemm 107 ħiliet u professjonijiet. Għaldaqstant l-iskill cards ma nistgħux nagħmluhom kollha f’daqqa. L-idea hija li nagħmlu proġett pilota, fejn naqbdu erba’ ħiliet differenti u nipprovaw nibdew bihom ħalli naraw kif se jmorru l-affarijiet ’il quddiem. Irrid ngħid li din l-iskill card mhijiex xi ħaġa li qed nivvintaw aħna għax din teżisti fil-pajjiżi Ewropej kollha. Jekk wieħed imur jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni barra minn Malta, ikollu bżonnha. Aħna rridu nkunu bħalhom, anke għaliex jekk bniedem għal xi raġuni jkollu bżonn jaħdem f’pajjiż ieħor Ewropew, b’din l-iskill card jista’. Allura din se tkun ukoll passaport għall-ħaddiem Malti biex, jekk irid, ikun jista’ jmur jaħdem f’pajjiż ieħor b’faċilità. Dak huwa l-mod kif se nipprovaw nindirizzaw il-kwestjoni tal-ħaddiema f’din l-industrija.
Sur President, imbagħad hemm kwestjoni oħra li identifikajna bħala problema fl-industrija tal-kostruzzjoni. Qed nirreferi għall-kwestjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji innovattivi fl-industrija tal-kostruzzjoni u li Malta ndumu biex indaħħluhom. Din hija problema għax illum il-ġurnata għandna bżonn nagħmlu bini ħafna aktar effiċjenti, pereżempju fejn tidħol l-enerġija. Għalhekk, rajna kif se nagħmluha aktar faċli biex il-ħaddiema u l-professjonisti jkunu jafu x’hawn fis-suq. Ħriġna bl-idea ta’ sit elettroniku – proġett finanzjat b’fondi Ewropej – li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jsib il-prodotti innovattivi li jintuzaw fl-industrija, b’mod partikolari dawk li huma green products, jiġifieri dawk il-prodotti li jekk tużahom, il-bini tiegħek ikun aktar effiċjenti ambjentalment. Din hija inizjattiva oħra biex dejjem ngħinu ħalli f’din l-industrija mhux biss ikollna ħaddiema li huma kapaċi jaħdmu iżda jkollna wkoll ħaddiema li jkunu jafu xi prodotti hawn li jistgħu jużaw. Jiġifieri dawn huma tnejn mill-inizjattivi li qed naħdmu fuqhom bħalissa.
Biex inwettqu dawn l-inizjattivi ovvjament għandna bżonn set-up amministrattiv, riżorsi umani u riżorsi finanzjarji. Meta dħalna fil-BICC wara l-elezzjoni li għaddiet tafu x’kien ir-riżors finanzjarju li kellu l-BICC? Baġit ta’ €80,000 fis-sena. Ara bi €80,000 x’se tagħmel! Fi żmien sentejn aħna diġà tellajnieh għal €240,000 fis-sena. Qabel kien hemm tlieta min-nies, żewġ skrivani u messaġġier, illum hemm 13-il persuna, apparti żewġ ħaddiema oħrajn li huma b’kuntratt ta’ 12-il xahar fuq proġett tal-Unjoni Ewropea. Jiġifieri llum hemm kważi 15-il persuna. U r-raġuni għalfejn għandna bżonn il-bini hija appuntu din. Il-membri tan-naħa l-oħra tal-Kamra qed jistaqsu għalfejn il-BICC għandu bżonn dan il-bini u qed jagħmlu ċerta kritika li biha jagħtuni x’nifhem li għalihom din l-industrija mhijiex importanti. Jekk verament irridu mmexxu l-industrija ’l quddiem, hemm bżonn li ninvestu r-riżorsi fiha u hemm bżonn li nagħtuha l-attenzjoni. Jekk nagħtuha l-attenzjoni bilfors irridu ninvestu fir-riżorsi, kemm finanzjarji kif ukoll umani. Għalhekk, bil-mod il-mod qed naraw kif insaħħu l-BICC ħalli r-rwol importanti li għandu, li jwassal il-messaġġ fuq din l-industrija, ikun jista’ jsir ħafna aħjar.
Hemm diversi inizjattivi oħrajn li aħna nixtiequ nwettqu f’din l-industrija iżda minħabba l-limitazzjonijiet li għandna, ma nistgħux nagħmluhom matul din is-sena. Madankollu nittama li se nkunu qed nagħmluhom fis-snin li ġejjin. Fost l-affarijiet u l-inizjattivi l-aktar importanti hemm bżonn li nagħmlu state of the construction industry report sabiex naraw fejn qiegħda din l-industrija llum. Imbagħad dan ir-rapport jibqa’ joħroġ perjodikament, pereżempju kull sentejn, biex naraw kemm mexjin ’il quddiem, x’inhuma l-problemi li hemm fl-industrija u nipprovaw nindirizzawhom.
Matul din is-sena wkoll se nipprovaw insaħħu l-legal status tal-BICC. Il-BICC ġie mwaqqaf b’riżoluzzjoni f’dan il-Parlament però nħossu li għandu jingħata status legali ħafna aktar b’saħħtu. Flimkien mal-Avukat Ġenerali qed naraw x’tip ta’ status legali nistgħu nagħtuh sabiex ikun f’pożizzjoni li jilqa’ għall-isfidi tas-snin li ġejjin. Waħda mill-affarijiet li rridu nagħmlu wkoll bħala BICC hija li nagħmlu politika nazzjonali dwar il-kostruzzjoni f’pajjiżna. Sal-lum m’għandniex politika nazzjonali. Sfortuntament, hawnhekk qatt ma ġie diskuss x’politika għandu jkollha u fejn trid tmur din l-industrija. Għalhekk, naħseb li wasal iż-żmien li naraw kif se nagħmlu biex inwasslu ’l quddiem dawn l-affarijiet ukoll.
Biex aħna nagħmlu dan kollu m’hemmx għalfejn nivvintaw ir-rota mill-ġdid, biżżejjed naraw x’qed jagħmlu barra minn Malta u naraw x’nistgħu nikkopjaw li hu tajjeb għalina. Pereżempju din is-sena stess kellna kuntatti mal-Construction Industry Council tal-Ingilterra. Dan huwa simili ħafna għall-BICC u għaldaqstant rajna x’qed jagħmlu huma u qegħdin f’kuntatt magħhom biex naraw kif nistgħu nġibu l-affarijiet ’il quddiem għal din l-industrija f’pajjiżna. Qegħdin ukoll f’kuntatt mal-Green Building Council, li huwa l-kunsill dinji li jwaqqaf l-istandards għall-bini fid-dinja kollha. Qed naraw anke l-possibilità li nagħmlu Green Building Council proprju ġewwa Malta. Jiġifieri hemm ħafna xi jsir.
Sur President, il-BICC altru li mhux xi organizzazzjoni żgħira, kif qalet l-Oppożizzjoni li tkellmet fuqu b’mod dispreġjattiv f’diversi okkażjonijiet li kellha meta tkellmet fuq il-proprjetà fi Strada Zekka. Huwa veru li l-organizzazzjoni hija żgħira għax ħallewha tinxtorob u kważi kważi spiċċat għalkollox fi żmienhom, però llum qed nifhmu l-importanza tagħha u qed nifhmu li din trid tingħata aktar riżorsi biex taħdem. Din hija l-unika istituzzjoni li tirrappreżenta lill-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, industrija li hija importanti ħafna għall-pajjiż u li rridu mmexxuha ’l quddiem u nimmodernizzawha. Iżda biex nagħmlu dan kollu, irridu nagħtuha r-riżorsi. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra issa hija aġġornata għal għada, it-Tlieta, 23 ta’ Ġunju 2015, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif ikkomunikata mill-Ministru.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə