Dibattiti tal-kamra tad-deputati


RIŻOLUZZJONI DWAR EMENDI GĦALL-ISKEDA ANNESSA MAL-ATT DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ ARTIJIET TAL-GVERN (KAP. 268)



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə4/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

RIŻOLUZZJONI DWAR EMENDI GĦALL-ISKEDA ANNESSA MAL-ATT DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ ARTIJIET TAL-GVERN (KAP. 268)



MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON (Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva): F’isem il-Prim Ministru, nipproponi:
Illi din il-Kamra tirrisolvi li:
L-Iskeda annessa mal-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap. 268) tiġi emendata kif ġej:
(a) Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
3. Art tal-Gvern tkun tista tinbiegħ jew id-dirett dominju perpetwu jew temporanju gravanti fuqha jkun jista’ jinfeda jekk dik l-art tikkonsisti fi flats, djar jew garaxxijiet li jiġu offruti permezz ta’ avviż pubbliku biex jinxtraw jew jinfdew minn min joqgħod fihom fil-każ ta’ flats jew djar, u miċ-ċenswalist jew kerrej rikonoxxut fil-każ ta’ garaxxijiet, taħt il-kondizzjonijiet li jiġu murija f dak l-avviż.
(b) Il-paragrafu 3(b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
3b. Art tal-Gvern li oriġinarjament ġiet konċessa mill-Gvern b’titolu ta’ kiri jew b’titolu ta’ enfitewsi, anke jekk l-enfitewsi jkun għalaq, u li tintuża għal skopijiet kummerċjali biss tista’, permezz ta’ avviż pubbliku jew skema li tkun fis-seħħ, tingħata b’titolu ġdid ta’ kiri jew enfitewsi lill-inkwilin preżenti jew lill-persuna li tokkupa l-imsemmi fond.
The Schedule to the Disposal of Government Land Act (Cap. 268) shall be amended as follows:
(a) Paragraph 3 is to be substituted by the following:
3. Government land may be sold or the perpetual or temporary dominium directum burden thereon may be redeemed if such land consists of flats, houses or garages which are offered by means of a public notice to be bought or redeemed by a person who resides therein in the case of flats or houses, or by the recognized emphyteuta or tenant in the case of garages, under such conditions as are shown in that notice.
(b) Paragraph 3(b) is to be substituted by the following:
3b. Government land which had originally been granted by Government on title of lease or title of emphyteusis, even if such emphyteusis has expired, and which is used for commercial purposes only may, by means of a public notice or scheme in force, be granted on a new title of lease or emphyteusis to the present tenant or person occupying the said tenement.
MR SPEAKER: Grazzi. Min jissekonda?
ONOR. CHRIS FEARNE (Segretarju Parlamentari għas-Saħħa): Nissekonda.
MR SPEAKER: Ninforma lill-Kamra li d-diskussjoni fuq din il-Mozzjoni għandha tieħu seduta waħda, bil-ftuħ u l-għeluq għall-Gvern. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, hawn ftehim li s-seduta nagħlquha llum, jiftaħ u jagħlaq is-Segretarju Parlamentari.
MR SPEAKER: L-Onor.David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Sakemm l-Oppożizzjoni tieħu nofs il-ħin m’għandix problema li s-seduta saħansitra tiqsar.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sur President, il-Mozzjoni li għandna quddiemna tinqasam fi tnejn u bażikament se tibdel l-Iskeda annessa mal-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern, Kap. 268. Effettivament din hija Mozzjoni li qed taħseb biex legalment inkunu nistgħu nipproċedu ħalli, jekk Alla jrid, nibdew nikkonkludu kuntratti għal skemi li diġà ġew imħabbra. Fit-tieni każ kien hemm ukoll skema li kienet ġiet varata b’titolu differenti mill-Amministrazzjoni preċedenti fis-sena 2012. Dawn huma żewġ emendi li se jagħtu lok biex inkunu nistgħu nikkonkludu żewġ skemi.
Se nitkellem fil-qosor fuq l-ewwel emenda u mbagħad nisma’ lill-kollegi u jekk ikun hemm xi kwestjonijiet jistgħu jiġu indirizzati fil-winding up. Effettivament kulma qed inżidu fl-Iskeda huma “jew garaxxijiet” li jkunu jistgħu jiġu disposti. Din l-emenda hija neċessarja ħalli nkunu nistgħu nibdew nikkonkludu kuntratti biex garaxxijiet li huma tal-Gvern, ikunu jistgħu jinbiegħu. Jiġifieri hawnhekk qed nitkellmu biss fuq garaxxijiet li huma tal-Government Property Division, fejn il-garaxx jew kien mibni mill-Gvern u mogħti b’kera lil terzi persuni, jew inkella l-garaxx ġie mibni minn min hu l-enfitewta llum imma l-art li nbena fuqha kienet ingħatat lilu mill-Gvern b’ċens. Il-potenzjal ta’ din l-iskema huwa għal madwar 2000 garaxx li huma mifruxin f’diversi postijiet f’Malta u f’Għawdex fi skemi ta’ djar. Nerġa’ ngħid, biex inkunu ċari, hawnhekk qed nitkellmu fuq garaxxijiet fejn jew il-kirja jew iċ-ċens jitħallas lill-Government Property Division. M’aħniex qed nitkellmu fuq proprjetà li hija ġestita mill-Awtorità tad-Djar.
Sur President, din hija skema two-pronged u tindirizza dawk il-garaxxijiet li nbnew mill-Gvern u llum jinstabu mikrijin. Nista’ ngħid li mill-ewwel ġranet tal-ħatra tiegħi kien hemm talba għal din l-iskema. Jidher li fl-2004 kien hemm diġà talbiet għal skema simili u jidher ukoll li kien sar xi rapport li, jekk niftakar sewwa, kien sar mill-Onor. Tonio Borg, imma l-iskema ma kenitx ġiet varata. Għaldaqstant issa se nagħmluha possibbli li persuna li għandha garaxx mikri għandha li ġie mibni mill-Gvern tkun tista’ tapplika biex tixtrih. Ir-rata hija stabbilita għal kull metru kubu u ma tinkludix l-arja ta’ dawn il-garaxxijiet. Ħafna minnhom dawn huma annessi mad-djar infushom u allura ovvjament f’ħafna każi jinfdu mad-djar. Hemm garaxxijiet oħrajn li huma sottoposti għal proprjetà oħra u hemm ukoll dawk li huma magħrufa bħala satellite garages li jkunu ringiela għalihom u ma jkunux imissu mad-djar.
F’dan il-każ l-iskema tagħti l-fakultà lil dak li huwa l-kerrej rikonoxxut biex ikun jistà jixtri dak il-garaxx li sal-lum għandu mikri għandu u jsir proprjetà tiegħu. Fil-każ fejn hu anness, m’għandniex għalfejn ngħidu li minbarra l-valur tal-garaxx, il-persuna se jkollha wkoll il-valur miżjud li għandha dar bil-garaxx magħha. Jekk wieħed jieħu garaxx normali ta’ karozza waħda ta’ daqs u għoli normali, dan jiswa madwar €15,000; nerġa’ ngħid, bejn wieħed u ieħor għax jiddependi fuq il-qies f’metri kubi. Dik hija prong waħda tal-iskema tal-garaxxijiet.
Imbagħad hemm każijiet ta’ enfitewti li bnew il-garaxx u għad hemm ċens fuq dik l-art. Ladarba hemm ċens fuq l-art, dak iċ-ċens se jaffettwa wkoll il-garaxx li hu mibni fuqha. F’dan il-każ l-enfitewta jistà japplika biex jifdi ċ-ċens li għandu fuq l-art. Ovvjament anke hawnhekk, qed nitkellmu fuq daqs ta’ garaxx normali. Wieħed irid jieħu dejjem inkonsiderazzjoni li l-persuna tkun għamlet l-ispejjeż għall-garaxx u allura l-prezz mitlub irid ikun aktar raġjonevoli u jrid ikun irħas milli kieku l-Gvern ikun bena l-garaxx hu. Hawnhekk bejn wieħed u ieħor il-prezz ta’ garaxx ta’ daqs normali huwa ta’ madwar €10,000. Kif diġà għedt, fl-iskema hemm speċifikat il-metodu b’rata stabbilita għal kull metru kubu.
L-istess fil-każ tal-garaxxijiet li jmissu mad-djar, l-hekk imsejħa satellite garages. Il-garaxxijiet jistgħu jkunu sottostanti proprjetà ta’ terzi u f’dak il-każ m’għandniex il-problema tal-arja għax la huwa sottopost għall-proprjetà ta’ terzi, żgur li mhux se tqum il-problema tal-arja. L-effett nett huwa li n-nies jistgħu jsiru sidien ta’ dawn il-garaxxijiet. Din hija skema li għadha għaddejja u s’issa għadu ma sar l-ebda kuntratt għax ma nistgħux nagħmlu kuntratti qabel ma jkollna dan it-tibdil fis-seħħ. L-applikazzjonijiet għadhom għaddejjin u biex nagħti indikazzjoni nista’ ngħid li sal-aħħar ta’ April kienu daħlu madwar 120 applikazzjoni. Nofshom huma għal xiri ta’ garaxxijiet li kienu mikrijin lil terzi. Dak iż-żmien kien hemm madwar 58 applikazzjoni, u nofshom kienu għal dawk il-garaxxijiet li kienu mibnijin fuq art li ngħatat b’ċens temporanju.
Dik hija l-emenda ta’ paragrafu (a) li l-effett nett huwa li ladarba tiġi approvata din il-Mozzjoni, inkunu nistgħu ngħaddu biex nikkuntentaw lil ħafna nies biex isiru sidien ta’ proprjetà. S’issa dawn jammontaw għal madwar 150 persuna.
L-emenda l-oħra hija intiża biex inkunu nistgħu nibdew immexxu ħalli nagħmlu l-kuntratti għal skema oħra. Skema simili saret taħt l-Amministrazzjoni preċedenti f’Diċembru tal-2012 u kienet limitata għall-ħwienet tal-Belt, fejn sidien jew tenants li kellhom b’kirja jew b’ċens ħwienet fil-Belt Valletta setgħu jingħataw kirja għal 15-il sena u din imbagħad setgħet tiġġedded għal 15-il sena oħra u sussegwentement setgħet tiġġedded għal 15-il sena oħra. Kien hemm il-kirja kif jistgħu jidħlu għaliha u kien hemm l-ammont li jibda u l-ammont li jogħla gradwalment. Kien hemm il-każ l-aktar faċli, u naħseb li għadu l-aktar każ faċli, fejn l-operatur huwa wkoll il-kerrej rikonoxxut.
Sur President, xi ħaġa li ilna konxji minnha, mhux din l-Amministrazzjoni biss, hija li fil-Belt Valletta għandna ħafna istanzi fejn il-kerrej huwa wieħed imma l-operatur jaf qiegħed two, three steps down the line. Ikun hemm wieħed li għadda lill-ieħor u mbagħad lill-ieħor u allura jkun hemm ħafna middle men. Il-Gvern jikri lil persuna A imma l-ħanut iħaddmuh persuni B, Ċ, D jew E. Din l-iskema, bħal ta’ qabilha, hija intiża biex xi darba nipprovaw nirregolarizzaw dawn is-sitwazzjonijiet fejn l-operatur huwa totalment differenti mill-kerrej. Din l-iskema hija differenti u għalhekk hemm bżonn ta’ din l-emenda biex inkunu nistgħu nagħmlu din l-iskema. Issa qegħdin nitkellmu fuq ċens u mhux fuq terminu ta’ kera.
L-iskema preċedenti kienet titkellem fuq dritt reali fuq il-proprjetà fejn kirja għal 15-il sena setgħet tiġġedded għal żewġ termini oħrajn. Hawnhekk ukoll qegħdin nitkellmu fuq terminu ta’ 45 sena imma ċ-ċertezza tat-titolu hija akbar għax filwaqt li l-kirja tagħti lil dak li jkun dritt personali fuq il-proprjetà, hawnhekk qed nitkellmu fuq dritt reali fuq il-proprjetà. Fi ftit kliem, wieħed jista’ jissellef fuq dik il-proprjetà, il-perjodu ta’ 45 sena huwa fiss mill-ewwel u minbarra li wieħed jista’ juża l-proprjetà bħala colateral għandu wkoll iċ-ċertezza ta’ titolu ta’ 45 sena. Mhux se nidħol fid-dettalji tal-iskema issa, imbagħad indurhom aktar tard, ngħid biss li minbarra li għandek iċ-ċertezza ta’ 45 sena, li huwa l-akbar inċentiv biex tkun tista’ tinvesti fi proprjetà, wieħed irid iħares lejha anke fid-dawl akbar ta’ riġenerazzjoni tal-Belt kollha.
Ladarba qed nitkellmu fuq ċens, għandek ukoll il-fakultà li tittrasferixxi ż-żmien li jkun fadallek miċ-ċens ta’ 45 sena, għalkemm dejjem ikun hemm bżonn tal-konferma min-naħa tal-Gvern. L-intenzjoni ta’ din l-iskema hija li tkun skema business friendly. B’din l-iskema qed nagħtu anke l-fakultà li tkun tista’ ġġib aktar investiment fis-seħħ. Din l-iskema għandha l-fakultà li tista’ tħajjar lil dak li jkun biex fejn illum għandek operatur li huwa A u t-tenant li huwa B, jiġi rikonoxxut min hemm bżonn minnhom u tagħti aktar flessibilità u aktar ċertezza lil dak li jkun. Minbarra dan, id-dħul tal-Gvern ikun wieħed aktar realistiku.
Ta’ min jgħid li bħala rati ta’ ħlas qed jiġi ssuġġerit li jinżammu r-rati li kien hemm fl-iskema preċedenti tal-2012 għal dak li huwa kull metru kwadru. Iż-żoni kif inhi maqsuma l-Belt Valletta huma żoni ftit aktar vantaġġjużi minn dawk li kien hemm fl-iskema preċedenti. Anke l-persentaġġi ta’ proprjetà li qiegħda basement level ovvjament mhux se tħallas tagħha bħalma tħallas ta’ ground floor level. Jiġifieri l-persentaġġi huma ftit aktar vantaġġjużi. L-istess il-persentaġġi tal-proprjetà li qiegħda first floor level jew aktar ’il fuq. Ir-rati jvarjaw skont iż-żoni tal-Belt u hemm diversi dettalji oħra li forsi mhux lok li ngħaddihom fl-introduzzjoni.
Sur President, se ngħaddi żewġ kummenti tal-aħħar fuq iż-żewġ emendi li din il-Mozzjoni qed timmira għalihom. Fl-ewwel każ qed nitkellmu ħafna aktar fuq iċ-ċittadin iż-żgħir li akkwista garaxx li forsi huwa anness mad-dar tiegħu jew fil-viċinanzi tad-dar tiegħu. Ħafna minn dawn in-nies li kienu akkwistaw id-dar jew il-flat illum bdew jikbru fl-età. Kien hemm diversi skemi fejn il-Gvern biegħ id-djar jew flats imma mingħajr l-approvazzjoni ta’ din l-emenda, ma nistgħux nibdew nikkonkludu l-kuntratti biex inkunu nistgħu nittrasferixxu l-garaxxijiet u nagħmlu aktar nies sidien ta’ proprjetà.
It-tieni skema hija aktar intenzjonata għall-komunità tan-negozju. Fil-bidu se nibdew bil-Belt Valletta, imbagħad hemm il-ħsieb li noħorġu barra mill-belt kapitali ta’ pajjiżna. Jiġifieri f’dan l-istadju wieħed qed iħares lejn il-Belt Valletta bħala pilota. Qed inħarsu li aktar ’il quddiem noħorġu mill-Belt Valletta u hemmhekk ir-rati jkunu ferm differenti. Wieħed ma jistax jagħmel paragun bejn ħanut fi Triq ir-Repubblika u ħanut f’xi raħal, allura ma tistax tuża l-istess rata ta’ meterage. L-iskema kif inhi proposta llum fl-applikazzjoni titkellem biss fuq żewġ jew tliet klassijiet imma jekk naraw li din l-iskema tintlaqa’ tajjeb, u fil-fatt diġà hemm interess, wieħed jista’ jħares ’il quddiem u jiftaħ klassijiet oħrajn. Illum qed nitkellmu fuq ħwienet imma nistgħu nħarsu lejn uffiċini ta’ avukati, pereżempju, jew uffiċini ta’ periti u aġenziji tal-proprjetà. Wieħed irid jara r-rata li jrid ikun hemm u l-ewwel jestendi ftit u naraw klassijiet diversi ta’ negozji u mbagħad aktar ’il quddiem, inkunu nistgħu naraw ukoll diversi lokalitajiet oħrajn f’Malta.
Sur President, f’din l-introduzzjoni pprovajt inkun konċiż kemm nista’. Jekk hemm xi affarijiet li wieħed jixtieq li niċċaraw wara li nisma’ l-kollegi tiegħi, inkun nista’ nirrefe
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. SIMON BUSUTTIL (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, dwar din il-Mozzjoni l-Oppożizzjoni ma tarax diffikultà fis-sustanza u għandha l-ħsieb li tivvota favur tagħha. Għandna xi tħassib dwar ċerti kirjiet ta’ ħwienet li mid-dehra ċ-ċens tagħhom se jisplodi, però dwar dan se jitkellem aktar tard il-kollega tiegħi l-Onor. Ryan Callus.
Dak li xtaqt ngħid jien mhux daqstant dwar din il-Mozzjoni imma dwar min qed jippreżentaha. L-Oppożizzjoni hija sorpriża li meta għandek l-akbar skandlu li laqat lill-Gvern preżenti, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-ewwel okkażjoni li qed jindirizza din il-Kamra qisu xejn mhu xejn, qisu kollox business as usual u ma semma assolutament xejn, meta hemm barra kulħadd qed jitkellem fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena! L-Oppożizzjoni tqis li hemm biżżejjed f’dan l-iskandlu biex is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jirriżenja. Aħna sorpriżi kif ħareġ dak il-ħareġ u s-Segretarju Parlamentari għadu ma refax ir-responsabilità politika ta’ dak li seħħ taħt imnieħru u quddiem għajnejh! Hemm bżonn li xi ħadd jitkellem fuqha din il-kwestjoni u ladarba s-Segretarju Parlamentari deherlu li għandu jinjoraha, se nitkellmu fuqha aħna għax din hija kwestjoni gravi u serja ferm.
Dan huwa skandlu li l-Gvern ma jridx jitkellem fuqu imma li n-nies huma interessati fih. Il-kwestjoni kollha hija sempliċi; is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għamel lil xi ħadd multimiljunarju mil-lejl għan-nhar. Ħażin li dan isir. Dik hija l-kwestjoni kollha, il-Gvern għamel persuna multimiljunarja mil-lejl għan-nhar! U dan sar a spejjeż tan-nies hemm barra. Mela lill-ħaddiema tajtuhom 58ċ fil-ġimgħa imma lil Gaffarena għamiltuh multimiljunarju! Lill-pensjonanti żidtuhom 58ċ fil-ġimgħa imma lil Gaffarena għamiltuh multimiljunarju! Hemm barra hemm ħaddiema li huma msallbin bl-istess kondizzjonijiet ta’ prekarjat li intom wegħedtuhom li se tneħħu iżda għadhom hemm u għadhom ibatu bihom, imma lil Gaffarena għamiltuh multimiljunarju mil-lejl għan-nhar. Dak li sar, sar bil-barka tal-Gvern – u ara ħadd ma jiġih dubju fuq dan – u ladarba sar bil-barka tal-Gvern huwa ħażin. Trid tkun persuna li ma tridx tara biex tgħid li mhuwiex ħażin. Dak li sar huwa korruzzjoni bil-barka tal-Gvern u allura hija korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Sur President, fil-qosor se ngħid x’ġara eżatt. F’dan il-każ kien hemm dar fil-Belt li tintuża mill-Gvern imma mhijiex proprjetà tal-Gvern. Kien hemm persuna li avviċinat lill-Gvern u qaltlu biex jeħdilha kwart ta’ din id-dar, għax hija sid ta’ kwart ta’ din id-dar. Il-Gvern diġà qed jużaha din id-dar u għandu l-użu tagħha għal 13-il sena oħra mingħajr il-bżonn li jesproprjaha. Iimbagħad ġie dan it-tali li għandu kwart ta’ din id-dar u lill-gvern qallu biex jixtriha mingħandu u jesproprjaha. F’kemm ili ngħid, għal kwart ta’ dar il-Gvern ta lil dan it-tali, li inzerta huwa ċertu Marco Gaffarena, €822,000. Lil Gaffarena għoġbitu din il-biċċa xogħol għax għaddew ftit jiem u xtara t-tieni kwart fl-istess dar. Sinjal li Gaffarena kien jaf li l-Gvern lest jixtri mingħandu għax kieku l-Gvern kien interessat jeħodha hu, kien jixtri direttament mingħand sid id-dar. Imma le, Gaffarena xtara t-tieni kwart tad-dar, reġa’ avviċina lill-Gvern u qallu li għandu t-tieni kwart tad-dar u l-Gvern reġa’ xtraha u reġa’ ħallas €822,000 għat-tieni darba!
MR SPEAKER: L-Onor. Godfrey Farrugia on a point of order.
ONOR. GODFREY FARRUGUIA: Sur President, għalkemm kull Membru hawnhekk għandu dritt jitkellem kif jidhirlu hu, irrid niġbidlek l-attenzjoni li bħalissa qegħdin niddiskutu mozzjoni 227.
MR SPEAKER: Grazzi. Onor. Busuttil, tista’ tkompli bid-diskors tiegħek.
ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, nifhem li n-naħa tal-Gvern mhijiex interessata li titkellem fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena. Ladarba mhijiex interessata hi għax għandha x’taħbi, l-Oppożizzjoni għandha d-dritt u d-dmir li titkellem fuq dawn l-affarijiet. (Onor. Membri: Hear, hear)

Mela t-tieni kwart inbiegħ lill-Gvern ukoll u b’kollox, għal nofs din il-proprjetà fil-Belt, il-Gvern ħallas aktar minn €1.5 miljun. Dawn il-€1.5 miljun jikkonsistu f’€0.5 miljun kontanti, l-ammont li kienu qalu li se nġibu mill-Unjoni Ewropea, u l-kumplament…


MR SPEAKER: Ippermettili, Onor. Busuttil. Il-Ministru Carmelo Abela on a point of order. (Interruzzjonijiet)
ONRO. CARMELO ABELA: Inti ma ridtx titkellem fuq il-konkos u ssospendejt il-Kamra biex ma titkellimx fuq il-konkos! Però l-point of order huwa li aħna m’għandna l-ebda problema niddiskutu dan fil-mument opportun u nfakkar ukoll li għaddejja investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali. Jien persważ li l-Awditur Ġenerali mhu se jinfluwenza ruħu minn ħadd, imma naħseb li kulħadd għandu jirregola ruħu meta nitkellmu fuq dan is-suġġett, inkluż f’din il-Kamra.
MR SPEAKER: Dik point of explanation mhux point of order. Onor. Busuttil, tista’ tkompli bid-diskors tigħek.
ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, nieħu gost nisma’ lill-Ministru Carmelo Abela jgħid li m’għandu l-ebda problema jismagħna nitkellmu fuq dan. Mela nistiednu jismagħna ħalli nitkellmu aħna fuq il-każ ta’ Gaffarena ladarba mhuwiex kapaċi jitkellem fuqu hu! (Onor. Membri: Hear, hear)
Fuq din in-nofs dar din il-persuna ħadet aktar minn €1.5 miljun f’kumpens. Imma hemm aktar! Il-kumpens li ħa Gaffarena għażlu hu stess. Il-kumpens li ħa Gaffarena ma jinkludix biss flus imma jinkludi wkoll artijiet kbar. U tafu kemm jinkludi? 43 tomna art! 43 tomna art iġibu daqs nofs iż-żona taż-Żonqor li l-Gvern irid jiżviluppa. Onor. Marlene Farrugia, inti ħriġt tipprotesta wkoll fuq iż-Żonqor. Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ta nofs id-daqs ta’ dik iż-żona lil Marco Gaffarena! Mhux biżżejjed! Tah ukoll ħanut li jiġi taħt proprjetà f’Tas-Sliema li parti minnha diġà kienet ta’ Gaffarena. Mela tah €0.5 miljun kontanti, post f’Tas-Sliema, 43 tomna raba’ u biċċa art li għażilha Gaffarena u hija viċin proprjetà tiegħu. Jiġifieri din kienet maħduma. Hemm ħadma fin-nofs. Kull fejn il-Gvern Laburista jiddeċiedi xi ħaġa bil-moħbi, dejjem ikun hemm ħadma. Dan huwa kumpens esaġerat, li jinkludi 22 tomna art f’Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi fejn l-istess Gaffarena kellu proprjetà magħrufa bħala taċ-Ċavett, u jekk ma tridx, din hija mibnija u qed tuntuża illegalment. Din hija deċiżjoni bil-barka ta’ Kastilja! B’din id-deċiżjoni l-Gvern ħa nofs dar bla ma kellu bżonnha u mingħajr interess pubbliku. L-uniku interess li kellu u li għalih esproprja nofs din id-dar huwa li jaqdi lil Gaffarena. Tah kumpens esaġerat u magħżul minn Gaffarena. Dik hija l-kwestjoni u kull min għandu għajnejh f’wiċċu, kapaċi jasal għal din il-konklużjoni.
Din hija deċiżjoni fost l-aktar deċiżjonijiet korrotti li saru taħt dan il-Gvern f’dawn is-sentejn. Aħna jidhrilna li hemm responsabilità politika x’tintrefa’ għal ħafna raġunijiet. L-ewwel nett dawn wiegħdu li jekk jitilgħu huma, idaħħlu kultura ta’ responsabilità politika u jdaħħlu l-kultura tar-riżenji. Mhux talli ma daħħluhiex il-kultura ta’ responsabilità politika, talli qed jagħmlu oxxenitajiet kbar u qed jippretendu li jiġu hawnhekk, kif għamel l-Onor. Michael Falzon illejla, u qisu xejn mhu xejn, qisu business as usual! Hemm elementi li jsostnu li għandha tintrefa’ r-responsabilità politika. Iva, hemm elementi minn dawn u aħna qegħdin nistennew li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jerfa’ r-responsabilità politika u jirriżenja, kif għandhom jitneħħew ukoll dawk kollha li missew ma’ dan il-każ fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Dawn għandhom jitneħħew kollha.
Sur President, għaliex fil-fehma tagħna l-Onor. Michael Falzon għandu jerfa’ r-responsabilità politika? Aħna m’aħniex qed ngħidu li l-Onor. Michael Falzon daħħal xi flus fil-but. Aħna qed ngħidu li dak li ġara, ġara taħtu u hu responsabbli għalih. Qed ngħidu li hu responsabbli għal dak li ġara u kien jaf b’dak li ġara, iffirma għal dak li ġara u għalhekk tikber ir-responsabilità. U hu ammetta dak li ġara. L-Onor. Michael Falzon ammeta ħafna affarijiet u ammettiehom l-aktar f’intervista li ta bħall-bieraħ ġimgħa lill-ġurnal MaltaToday. Hemmhekk ammetta mill-anqas sitt affarijiet li, għalija, għandhom iwasslu għar-riżenja tiegħu bla ebda telfien ta’ żmien.
L-Onor. Falzon ammetta li siefer għall-kaċċa ma’ Gaffarena. Dan ifisser li dawn jafu lil xuxlin għax inti ma ssifirx ma’ xi ħadd li ma tafux. Ammetta li ltaqa’ ma’ Gaffarena qabel ma ngħalqu dawn id-deals ta’ kwart u kwart. Ammetta wkoll li kien Gaffarena stess li avviċina lill-Gvern biex jiġu esproprjati l-ewwel kwart u t-tieni kwart ta’ dik id-dar. Meta l-Gvern irid jesproprja xi ħaġa, normalment ikun hu li jmur għand is-sidien u jgħidilhom li jrid jieħu l-proprjetà tagħhom għax għandu bżonnha għall-interess pubbliku. Hawnhekk le, mhux il-Gvern mar, kien Gaffarena li mar għand il-Gvern!
Hemm aktar. L-Onor. Michael Falzon qal li kien Gaffarena li probabbilment għażilhom hu l-proprjetajiet b’kumpens. Xi probabbilmnt?! Dażgur li għażilhom hu! Trid tkun ta’ wara l-muntanji biex ma tindunax li għażilhom hu dawn il-proprjetajiet jekk qegħdin ħdejn il-proprjetà tiegħu. Però ammetta iżjed. L-Onor. Michael Falzon ammetta li membru tas-Segretarjat tiegħu, li huwa bniedem f’position of trust, ċertu Clint Scerri, mar ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Din kienet il-ħames ħaġa li ammetta. Imbagħad l-Onor. Michael Falzon ammetta l-aħħar ħaġa, ammetta wkoll li hu ffirma dan kollu. Mela sifirt miegħu, kont tafu qabel, kellimtu qabel, xi ħadd mis-Segretarjat tiegħek mar miegħu fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u inti ffirmajt kollox fl-aħħar! Allura kif ma terfax ir-responsabilità politika, Onor. Michael Falzon? X’qed tagħmel hawn? Erfa’ r-responsabilità politika għax iż-żmien issa qed jgħaddi. Erfa’ r-responsabilità u rriżenja għax din hija korruzzjoni istituzzjonalizzata!
MR SPEAKER: L-Onor. Michael Falzon on a point of order.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sur President, irrid nirrispondi għax l-Onor. Busuttil indirizzani direttament. Onor. Busuttil, ħalli ngħidlek x’qed nagħmel hawn. Hawnhekk qed nagħmel dak li m’għamiltux intom fis-sistema tal-garaxxijiet, dak li m’għamiltux intom fejn jidħlu l-ħwienet tal-Belt u qiegħed hawn nagħmel xogħli. Jekk jogħġbok, tigdibx u tgħid li llum l-ewwel darba li qed nitkellem għax illum it-tielet darba. Iddibattejt diġà darbtejn mal-kollegi tiegħek. Ma nafx kontx hawn. Jekk jogħġbok, għall-anqas ikkoreġi ruħek, tigdibx f’din il-Kamra.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə