Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET LILL-ISPEAKER



Yüklə 183,94 Kb.
səhifə2/10
tarix15.08.2018
ölçüsü183,94 Kb.
#62703
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

MISTOQSIJIET LILL-ISPEAKER



MR SPEAKER: Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari magħmula lis-Sedja mill-Onor. Anthony Agius Decelis dwar investigazzjonijiet/ audits pendenti fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika mil-Leġiżlatura li għaddiet; u
Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari magħmula lis-Sedja mill-Onor. Anthony Agius Decelis dwar investigazzjonijiet/ audits mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika matul din il-Leġiżlatura.
L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, punt ta’ kjarifika. Filwaqt li napprezza r-ruling tas-Sedja u l-fatt li s-Sedja sabet il-kliem użat mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg bħala ċensurabbli, il-kwestjoni hija jekk jistax jitneħħa mit-traskrizzjoni jew le. Ġeneralment it-traskrizzjoni hija riflessjoni ta’ dak li ntqal, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu. Il-minuti huma rekord ta’ dak li sar. Il-fatt li s-Sedja sabet dan id-diskors ċensurabbli ma naħsibx li jfisser li wieħed jista’ jikkoreġi l-minuti ta’ dak li nqtal għax il-minuta hija xi ħaġa storika li tirrifletti d-diskors li jkun intqal. Ir-ruling huwa xi ħaġa separata mill-minuti u mid-diskors li jkun nqtal u ntuża f’dan il-Parlament.
MR SPEAKER: Xi trid tgħid? Mhux qed nifhmek!
ONOR. MARIO DE MARCO: Il-point of order huwa dwar kemm tista’ minuta ta’ diskussjoni fil-Parlament tiġi korretta meta d-Deputat stess, filwaqt li ġustament skuża ruħu, sa fejn naf jien ma rtirax il-kliem li uża. Ladarba ma rtirax, ma naħsibx li wieħed jista’ jikkoreġi minuta ta’ diskussjoni li tkun saret, inkella ma nkunux qed nirriflettu korrettament dak li nqtal u ma nqtalx.
MR SPEAKER: Grazzi. Dan ir-ruling li tajt huwa bbażat fuq rulings preċedenti li ngħataw f’din il-Kamra, u mhux l-ewwel darba li anke wara s-seduta li tkun saret, jiġi ċensurat xi kliem u jitneħħew mit-traskrizzjoni.
ONOR. MARIO DE MARCO: L-importanti huwa li qed jiġi rrekordjat li l-kliem qed jiġi mneħħi mill-minuta għax instab ċensurabbli mis-Sedja.
MR SPEAKER: Hekk se jsir. L-Onor. Carmelo Abela on a point of order.
ONOR. CARMELO ABELA (Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali): Il-point of order huwa wieħed sempliċi ħafna; is-Sedja tat ir-ruling tagħha. Ma naħsibx li għandna noqogħdu niddiskutu r-ruling tas-Sedja!
MR SPEAKER: M’aħniex niddiskutu r-ruling. Il-kjarifikazzjoni hija ċara. Issa ngħaddu għall-Mistoqsijiet Parlamentari.

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI




KUMMISSARJU GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA – MULTI
16136. L-ONOR. JASON AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il multa weħel u x’kien l-ammont ta’ dawn il-multi li weħel il-Ministeru tiegħu mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fl-2014 u fl-2015 dwar nuqqas ta’ ottemporanza ma’ xi ordni tad-Data Commissioner? F’kull każ, x’kienet l-ordni tad-Data Commissioner li ġabet magħha l-impożizzjoni ta’ multa?
ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali weħel żewġ multi fl-2015 li huma ta’ €250 u €1,250 rispettivament. L-ordnijiet li ngħataw mill-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data kienu marbuta ma’ pubblikazzjoni ta’ rapport. Ir-rapport ingħata fit-12 ta’ Mejju 2015.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Hawnhekk għandna konferma li din is-sena l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ġie mmultat darbtejn minħabba li sfida ordni tal-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u ma ppubblikax ir-rapport dwar l-ex Kummissarju tal-Pulizija li waqqaf proċeduri kriminali. Aktar mill-ammont hemm il-fatt li ġie mmultat darbtejn minħabba li m’obdiex ordni tal-Kummisarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, li huwa istituzzjoni importanti f’pajjiżna, u allura l-Ministru jista’ għall-inqas jgħid huwiex f’pożizzjoni li jitlob skuża għan-nom tal-Ministeru li minħabba dak ir-rifjut, ġie mmultat għal darba darbtejn?
MR SPEAKER: Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, sa minn Diċembru tal-2014 il-Gvern kien ikkommetta ruħu li jippubblika dan ir-rapport u effettivament, ippubblikah fil-mument opportun.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Minkejja li s-sena li għaddiet ikkommetta ruħu li jippubblikah, dan ir-rapport ġie pubblikat fit-12 ta’ Mejju tal-2015, ċjoè dakinhar li l-ordni tad-Data Commissioner kienet li jekk se jibqa’ r-rifjut, se jkun hemm multa għal kull ġurnata li tgħaddi. Għalhekk ġie ppubblikat fit-12 ta’ Mejju, mhux għax ridtu, imma għax ma stajtux tagħmlu mod ieħor!
In vista tal-fatt li l-Ministeru, li suppost qiegħed hemmhekk biex jara li tiġi osservata l-liġi minn kulħadd, sfida għal darba darbtejn ordni bil-miktub tad-Data Commissioner, jekk verament għandna Gvern li jisma’ u Gvern umli l-Ministru ma jaħsibx li għandu jkun hemm xi forma ta’ apoloġija?
MR SPEAKER: Qabel ma tirrispondi, Ministru, irrid ngħid li ma jistgħux jiġu ripetuti mistoqsijiet. Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: L-ewwel nett fit-tweġiba li tajt speċifikajt li ngħata fl-2015. Mhux qiegħda mitkuba hawnhekk però għedt li huwa ta’ din is-sena. Allura nikkonferma li t-12 ta’ Mejju huwa tal-2015. It-tieni, ma nistax naqbel ma’ ċerti kummenti li għadda l-Onor. Interpellant. Għalhekk semmejt Diċembru, għax il-Gvern kien impenja ruħu li se jippubblika dan ir-rapport fil-mument opportun. U l-Gvern ħass li l-mument opportun kien fit-12 ta’ Mejju.
Jekk niftakar tajjeb, it-tieni figura tal-multa msemmija hija propju l-per diem u mhux li wara din kien se jkun hemm xi multa oħra. Tajjeb ngħid ukoll li taħt din l-Amministrazzjoni bdiet tiġi applikata l-issue tal-multi. U ninsab infurmat li minn meta twaqqfet il-liġi, id-Data Protection Commissioner ma kienx qed japplika dan il-punt. Mhux neċessarjament għax ma kienx hemm il-ħtieġa, imma donnhom baqgħu lura milli japplikawha. Jien ma nara xejn ħażin li ladarba għandna din il-liġi, li aħna qbilna magħha, dan isir.
Dan il-Gvern żgur li kompla jżid anke drittijiet lil ċittadini tagħna. Il-Gvern kien ikkommetta ruħu li dan ir-rapport se jkun pubblikat. L-impenn inżamm u ngħata. Ovvjament wieħed jirrispetta li kien hemm talba taħt il-Freedom of Information Act, però l-Gvern kien diġà ta l-impenn tiegħu f’Diċembru li għadda. Imbagħad wara saret din it-talba.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Dan l-ilment huwa dwar id-deċiżjoni li kien ħa l-ex Kummisarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit li jkunu rtirati akkużi kriminali fil-konfront ta’ persuna li, allegatament, ħebbet għall-pulizija f’għassa. Huwa fatt li hemm ilment pendenti quddiem id-Data Commissioner li, jekk m’iniex sejjer żball, sar minn spettur tal-pulizija minħabba leakage ta’ file personali lil terzi persuni mill-ex Kummissarju Peter Paul Zammit. Jekk id-Data Commissioner isib li kien hemm ksur tad-data regulations mill-ex Kummissarju tal-Pulizija, li llum jokkupa kariga uffiċjali għax għandu kariga pubblika, xi tkun il-pożizzjoni tal-Ministru f’dak ir-rigward? Ikun idoneu għal uffiċċju pubbliku? Ikun tenibbli?
MR SPEAKER: Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sa fejn niftakar jien, ma ġewx irtirati imma ma tteħdux passi. Jiġifieri l-ex Kummissarju kien iddeċieda li ma jeħux passi. Fir-rigward ta’ jekk u x’jiġri mbagħad, ma naħsibx li għandna nikkummentaw. Jekk jirriżulta dak li qed jgħid l-onorevoli kollega wieħed jikkummenta, però f’dan il-punt ma naħsibx li wieħed għandu jgħaddi kummenti dwar’ x’jista’ jiġri ʼl quddiem.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Il-Ministru l-ġimgħa li għaddiet kien imsiefer fuq xogħol ministerjali u jekk jippermettili nixtieq nistaqsih dwar xi ħaġa relatata mal-Korp tal-Pulizija, però m’għandhiex x’taqsam mal-mistoqsija oriġinali. Il-Ministru jaf li f’Novembru li għadda l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta għamlet xi ħaġa li qatt ma ġrat. Għall-ewwel darba sar protest kontra l-Ministeru tal-Intern minħabba addendum – jiġifieri bdil tal-kondizzjonijiet tax-xogħol – li skont il-Pulizija, ineħħi l-awtonomija u l-indipendenza tal-Korp. Biex inkun ġust, bejn wieħed u ieħor dan seħħ fil-bidu ta’ Novembru u allura ferm qabel ma l-Ministru Abela sar il-Ministru għall-Intern. Jiġifieri dan il-każ seħħ fi żmien il-preċedessur tiegħu. Madankollu jista’ jgħid x’inhi l-pożizzjoni llum fin-negozjati bejn il-Ministru u l-MPA f’din il-matassa? Li jkollok allegazzjoni li l-Korp mhux awtonomu tinkwieta lil dak li jkun. Jista’ l-Ministru jara li tkun indirizzata u solvuta?
MR SPEAKER: Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, l-ewwel nett wara li saru l-emendi tal-liġi, l-MPA llum teknikament ma teżistix. Naf li se tinbidel f’union u naf ukoll li hemm aktar minn union waħda. L-addendum għadu in vigore, jiġifieri għadu ma ġiex irtirat, però nassigura lill-Onor. Interpellant u anke lill-Kamra li jien diġà kelli numru ta’ laqgħat mal-MPA qabel ma din spiċċat bil-liġi u llum, li hemm anke aktar minn union waħda, iridu jsiru diskussjonijiet magħhom. Jien qed immur għal dawn il-laqgħat u qed inkun ċar u miftuħ magħhom kemm nista’ ħalli naraw it-triq ʼil quddiem. Naħseb li hekk għandu jkun biex naslu għal soluzzjoni bejn il-unions u l-Ministeru fuq l-applikabilità tagħha. Naħseb li hemm ideat żbaljati li naħseb li huwa tajjeb li wieħed jiċċarahom. Nassigura lil kulħadd li minn meta daħal dan l-addendum ma kien hemm l-ebda intenzjoni li b’xi mod jew ieħor ikun hemm indħil fil-Korp tal-Pulizija. Ma kienx dan l-iskop tiegħu. U dan ġie spjegat lilhom. Forsi din setgħet tiġi interpretata ħażin però żgur li mhux dan kien l-iskop iżda li wieħed ikun aktar accountable għad-doveri tiegħu.
MR SPEAKER: L-Onor. Jason Azzopardi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Qabelxejn nirringrazzja lill-Ministru li wieġeb il-mistoqsija minkejja li ma kenitx relatata mal-mistoqsija oriġinali. Il-ġimgħa li għaddiet huwa wieġeb mistoqsija dwar spettur li ġie boarded out f’erbat ijiem għal raġunijiet mediċi. Dan huwa aċċettabbli? Dan huwa normali? Kif tispjega l-fatt li persuna li ġiet boarded out, apparti li ġiet boarded out f’erbat ijiem issa ngħatat impjieg fid-dipartiment tal-internal audit fl-Enemalta b’paga fenomenali? Jekk ma kienx tajjeb għall-Korp tal-Pulizija u ġie boarded out għal raġunijiet mediċi – u altru li kien marid biex ġie boarded out f’erbat ijiem – kif f’daqqa waħda issa nstablu xogħol fl-Enemalta b’paga li, Alla jberikha, toqrob is-€60,000 fis-sena?!
MR SPEAKER: Il-Ministru Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Sur President, kelli l-ħsieb li aktar ʼil quddiem inwieġeb fuq dan is-suġġett għax naħseb li l-Oppożizzjoni ma kenitx ġusta fil-kummenti tagħha. L-ewwel nett il-mistoqsija parlamentari 16,103 ġiet imwieġba mill-bidu sal-aħħar, tant li ħarġet l-informazzjoni li kellha toħroġ. Issa jien se nwieġeb għal dak li għandu x’jaqsam mal-Ministeru tiegħi għax m’iniex infurmat dwar dak li għandhom x’jaqsmu miegħu Ministeri oħrajn.
Fil-każ ta’ dan l-ispettur nistqarr li sa meta weġibt il-mistoqsija ma kelli l-ebda idea ta’ min hi l-persuna. Kulma kelli kien dak li preżentajt lil din il-Kamra. Sirt naf wara għax jien għamilt l-investigazzjonijiet tiegħi wara l-mistoqsijiet supplimentari li saru min-naħa tal-Oppożizzjoni. Ngħid bla tlaqliq li l-proċedura kollha f’dan ir-rigward ġiet segwita mill-bidu sal-aħħar u l-ebda step fil-proċedura ta’ meta persuna tiġi boarded out ma ġiet maqbuża.
Jien għandi wkoll spjega mill-Medical Boards Coordinator. Għandi affidavit tiegħu, li bil-permess tas-Sedja se npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra. Bażikament din il-persuna qed tgħid li ma kien hemm l-ebda favuritiżmu rigward il-każ tal-ispettur insemmi u kategorikament qed tiċħad dan. Tajjeb li wara li l-Kamra għaddiet milli għaddiet il-ġimgħa l-oħra l-affarijet isiru ċari għax naħseb li l-Oppożizzjoni għamlet allegazzjonijiet li huma infondati għall-aħħar, kif se nuri permezz ta’ dan l-affidavit. Din il-persuna ffirmat l-affidavit proprju llum u qed tgħid b’mod kategoriku li hija ma ġietx avviċinata minn ħadd biex b’xi mod jew ieħor jitħaffef il-proċess ta’ dan l-ex spettur. Qed jgħid ukoll li dan la kien jaf min huwa l-persuna u lanqas min huwa missieru. Forsi dik kienet ir-rabta li l-Oppożizzjoni pprovaw jagħmlu ma’ dan il-każ tal-ex spettur. Din il-persuna qed tgħid li għaliha kull impjegat tas-servizz pubbliku huwa bħal kull impjegat ieħor u dawk kollha li jiġu riferuti lilha.
Rigward l-istqarrija dwar jekk kienx ġie aġevolat jew le, in vista li dan fi żmien ħamest ijiem minn meta applika ġie boarded out hu qed jgħid li l-bord mediku kellu jiltaqa’ fil-21 ta’ April. Nerġa’ ngħid, il-bord segwa l-proċedura kollha u għandi l-konferma orali anke tal-Kummissarju li l-proċedura kollha ġiet segwita.

U l-Kummissarju wkoll ta l-go ahead tiegħu biex jitlaqqa’ l-bord mediku, li inzerta li kien diġà ffissat għall-21 ta’ April tal-2015.


Irrid ngħid li kien hemm persuna oħra li ddaħħlet għal dakinhar iżda mhux se noqgħod nagħti d-dettalji tagħha. Din m’għandhiex x’taqsam mal-Korp tal-Pulizija imma peress li f’kull laqgħa tal-Bord Mediku ... (Interruzzjonijiet) Jien ma nħarisx lejn l-uċuħ; jekk intom tħarsu lejn l-uċuħ anke min-naħa tal-Oppożizzjoni kif għamiltu qabel l-elezzjoni, affari tagħkom! Mid-dehra għadkom bil-politika l-antika, dik li tħarsu lejn l-uċuħ! (Interruzzjonijiet) Huwa importanti li nispjega li normalment f’kull laqgħa tal-bord mediku jkun hemm post għal 15-il persuna. Dakinhar kien hemm inqas u għalhekk daħħlu lil din il-persuna u lill-persuna l-oħra li kellhom jidhru quddiem il-bord mediku. Għalhekk, biex ingiddeb lin-naħa tal-Oppożizzjoni, inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ ittra datata 22 ta’ Ġunju 2015 mibgħuta mill-Medical Boards Coordinator lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, l-Onor. Carmelo Abela, dwar membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew boarded out.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-Mistoqsijiet issa għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti u nsejjaħ lill-Ministru Helena Dalli.



Yüklə 183,94 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə